“Mill-milja ta’ Kristu aħna lkoll nirċievu grazzja fuq grazzja”


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 14 ta, Diċembru 1988

75. “Mill-milja ta’ Kristu aħna lkoll nirċievu grazzja fuq grazzja”

  1. Jikteb l-evanġelista Marku li meta Ġesù miet, iċ-ċenturjun li kien jinsab quddiemu, meta raħ imut b’dak il-mod qal: “Tassew dan il-bniedem kien l-Iben ta’ Alla” (Mk15, 39). Dan ifisser li f’dak il-waqt iċ-ċenturjun Ruman kellu intuwizzjoni ċara tar-realtà ta’ Kristu, perċezzjoni inizjali tal-verità ta’ fidi fundamentali.

Iċ-ċenturjun kien semà l-izzikar u l-insulti ndirizzati lil Ġesù mill-avversarji tiegħu u, b’mod partikolari, ir-ridikolaġni dwar it-titolu tal-Iben ta’ Alla rivendikat minn dak li issa ma setax jinżel mis-salib, linqas ma jagħmel xi ħaġa biex isalva lilu nnifsu.

Meta ħares lejn l-imsallab, forsi wkoll diġa waqt l-agunija imma b’mod iktar  qawwi u iktar penetranti fil-waqt tal-mewt, u forsi, min jaf, waqt li ltaqà ma’ ħarstu, huwa jħoss li Ġesù kellu raġun. Iva, Ġesù huwa bniedem, u fil-fatt imut; imma fih hemm iktar minn bniedem; huwa tassew bniedem, bħal ma qal huwa stess, huwa Bin Alla. Dak il-mod ta’ tbatija u ta’ mewt, dak it-tluq ta’ ruħu f’idejn il-Missier,  dak is-sagrifiċċju evidenti għal kawża suprema li għaliha ddedika ħajtu kollha, jeżerċitaw poter misterjuż fuq dak is-suldat li forsi wasal fuq il-Kalvarju wara avventura militari u spiritwali twila, bħal ma xi kittieba immaġinaw u li f’dan is-sens jistà jirrapreżenta kull pagan li jfittex xi xhud u xi rivelatur ta’ Alla.

  1. Il-fatt huwa notevoli, ukoll minħabba li f’dik is-siegħa d-dixxipli ta’ Ġesù kienu skunċertati u xxukkjati fil-fidi tagħhom (cf.Mk14, 50; Ġw 16, 32). Iċ-ċenturjun, iżda, propju f’dak il-ħin jinawgura is-serje tal-pagani li, f’qasir żmien, kellhom jitolbu biex jidħlu fost id-dixxipli ta’ dak il-bniedem li fih, b’mod speċjali wara l-qawmien mill-imwiet kellhom jagħrfu lil Bin Alla bħal ma jixhdu l-Atti tal-Appostli.

Iċ-ċenturjun tal-Kalvarju ma jattendix għall-qawmien mill-imwiet: hija biżżejjed għalih dik il-mewt, dak il-kliem u dik il-ħarsa tal-agonizzant, biex jasal ħalli jippronunzja l-att ta’ fidi tiegħu. Kif jistà wieħed ma jarax f’dan il-frott ta’ impuls tal-grazzja divina, miksub għal dak is-suldat minn Kristu feddej bis-sagrifiċċju tiegħu?

Iċ-ċenturjun, da parti tiegħu, ma naqasx li jqiegħed il-kondizzjoni ndispensabbli biex jirċievi l-grazzja tal-fidi: l-oġġettività, li hija l-ewwel forma ta lejaltà. Huwa ħares, ra, ċeda għar-rejaltà tal-fatti u minħabba f’hekk kien ikkonċedut lilu li jemmen. M’għamilx kalkoli dwar il-vantaġġi li jibqà fuq in-naħa tas-sinedriju, linqas ma ħalla lilu nnifsu jiġi ntimidat, bħal Pilatu (cf. Ġw 19, 8); ħares lejn il-persuni u lejn l-affarijiet u assista bħala xhud imparzjali għall-mewt ta’ Ġesù. Ruħu f’dan kienet nadifa u disposta sewwa. Għalhek intlaqat mill-qawwa tal-verità u emmen. Lanqas ma ħasibha darbtejn li jipproklama li dak il-bniedem kien l-Iben ta’ Alla. Dan kien l-ewwel sinjal tal-fidwa li seħħet.

  1. Sinjal ieħor huwa rreġistrat minn Ġwanni meta jikteb li “wieħed mis-suldati b’lanza fetaħ il-kustat ta’ Kristu u minnufih ħareġ demm u ilma” (cf.Ġw 19, 34).

Ta’ min jinnota li Ġesù kien diġa mejjet. Miet qabel iż-żewġ ħallelin imsallbin miegħu, Dan jipprova l-intensità tat-tbatijiet tiegħu.

Id-daqqa ta’ lanza għalhekk ma kinitx tbatija ġdida mogħtija lil Ġesù. Din pjuttost isservi bħala sinjal tar-rigal totali li huwa għamel tiegħu nnifsu, sinjal imdeffes fl-istess ġismu man- nifda tal-kustat, u wieħed jistà jgħid mal-fetħa ta’ qalbu, manifestazzjoni simbolika ta’ dik l-imħabba li għaliha Ġesù ta kollox u jkompli jagħti kollox.

  1. Minn dik il-fetħa tal-qalb joħorġu d-demm u l-ilma. Dan huwa fatt li jistà jiġi spjegat b’mod fiżjoloġiku. Imma l-evanġelista jikkwotah minħabba l-valur simboliku tiegħu: dan huwa sinjal u aħbar tal-fertilità tas-sagrifiċċju. Kbira tant hija l-importanza li l-evanġelista jattribwilha, li, bilkemm kien għadu rrakonta l-episodju li ma jmurx iżid: “U min ra jagħti xhieda, u x-xhieda tiegħu hija vera. U hu jaf li qed jgħid is-sewwa, sabiex intom ukoll temmnu” (Mk19, 35). Huwa jappella mela għal konstatazzjoni diretta, magħmula minnu stess, biex jenfasizza l-mottivi u l-effetti tas-sagrifiċċju ta’ Kristu.
  2. Infatti l-evanġelista jagħraf fil-ġrajja t-twettiq ta’ dak li kien intqal minn qabel f’żewġ testi profetiċi. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-ħaruf paskwali tal-Lhud, lil liema “ma tkun miksura lilu ebda għadma” ( 12, 46; Nm 9, 12; cf. Sal 34, 21). Għall-evanġelista il-Kristu msallab huwa mela l-ħaruf paskwali u l-“ħaruf żvenat”, kif tgħid Santa Katerina ta’ Siena, il-ħaruf tal-patt il-ġdid,  ipprovdut fil-għid tal-liġi l-qadima u “sinjal effikaċi” tal-liberazzjoni l-ġdid mhux biss ta’ Iżrael imma tal-umanità kollha mill-iskjavitù tad-dnub.
  3. Il-kwotazzjoni bbblika l-oħra magħmula minn Ġwanni hija test oskur attribwit lill-profeta Żakkarija, li jgħid: “Iħarsu lejn dak li kien minfud” (Żk12, 10). Il-profezija tirrigwarda l-ħelsien ta’ Ġesrusalem u ta’ Ġuda permezz ta’ sultan, li għall-miġja tiegħu n-nazzjon kellu jagħraf ħtijietu u  jibki lil dak li hija nifdet bħal ma tagħmel fuq iben uniku li jkun intilef. L-evanġelista japplika it-test għal Ġesù minfud u msallab sadattant ikkontemplat b’imħabba. Għall-ħars ostili tal-għedewwa,, seħħ il-ħars kontemplattiv u amoruż ta’ dawk li kkonvertew. Din l-interpretazzjoni possibbli sservi biex nifhmu l-prospettiva tejoloġika-profetika li fiha l-evanġelista jqis l-istorja li jara tiżviluppa ruħha mill-qalb miftuħa ta’ Ġesù.
  4. Id-demm u l-ilma kienu interpretati b’mod varju fil-valur simboliku tagħhom.

Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni huwa possibbli nosservaw rapport bejn l-ilma li jgelgel mill-kustat minfud u l-istedina ta’ Ġesù fil-festa tal-Għarajjex: “Min għandu l-għatx jiġi għandi u jixrob min jemmen fija. Bħal ma tgħid l-Iskrittura, xmajjar ta’ ilma ħaj igelglu minn sidru” (Ġw 7, 37-38; cf. 4, 10-14; Ap 22, 1). L-evanġelista imbagħad jippreċiża li Ġesù kellu f’moħħu li jitkellem dwar l-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih (Ġw 7, 39).

Oħrajn interpretaw id-demm bħala simbolu tal-maħfra tad-dnubiet bis-saġrifiċċju espijatorju, u l-ilma bħala simbolu tal-purifikazzjoni.

Oħrajn poġġew id-demm u l-ilma in konnessjoni mal-Ewkaristija u mal-Magħmudija.

L-evanġelista ma offriex elementi biżżejjed għal interpretazzjoni preċiża. Imma donnu li indikazzjoni hemm mogħtija mit-test tiegħu dwar il-kustat minfud, li minnu jgelglu demm u ilma, l-effużjoni tal-grazzja li tiġi mis-sagrifiċċju, bħalu stess, sa mill-bidu tal-Vanġelu tiegħu, jitkellem dwar il-Verb inkarnat: “Mill-milja tiegħu aħna lkoll nirċievu grazzja fuq grazzja” (Ġw 1, 16).

  1. Irridu nukkonkludu billi nosservaw li d-dixxiplu favorit jassumi s-sens kollu tiegħu jekk naħsbu li dan id-dixxiplu kien serraħ rasu fuq sider Ġesù waqt l-aħħar ċena. Issa hu kien qed jara dak is-sider imċarrat. Għalhekk ħass il-bżonn li jenfasizza s-simbolu tal-imħabba nfinita li huwa kien skopra f’dik il-qalb, u kien stieden lill-kittieba tal-Vanġelu tiegħu u lill-insara kollha biex jikkuntemplaw dik il-qalb “li tant kienet ħabbet lill-bnedmin”, li tagħti lilha nfisha f’sagrifiċċju għalihom.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb