Qari tal-Quddies ta’ San Mattija, Appostlu


Stampa t-test tal-qari … 

14 ta’ Mejju
San Mattija, Appostlu
Festa

QARI I
Atti 1: 15-17. 20-26

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dawk il-jiem, Pietru qam quddiem il-ġemgħa tal-aħwa, li kien fiha b’kollox madwar mija u għoxrin ruħ, u qalilhom: “L-aħwa, jeħtieġ li jseħħ dak li nkiteb, dak li l-Ispirtu s-Santu ħabbar b’fomm David fuq Ġuda, li kien il-mexxej ta’ dawk li qabdu ’l Ġesù. Għax hu kien wieħed minna u kellu sehmu f’dan il-ministeru tagħna. Hemm miktub fil-Ktieb tas-Salmi: ‘Ħa ssir ħerba l-għamara tiegħu; ma jkunx hemm min jgħammar fiha’; u wkoll: ‘Ħa jeħodlu ħaddieħor ix-xogħol tiegħu.’

Jeħtieġ għalhekk li wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna ibda mill-magħmudija ta’ Ġwanni sal-jum li fih kien meħud minn magħna ikun ukoll jixhed magħna għall-qawmien tiegħu mill-imwiet.”

Imbagħad ressqu tnejn: Ġużeppi, imsejjaħ Barsâba u mlaqqam ukoll Ġustu, u Mattija. U talbu hekk: “Mulej, int li tagħraf qlub kulħadd, uri liema wieħed minn dawn it-tnejn int għażilt biex jieħu l-post ta’ dan il-misteru u tal-appostolat, li ħalla Ġuda biex imur fejn kellu jmur.”

Imbagħad tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija. Dan ħa post mal-ħdax-il appostlu l-oħra.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
112, 1-8

R/. Il-Mulej qiegħdu mal-kbarat tal-poplu tiegħu!

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej,
minn issa u għal dejjem. R/.

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
jkun imfaħħar isem il-Mulej.
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,
is-sebħ tiegħu ’l fuq mis-smewwiet. R/.

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,
li qiegħed fil-għoli?
Hu li ’l isfel iħares
fuq is-smewwiet u fuq l-art. R/.

Hu jqajjem mit-trab l-imsejken,
u jerfa’ l-fqir mill-miżbla,
biex mal-kbarat iqiegħdu,
mal-kbarat tal-poplu tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU

R/. Hallelujah
Jiena għażiltkom, u ħtartkom
biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġw 15:9-17

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jien ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu.

Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, iżda jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi huwa jagħtihulkom. Dan hu li jiena qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.