7. Id-duttrina dwar id-dnub hija dejjem f’relazzjoni stretta mal-misteru tal-fidwa


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  08/10/1986.

1. Il-professjoni tal-fidi mħabbra minn Pawlu VI fl-1968, fi tmiem is-“Sena tal-Fidi”,  tintroduċi mill-ġdid b’mod komplut it-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa u tat-tradizzjoni qaddisa dwar id-dnub oriġinali. Nisimgħuha.

“Aħna nemmnu li f’Adam ilkoll dnibna; li jfisser li l-ħtija orġinali minnu mwettqgħa waqqgħet in-natura umana, komuni għall-bnedmin kollha, fi stat li fih hija ġġib il-konsegwenzi ta’ din il-ħtija, u li mhix iktar l-istat li fih kienet tinsab fil-bidu fil-proġenituri tagħna, magħmulin fil-qdusija u fil-ġustizzja, li fihom il-bniedem la kien jaf il-ħażin u linqas il-mewt. Din hija n-natura umana hekk imfaqqra, imneżżgħa mill-grazzja li kienet tlibbisha, miġruħa fil-qawwiet propji tagħha u mrażżna għad-dominju tal-mewt, li tiġi trażmessa lill-bnedmin kollha; u huwa f’tali sens li kull bniedem jitwieled fid-dnub. Aħna mela nipprofessaw, mal-Konċilju ta’ Trentu, li d-dnub oriġinali jiġi mgħoddi man-natura umana, “mhux b’imitazzjoni, imma bi propagazzjoni”, u li hu għalhekk, huwa “propju għal kull wieħed u waħda”. “Aħna nemmnu li s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu permezz tas-sagrifiċċju tas-salib fdiena mid-dnub oriġinali u mid-dnubiet kollha personali magħmula minn kull wieħed u waħda minna, b’mod tali li – skont il-kelma tal-Appostlu – “Hemm fejn  kiber bil-kbir id-dnub, kibret bil-kbir il-grazzja”.

2. Wara l-professjoni tal-fidi, imsejħa wkoll “Kredu tal-poplu ta’ Alla”, terga ssir, b’mod analogu mad-digriet tal-Konċilju ta’ Trentu, fil-Magħmudija, u qabel xejn f’dik tal-imwielda ġodda: “sabiex huma, mwielda nieqsa mill-grazzja soprannaturali, jitwieldu mill-ġdid “mill-ilma u mill-Ispirtu Santu” għall-ħajja divina f’ Ġesù Kristu”.

Bħal ma wieħed jistà jara, ukoll dan it-test ta’ Pawlu VI jikkonferma li d-duttrina kollha rivelata dwar id-dnub u b’mod partikolari dwar id-dnub oriġinali hija dejjem b’referenza stretta mal-misteru tal-fidwa. Hekk se nfittxu li nippreżentawha wkoll f’dawn il-katekeżi. B’mod differenti ma jkunx possibbli nifhmu għal kollox ir-realtà tad-dnub fl-istorja tal-bniedem. Dan jesponih San Pawl b’mod speċjali fl-Ittra lir-Rumani,għal liema  jalludi l-Konċilju ta’ Trentu fid-digriet dwar id-dnub oriġinali.

Pawlu VI, fil-“Kredu tal-poplu ta’ Alla”, introduċa mill-ġdid fid-dawl ta’ Kristu feddej l-elementi kollha tad-duttrina dwar id-dnub oriġinali, miġbura fid-digriet tridentin.

3. Fir-rigward tad-dnub tal-proġenituri l-“Kredu tal-poplu ta’ Alla” jitkellem dwar in-“natura umana  mfaqqra”. Biex nifhmu aħjar is-sinifikat ta’ din l-espressjoni huwa opportun li nerġgħu lura għad-deskrizzjoni tal-waqgħa proposta mill-Ġenesi. Fiha hemm kontenut ukoll il-kastig ta’ Alla lil Adam u Eva dejjem fil-preżentazzjoni antropomorfika tal-interventi divini magħmula mill-Ktieb tal-Ġenesi. Skont ir-rakkont bibbliku, wara d-dnub il-Mulej jgħid lill-mara: “Nimmultiplika n-niket tiegħek u t-tqaliet tiegħek, fid-duluri twelled lil uliedek. Lejn żewġek ikun l-istint tiegħek, imma hu jiddominak” (Ġen 3, 16).

“Lir-raġel (Alla) qal:  «Talli smajt leħen martek u kilt mis-siġra, li jien kont amartlek: M’għandikx tiekol, misħuta tkun l-art minħabba fik! Bit-tbatija taqlà x’tiekol il-jiem kollha ta’ ħajtek. Xewk u għollieq tipproduċi għalik u tiekol l-ħaxix ħażin. Bl-għaraq ta’ ġbinek tiekol il-ħobż, sakemm terġà lura għall-art, għaliex minnha tteħidt: trab int u fit-trab terġà tmur!»” (Ġen 3, 17-19).

4. Dan il-kliem qawwi u sever jirreferi għas-sitwazzjoni tal-bniedem fid-dinja bħala riżultat tal-istorja. L-awtur bibbliku ma jaħsibhiex darbtejn biex jattribwixxi lil Alla bħala sentenza ta’ kundanna. Din timplika s-“saħta tal-art”: il-ħolqien viżibbli sar għall-bniedem barrani u ribell.

San Pawl jitkellem minn “sottomissjoni tal-ħolqien għall-kaduċità” minħabba d-dnub tal-bniedem, li għalih ukoll”il-ħolqien kollu jokrob u jsofri sal-lum fl-uġigħ tal-ħlas” sakemm jiġi “meħlus mill-iskjavitù tal-korruzzjoni”  (Rm 8, 19-22). Dan l-iskwilibriju tal-ħolqien għandu l-influss tiegħu fuq ix-xorti tal-bniedem fid-dinja viżibbli. Ix-xogħol, li permezz tiegħu l-bniedem jakkwista għalih il-mezzi li jsostnuh, isir “bil-għaraq tal-ġbin”, mela huwa marbut mal-għejja L-eżistenza  kollha tal-bniedem hija kkaratterizzata mill-għejja u mit-tbatija u dan jibda diġa bit-twelid, akkumpanjat mid-duluri ta’ min iwelldu u, wkoll għalkemm ma jkunx jaf, tal-istess tarbija, li minn naħa tagħha tokrob u twerżaq.

5. U fl-aħħar, l-eżistenza kollha tal-bniedem fuq l-art hija suġġetta għall-biżà tal-mewt, li skont ir-rivelazzjoni hija marbuta b’mod ċar mad-dnub oriġinali. Id-dnub stess huwa sinonimu tal-mewt spiritwali, ġaladarba permezz tad-dnub il-bniedem tilef il-grazzja santifikanti, sors tal-ħajja soprannaturali. Sinjal u konsegwenza tad-dnub oriġinali hija l-mewt tal-ġisem, hekk kif minn dak iż-żmien hija sperimentatha mill-bnedmin kollha. Il-bniedem kien maħluq minn Alla għall-immortalità; il-mewt li tidher bħala qabża traġika fid dlam, tikkostitwixxi l-konsegwenza tad-dnub, kważi bħala immanenza loġika tagħha, imma speċjalment b’kastig ta’ Alla. Dan huwa t-tagħlim tar-rivelazzjoni u din hija l-fidi tal-Knisja: mingħajr id-dnub, it-tmiem tal-prova terrena ma kienx ikun daqstant drammatiku  .

Il-bniedem inħoloq minn Alla wkoll għall-ferħ, li,  fl-iskop tal-eżistenza terrena, kellu jfisser li jkun liberu minn ħafna tbatijiet, talinqas fis-sens ta’ possibiltà ta’ esenzjoni minnhom: “posse non pati”, kif ukoll esenzjoni mill-mewt, fis-sens ta’  “posse non mori”. Bħal ma wieħed jistà jara mill-kliem attribwit lil Alla mill-Ġenesi (3, 16-19), u minn tant testi oħra tal-Bibbja u tat-tradizzjoni, bid-dnub oriġinali din l-esenzjoni spiċċat tkun il-privileġġ tal-bniedem. Ħajtu fuq l-art ġiet sottomessa għal bosta tbatijiet u għall-ħtieġa tal-mewt.

6. Il-“Kredu tal-poplu ta’ Alla” jgħallem li n-natura umana wara d-dnub oriġinali mhix iktar “fl-istat li fih kienet fil-bidu fil-proġenituri tagħna”. Din “intilfet” (“lapsa”),ġaladarba hija nieqsa mid-don tal-grazzja santifikanti, u wkoll minn doni oħra, li fl-istat tal-ġustizzja oriġinali kienu jikkostitwixxu l-perfezzjoni  (“integritas”) ta’ din in-natura. Dawn mhumiex biss l-immortalità u l-esenzjoni minn bosta tbatijiet, fonti mitlufa minħabba d-dnub, imma wkoll d-dispożizzjoni interna tar-raġuni u tar-rieda, jiġifieri tal-enerġiji abitwali tar-raġuni u tar-rieda. Bħala konsegwenza tad-dnub oriġinali l-biedem kollu, ruħ u ġisem, tħawwad: “secundum animam et corpus”, jippreċiża s-Sinodu ta’ Orange, fis-sena 529, li kważi jtennih id-digriet tridentin  meta jinnota li l-bniedem kollu ddeterjora: “in deterius commutatum fuisse”.

7. Rigward il-fakultajiet spiritwali tal-bniedem dan id-deterjorament jikkonsisti fl-oskurament  tal-kapaċitajiet tal-intellett biex jagħraf il-verità, u fid-dgħajfin tar-rieda ħielsa, li ddagħjfet quddiem l-attrazzjonijiet tal-ġid sensibbli u hija maġġorment esposta għax-xbihat foloz tal-ġid elaborat mir-raġuni taħt l-influss tal-passjonijiet. Imma skont it-tagħlim tal-Knisja, dan huwa deterjorament relattiv, mhux assolut, mhux intrinsiku għall-fakoltajiet umani. Il-bniedem mela, ukoll wara d-dnub oriġinali, jistà jagħraf bl-intellett il-veritajiet naturali fundamentali, ukoll reliġjużi, u l-prinċipji morali. Jistà wkoll iwettaq opri tajba. Mela wieħed jistà jitkellem pjuttost minn oskurament tal-intellett u minn dgħajfin tar-rieda, minn “ġrieħi” tal-fakultajiet spiritwali bħal dawk sensittivi,  u mhux minn telfa tal-kapaċitajiet tagħhom essenzjali ukoll minn rapport tal-għarfien u tal-imħabba ta’ Alla.

Id-digriet tridentin jenfasizza din il-verità tas-sanità fundamentali tan-natura kontra t-teżi kuntrarja, sostnuta minn Luteru (u iktar tard  irravvivatha mill-Ġansenisti).  Dan jgħallem li l-bniedem b’konsegwenza tad-dnub ta’ Adam ma tilifx ir-rieda ħielsa (can. 5: liberum arbitrium,.. non amissum et extinctum). Huwa mela jistà jwettaq atti li jippossiedu valur morali awtentiku: tajjeb u ħażin. Dan huwa possibbli biss minħabba l-libertà tar-rieda umana. Il-bniedem  imdgħajjef, madankollu, mingħajr l-għajnuna ta’ Kristu mhux kapaċi jorjenta ruħu lejn il-ġid soprannaturali, li jikkostitwixxi r-rejaliżazzjoni tiegħu u l-fidwa tiegħu.

8. Fil-kundizzjoni li sabet ruħha n-natura wara d-dnub, u b’mod speċjali minħabba l-inklinazzjoni tal-bniedem iktar lejn il-ħażin milli lejn it-tajjeb, wieħed jitkellem dwar “fomite tad-dnub” (“fomes peccati”), li minnha n-natura umana kienet ħielsa fl-istat ta’ perfezzjoni oriġinali (“integritas”). Din il-“fomite tad-dnub” ġiet imsejħa wkoll mill-Konċilju ta’ Trentu “konkupixxenza” (“concupiscentia”) waqt li jżid li din tibqà wkoll fil-bniedem iġġusifikat minn Kristu. Mela wkoll wara l-magħmudija qaddisa. Id-digriet tridentin jippreċiża b’mod ċar li l-“konkupixxenza” fiha nfisha għadha mhix dnub, imma: “ex peccato est et ad peccatum inclinat” (DS 1515). Il-konkupixxenza bħala konsegwenza tad-dnub oriġinali, hija sors ta’ inklinazzjoni għad-diversi dnubiet personali mwettqa mill-bnedmin bl-użu ħażin tal-fakultajiet tagħhom (dawk li jissejħu dnubiet attwali, biex nidistngwuhom minn dak oriġinali). Tali nklinazzoni tibqà fil-bniedem ukoll wara l-magħmudija qaddisa. F’dan is-sens kulħadd iġorr fih il-“fomite” tad-dnub.

9. Id-duttrina kattolika tippreċiża u tikkaratterizza l-istat tan-natura umana mdgħajfa (“natura lapsa”) fit-termini li esponejna a bażi tad-dati tal-Iskrittura Mqaddsa u tat-Tradizzjoni. Din hija b’mod ċar proposta fil-Konċilju Tridentin u fil-“Kredu” ta’ Pawlu VI. Imma mill-ġdid għal darb’oħra nosservaw li skont din id-duttrina, bażata fuq ir-rivelazzjoni, in-natura umana hija mhux biss “imdgħajfa”, imma wkoll “mifdija” f’Ġesù Kristu: għalhekk “hemm fejn  kiber id-dnub, kibret bil-kbir il-grazzja” (Rm 5, 20). Dan huwa l-veru kuntest li fih għandhom jiġu kkunsidrati d-dnub oriġinali u l-konsegwenzi tiegħu.

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb