Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tas-VII ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Is-Seba’ Ġimgħa tal-Għid
L-Erbgħa

QARI I
Nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu li għandha l-qawwa li tibnikom.
Atti 20, 28-38

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pawlu qal lill-presbiteri tal-Knisja ta’ Efesu: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess.

Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawru d-dixxipli għal warajhom. Għalhekk iftħu għajnejkom, ftakru kif għal tliet snin sħaħ, lejl u nhar, qatt ma waqaft inwissi bid-dmugħ f’għajnejja lil kull wieħed minnkom.

U issa nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu, dik il-kelma li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu. Fidda, deheb u lbies ta’ ħaddieħor qatt ma xtaqthom. Intom stess tafu li kienu dawn idejja li ħadmu għall-ħtiġiet tiegħi u ta’ sħabi. F’kollox urejtkom li b’xogħol iebes bħal dan tagħna għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn, waqt li niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu!”.

Kif temm jgħid dan, niżel għarkupptejh jitlob magħhom ilkoll. Imbagħad infexxew ilkoll f’bikja kbira u bdew jgħannqu lil Pawlu u jbusuh. L-aktar li ħassew għax qalilhom li qatt aktar ma kienu se jerġgħu jaraw wiċċu. Imbagħad wassluh sal-ġifen.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 67 (68), 29-30.33-35a.35b-36ċ

R/. (33a): Slaten tal-art, għannu lil Alla
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek,
wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.
Lejn it-tempju tiegħek f’Ġerusalemm,
għalik is-slaten iġibu l-għotjiet. R/.

Slaten tal-art, għannu lil Alla,
faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:
lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet, fuq is-smewwiet ta’ dejjem.
Arawh! Se jsamma’ leħnu, leħen qawwi:
Agħrfu l-qawwa ta’ Alla! R/.

Fuq Iżrael il-kobor tiegħu;
fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.
Tal-biża’ Alla fis-santwarju tiegħu!
Hu Alla ta’ Iżrael, li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 17, 17b.a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità:
qaddisna permezz tal-verità.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ħa jkunu ħaġa waħda bħalna.
Ġw 17, 11b-19

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema talab u qal: “Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna. Kemm domt magħhom, jiena ħaristhom fl-isem tiegħek, l-isem li tajtni. U jiena ħadt ħsiebhom, u ħadd minnhom ma ntilef ħlief bin it-telfien, biex isseħħ l-Iskrittura. Imma issa jiena ġej għandek, u qiegħed ngħid dan, kif għadni fid-dinja, biex huma jkollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi. Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.

Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin. Huma mhumiex tad-dinja bħalma jiena m’iniex tad-dinja. Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità. Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja. U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading