Noti mis-Sinodu (2)
SINODU TMELLISA TA’ ALLA
Kif ngħidu s-soltu, il-ġurnata minn filgħodu turik x’ġej. Hekk inħoss li ġara llum, it-tieni ġurnata tas-Sinodu. Fil-fatt, ħaġa mhux tas-soltu, dalgħodu, propju fil-bidu tal-laqgħa, wara li s-Segretarju Ġenerali għamel xi avviżi, interviena l-Papa. Mhux soltu jagħmel hekk. Qalilna li ried iserraħ moħħ kulħadd li dan is-Sinodu mhux ser imiss id-duttrina. L-għan tas-Sinodu huwa wieħed pastorali. Nifhimha li bħala ragħajja, quddiem is-sitwazzjonijiet ġodda li għandna madwarna, aħna fid-dmir li nsibu kanali ġodda biex ngħinu lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu l-Feddej. Konvint li f’pajjiżna hemm min qed jistenna din l-assigurazzjoni li d-duttrina ser tibqa’ mhix mittiefsa. Imma daqskemm hi ħaġa gravi jekk tinbidel id-duttrina, daqstant ieħor tkun serja jekk ma ninkwetawx meta wara l-bieb tal-Knisja hemm min qed iħabbat biex jidħol, u nagħżlu li nħalluh barra.
Imma dan ma kienx l-uniku intervent tal-Papa llum! Għax fl-omelija li hu għamel fil-Quddiesa li ċċelebra filgħodu fil-kappella ta’ Santa Marta nħoss li bagħat messaġġ qawwi lilna li qed nieħdu sehem fis-Sinodu. Qalilna biex ma nagħmlux reżistenza lill-miżerikordja ta’ Alla. Kompla jgħid li qalb imwebbsa mhux lakemm tiġi minfuda mill-ħniena ta’ Alla. Ħasra li għal xi wħud aktar hija importanti l-lista tal-kmandamenti li rridu nobdu milli l-ħniena ta’ Alla. Ma nistagħġibx li hemm min ma jinżillux dan il-kliem, għax anki Ġesù ma kienx mifhum mill-għorrief tal-liġi meta ma ħallihomx iħaġġru lill-adultera. Il-Papa dalgħodu kkwota sentenza qawwija ta’ Sant’Ambroġ: “Fejn hemm Alla, hemm il-ħniena. Imma fejn hemm ir-riġidità, hemm il-ministri tiegħu”.
Nifhem li l-Papa għamel din ir-riflessjoni wara li sema’ xi wħud mill-interventi fl-awla tas-Sinodu. Imma fost dawk li tkellmu llum kien hemm ukoll diversi li għandhom il-pastorali għal qalbhom. Wieħed mill-isqfijiet tenna li fid-dawl tal-prinċipju tal-inklużjoni hemm bżonn insibu soluzzjonijiet pastorali biex fil-Knisja ħadd ma jħossu “barrani”. Dawn ma humiex “problema” imma persuni li jixtiequ jersqu għand Kristu.
Kelliem ieħor fisser li llum il-Knisja qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi ġodda li ma nistgħux ngħidu li nifhmuhom biżżejjed. Quddiem il-familji mċappsa bid-dnub, Ġesù sar dnub biex jgħinhom jinfatmu mid-dnub tagħhom. Skont dan il-kelliem, il-Knisja għandha bżonn ta’ “GPS” li juriha t-triq; imma spiss jiġri li għalkemm il-GPS jindika d-direzzjoni, jista’ jkun li t-triq tkun imħarbta u niddeċiedi li nibdel ftit it-triq, forsi ngħaddi minn triq sekondarja, imma fl-istess direzzjoni. Dan l-argument japplika għal pastorali f’sitwazzjonijiet diffiċli.
Forsi waħda mill-isbaħ espressjonijiet li smajt illum kienet din: naħdmu biex is-Sinodu jkun tmellisa ta’ Alla lill-familji feruti.
6 ta’ Ottubru 2015
+ Mario Grech