Noti mis-Sinodu tal-Familja (9). It-tqarbin lid-divorzjati li reġgħu żżewġu


Noti mis-Sinodu (9)

It-tqarbin lid-divorzjati li reġgħu żżewġu

Hemm min qed jgħid li jekk is-Sinodu jasal biex jissuġġerixxi lill-Papa li d-divorzjati fit-tieni żwieġ jistgħu iqerru u jitqarbnu, dan ikun imur kontra d-duttrina tal-indissolubbiltà taż-żwieġ u tal-Ewkaristija.

Imma kif fisser dan l-aħħar it-teologu Dumnikan Patri Giovanni Cavalcoli li hu membru ta’ l-Akkademja Pontifiċja tat-Teoloġija, id-dixxiplina li bħalissa tirregola l-imġiba tad-divorzjati li reġgħu żżewġu hi liġi tal-Knsja u mhux divina.  Il-Knisja ma tistax tibdel il-liġi divina li twaqqaf u tirregola s-sustanza tas-sagramenti, imma tista’ tibdel il-liġijiet li għamlet hi stess, li jolqtu d-dixxiplina u l-pastorali tas-sagramenti.  Għalhekk bidla li tista’ sseħħ fir-regolament ta’ bħalissa fuq id-divorzjati li reġgħu żżewġu mhix se thedded bl-ebda mod id-dinjità tas-sagrament taż-żwieġ.  Li tagħti jew ma tagħtix it-tqarbin jidħol taħt is-setgħa tal-pastorali tagħha u tan-normi tal-liturġija, li huma stabbiliti mill-Knisja skont il-prudenza tagħha, li dejjem jixirqilha r-rispett tagħna, anki jekk mhix infallibbli.  Minn hawn joħroġ li l-Knisja tista’ tneħħi jew tibdel liġijiet li tkun għamlet hi stess.

Dan it-teologu jfisser illi t-tagħlim, li jirrifletti l-istess Kelma ta’ Alla, hekk kif ġiet mgħallma lilna mill-Imgħallem Divin, ma jistax jinbidel; imma, li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet, il-kif, il-fejn, il-meta u lil min jiġu amministrati s-sagramenti, dan Kristu fdah f’idejn l-awtorità tal-Knisja fil-liġijiet kanoniċi, kif ukoll fid-direttivi u n-normi pastorali jew dixxiplinari fuq kull livell, lis-Santa Sede, sa wkoll lill-isqfijiet.  Il-Knisja, għalhekk, hi infallibbli meta tinterpreta l-liġi divina; imma meta tagħmel liġijiet li jiġu applikati skont iċ-ċirkustanzi, dawn il-liġijiet ikollhom valur temporanju, u għalhekk, meta jinħolqu ċirkustanzi ġodda jew għarfien aħjar tal-istess liġi divina, dawn jistgħu jiġu mibdula, imneħħija, ikkoreġuti jew imtejba, sintendi dejjem b’dispożizzjoni ġdida tal-awtorità.

Dan it-teologu jfisser kif matul is-sekli l-Knisja kemm-il darba bidlet id-dixxiplina sagramentali, inkluża d-duttrina fuq iż-żwieġ u l-familja.  Jekk nieħdu s-sagrament tal-penitenza, naraw li l-Knisja għaddiet mill-prassi tal-ewwel sekli fejn kien jiġi ċċelebrat darba biss fil-ħajja ta’ dak li jkun, għar-rakkomandazzjoni attwali tal-qrar ta’ spiss.  Fl-ewwel sekli t-tieni żwieġ ma kienx rakkomandat.  Fis-seklu sbatax is-sagrament tal-Ordni ma setax jingħata lil suġġetti ta’ razza mħallta.  Il-prattika komuni tat-tqarbin ta’ kuljum tmur lura biss sa żmien San Piju X.  L-impedimenti għaż-żwieġ fl-imgħoddi kienu differenti ħafna minn dawk tal-lum.  Pawlu VI neħħa l-hekk imsejħa “ordnijiet minuri”, li dari kienu meħtieġa biex wieħed jersaq għas-saċerdozju.  Kienet ir-riforma Konċiljari li tat f’idejn in-nisa wkoll il-ministeri liturġiċi li darba kienu miżmuma biss għall-irġiel.  Sar-riforma Konċiljari, is-sagrament tad-Dilka tal-Morda, imsejjaħ “l-aħħar dilka”, kien jingħata biss lill-moribondi.  Illum biżżejjed li wieħed ikun imdaħħal fiż-żmien jew marid gravi, u għalhekk dan faċilment jista’ jingħata lill-istess persuna iktar minn darba.  Il-Papa stess bil-Motu Propju tiegħu dan l-aħħar bidel ir-regolament tal-kawżi ta’ nullità taż-żwieġ.

Dwar jekk il-kundizzjoni ta’ divorzjat li qed jgħix fit-tieni rabta hijiex minnha nfisha dnub, Patri Giovanni Cavalcoli jispjega li l-problema tad-divorzjati li reġgħu żżewġu hi li l-adulterju, li mbagħad jaggrava ruħu bil-konkubinaġġ, hu dnub mejjet.  Għaldaqstant hu faċli ħafna li l-koppja, meta tgħix flimkien, taqa’ fid-dnub il-mejjet.  Madankollu hu possibbli l-każ ta’ koppja, li ssib ruħha f’sitwazzjoni oġġettiva u li ma tistax tintrebaħ, li minnha, għal ħafna raġunijiet, ma tistax toħroġ biex terġa’ lura għall-istat ta’ qabel: ngħidu aħna, il-mara ta’ qabel għandha t-tfal minn raġel ieħor, jew il-koppja l-ġdida għandha l-ulied.  Ċertament, wara l-att tad-dnub, jekk il-kuxjenza lil dak li jkun ma ċċanfrux u ma jkollux indiema, jibqa’ l-istat ta’ ħtija.  F’dan il-każ ir-rieda tibqa’ żbaljata u hemm bżonn tiġi kkoreġuta, ħaġa li tista’ u għandha tagħmilha l-istess rieda, bl-għajnuna tal-grazzja.  U dan jista’ jinkiseb grazzi għall-maħfra divina, hi x’inhi s-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jsib ruħu l-midneb, imqar dak divorzjat u fit-tieni rabta.  Xi drabi jeżistu kundizzjonijiet li fihom faċli taqa’ fid-dnub, għax fihom ġibdiet qawwija u okkażjonijiet prattikament inevitabbli ta’ dnub.  Fost il-kundizzjonijiet ta’ dan it-tip bla dubju hemm dik tad-divorzjati fit-tieni żwieġ, li qed jgħixu f’rabta adultera, meta wieħed jissupponi li parti minnhom jew it-tnejn huma marbuta ma’ żwieġ leġittimu preċedenti. F’dan il-każ, it-tnejn ikunu esposti kontinwament għall-pressjoni ta’ okkażjoni inevitabbli tad-dnub; għalhekk wieħed jista’ ċertament jammetti l-eżistenza tal-ħtija suġġettiva, barra l-ħażen oġġettiv tad-dnub, imma l-ħtija tonqos minħabba l-okkażjoni qawwija u inevitabbli, li tegħleb ir-reżistenza ta’ rieda tajba kuntrarja.  Għalhekk id-dnub imwettaq b’għażla libera f’dan il-każ tonqoslu l-gravità tiegħu minħabba fil-qawwa ikbar tat-tentazzjoni.  Naturalment anki fil-każ ta’ ħtija mdgħajfa, għandna nagħmlu tajjeb għal din il-ħtija b’mixja kontinwa u perseveranti ta’ konverżjoni u ta’ penitenza, li tista’ tiġi indikata mill-Knisja nfisha.

Nittama li din ir-riflessjoni tat-teologu Giovanni Cavalcoli op tgħinna naraw aktar ċar.

19 ta’ Ottubru 2015

+ Mario Grech

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.