Noti mis-Sinodu (1)
KPIEPEL U GĦARAJJES
Meta dalgħodu dħalna fis-sala fejn qed jiltaqa’ s-Sinodu ntbaħt kemm kien hemm “kpiepel” differenti fid-daqs u l-kulur. Wieħed kien jispikka fuq l-oħrajn għax hu biss kellu kappell “abjad”. Ma rridx inkun xagħra f’rasu għax għalkemm huwa surmast b’ħiliet kbar, quddiemu għandu battikata biex joħloq l-armonija, għax barra li l-orkestra hija mdaqqsa, xi kultant mhux kulħadd idoqq minn fuq l-istess karta! Jgħinu lill-Papa hemm grupp mhux ħażin ta’ rġiel libsin “kappell” kulur il-larinġa (ma nafx huwiex larinġ ħelu jew qares!) u grupp ieħor li jxidd “kappell” aħmar! Imma fost il-kardinali u l-isqfijiet kien hemm xi wħud li headdress tagħhom hija jew speċi ta’ kuruna jew kappun żgħir (kuslah) – dawn huma dawk li ġejjin minn Knejjes Kattoliċi Orjentali. Filwaqt li dawn kollha huma membri tas-Sinodu, hemm oħrajn libsin kappell f’forma ta’ ċilindru magħruf bħala kamilavka – dawn huma rappreżentanti mill-Knejjes Ortodossi li huma mistiedna għas-Sinodu bħala osservaturi. Fl-aħħar osservajt numru sabiħ ta’ nisa – tneħħi s-sorijiet li kienu bil-libsa reliġjuża, l-oħrajn huma nisa flimkien ma’ żwieġhom li huma mistiedna bħala udituri. Fost dawn hemm koppja bit-tarbija fil-pram! Verament vetrina ta’ varjetà interessanti ta’ “kpiepel” li tirrifletti l-firxa wiesgħa ta’ esperjenzi affettivi, soċjali, reliġjużi u ekumeniċi li ġabu magħhom dawk li qed jieħdu sehem fis-Sinodu.
Kull kappell ifisser ras! U l-varjetà fil-kpiepel timplika varjetà fl-irjus jew aħjar fil-mod kif peruna taħsibha. Għalkemm għadna fl-ewwel ġurnata, l-ewwel interventi li saru wrew biċ-ċar li fis-Sinodu hawn “irjus” differenti. Meta wieħed iqabbel uħud mid-diskorsi li saru llum mad-diskorsi li għamel il-Papa f’dawn il-jumejn, dritt joħroġ fid-dieher li mhux kulħadd liebes l-istess kappell! Anzi, f’xi waqtiet kappell jaf imil lill-ieħor. Wieħed jawgura li fi spirtu ta’ djalogu matul dawn it-tliet ġimgħat dawn l-irjus joqorbu lejn xulxin għall-veru ġid tal-familja u fl-aħħar, meta nsibu kappell għal kulħadd, ħadd ma jibqa b’nofs ilbies.
Waħda mill-esperjenzi sbieħ li smajt kienet storja li rrakkonta wieħed isqof mill-Kanada. Qal li dan l-aħħar żewweġ koppja li kien ilu jakkumpanja għal dawn l-aħħar tnax-il sena. F’dawn is-snin, din il-koppja kellha sitt ulied. Lil kollha ressquhom għall-Magħmudija, imma huma ma xtaqux jersqu għaż-Żwieġ sagrament qabel ma jkunu ċerti li huma mħejjijin tajjeb u li huma konvinti mill-pass li kienu ser jieħdu. Din l-istorja tgħidli kemm għandna bżonn sabar u mħabba fil-ħidma tagħna mal-għarajjes, anki jekk qed jgħixu flimkien. Huwa fatt li ġieli nippruvaw lil koppja ngħaġġlulha l-pass biex titla’ t-taraġ tal-altar anki jekk ma tkunx ippreparata sewwa. Imma dawk li jittellgħu jiġru fuq l-altar, faċli jinżlu t-taraġ tnejn tnejn.
5 ta’ Ottubru 2015
+ Mario Grech