Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Giovanna Delanoue

Print Friendly, PDF & Email

Fis-17 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil Santa Giovanna Delanoue, magħrufa bħala Santa Giovanna tas-Salib li għexet bejn is-snin 1666 sa 1736.

Iż-żgħira fost 12-il aħwa, Giovanna twieldet fis-sena 1666. Il-familja tagħha kellha negozju żgħir imma ta’ suċċess. Meta ommha li kienet armla mietet, ħalliet il-ħanut li kellhom f’Saumur fi Franza f’idejn bintha ta’ 25 sena, li fih il-ġenituri tagħha kienu jservu l-ikel lill-pellegrini.

Ma kinitx tifla ħażina, imma moħħha kien kif ser tagħmel il-flus u wettqet diversi dnubiet żgħar biex jirnexxielha tagħmel dan. Hija bdiet tiftaħ il-ħanut il-Ħadd.

Darba kienet tifla devota, imma issa ftit kien għad fadlilha mħabba f’qalbha. Ommha kienet dejjem ġeneruża mat-tallaba. Giovanna, għall-kuntrarju, kienet tixtri l-ikel ftit qabel il-pranzu, biex b’dan il-mod, hija setgħet tgħid lit-tallaba li kienu jiġu jħabbtu mal-bieb matul il-ġurnata: “M’għandi xejn x’nagħtikom.”

Giovanna ma sabitx kuntentizza f’din it-tip ta’ ħajja. Darba żammet għandha b’xejn lil mara xiħa li kienet tara l-viżjonijiet. Din ħabritilha li xi darba hi għad tkun ta’ għajnuna kbira għall-foqra. Giovanna laqgħet din it-taħbira b’xettiċiżmu, imma ż-żjara ta’ din il-mara, ħawdet tant lil Giovanna spiritwalment, li din marret talbet parir mingħand saċerdot, għalqet in-negozju l-Ħadd u bdiet tagħmel għemil ta’ penitenza. Meta l-mara xiħa reġgħet ġiet għandha, Giovanna għarfet li l-vokazzjoni tagħha ma kinitx in-negozju, iżda li taqdi lill-foqra.

Sa fl-aħħar meta hija kellha 27 sena, saċerdot twajjeb għenha tibda tgħix skont il-fidi, u bdiet tixgħel bl-imħabba u bil-fervur nisrani. Hija mbagħad fehmet li kellha tagħti flusha lil min jeħtieġ u mhux trekkinhom għall-gwadann tagħha personali. Hi bdiet tieħu ħsieb il-familji foqra u l-orfni. Eventwalment, għalqet il-ħanut tagħha biex tkun tista’ tiddedika aktar ħin għalihom u għat-38 sena li segwew wara, hija kienet aktar tagħti milli tirċievi.

Hija tat l-aqwa libsa li kellha u Alla ħallasha b’esperjenza spiritwali li damet tliet ijiem, li fiha rat minn qabel il-kongregazzjoni tagħha. In-nies kienu jsejħu lid-dar tagħha mimlija orfni, “Dar tal-Providenza” li setgħet tilqa’ fiha 300 marid. Hi kkonvinċiet nisa oħra biex jgħinu f’din il-ħidma.

Giovanna għexet ħajja ta’ sagrifiċċju u kienet tipprattika l-penitenza. Meta ltaqa’ magħha San Alwiġi de Montfort, għall-ewwel ħaseb li kienet ħarxa magħha nnifisha, minħabba li kienet supperva. Imma mbagħad irrealizza li qalbha kienet mimlija mħabba għal Alla. Hu qallha: “Kompli f’dak li bdejt. L-Ispirtu t’Alla jinsab miegħek. Obdi kull ma jgħidlek u tibża’ xejn.”

Giovanna mietet fil-paċi fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 1736 fl-età ta’ 70 sena. In-nies ta’ Saumur qalu, “Dik in-negozjanta ċkejkna għamlet aktar ġid lill-foqra ta’ Saumur mill-kunsilliera kollha f’daqqa tal-pajjiż. X’mara dik! U x’persuna qaddisa!” Hi ġiet iddikjarata “beata” mill-Papa Piju XII fl-1947, l-istess sena meta San Alwiġi de Montfort kien iddikjarat qaddis. Ġiet ikkanonizzata fil-31 ta’ Ottubru tas-sena 1982 minn Papa Ġwanni Pawlu II, u hija l-fundatriċi tas-sorijiet ta’ Sant’ Anna tal-Providenza ta’ Saumur li jieħdu ħsieb il-fqar, il-morda u dawk li ħadd ma jagħti kashom.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: