2. Ħallieq tas-Sema u tal-Art


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  15/01/1986.

1. Il-Verità dwar il-ħolqien hija oġġett u kontenut tal-fidi nisranija: din hija preżenti b’mod espliċitu unikament fir-rivelazzjoni. Infatti ma ssibhiex jekk mhux b’mod vag fil-kosmoġoniji mitoloġiċi ‘il barra mill-Bibbja, u hija nieqsa mill-ispekulazzjonjiet ta’ filosfi antiki, ukoll l-iktar kbar, bħal Platun u Aristotili, li għalkemm elaboraw kunċett elevat biżżejjed bħall-Esseri assolutament perfett, bħala  l-Assolut.

L-intelliġenza umana tistà weħedha tasal biex tifformula l-verità li d-dinja u l-esseri kontinġenti (mhux meħtieġa) jiddependu mill-Assolut. Imma l-formulazzjoni ta’ din id-dipendenza bħala “ħolqien” –  mela a bażi tal-verità dwar il-ħolqien – tappartieni oriġinalment lir-rivelazzjoni divina u f’dan is-sens hija verità ta’ fidi  .

2. Din hija mxandra fil-bidu tal-professjoni tal-fidi, tibda mill-iktar antiki, bħal ma hu s-Simbolu apostoliku: “Jiena nemmen f’Alla . . . ħallieq tas-sema u l-art”; u s-Simbolu niċen-kostantinoplitan: “Jiena nemmen f’Alla . . . ħallieq tas-sema u l-art, ta’ dak kollu li jidher u ta’ dak li ma jidhirx”; sa dak  imxandar mill-Papa Pawlu VI, li jidher taħt l-isem ta’ Kredu tal-poplu ta’ Alla: “Aħna nemmnu f’Alla wieħed . . . ħallieq tal-ħwejjeġ li jidhru, bħal din id-dinja fejn ngħaddu din il-ħajja tagħna li tgħaddi, tal-ħwejjeġ li ma jidhrux bħal ma huma l-ispirti puri, msejħin  ukoll anġli, u ħallieq ta’ kull bniedem tar-ruħ spiritwali u immortali” (Insegnamenti di Paolo VI, VI, 1968, p. 302).

3. Fil-“kredu” nisrani l-verità dwar il-ħolqien tad-dinja u tal-bniedem bl-opra ta’ Alla tokkupa post fundamentali minħabba l-għana partikolari tal-kontenut tagħha. Infatti  ma nirreferux biss għall-oriġni tad-dinja bħala riżultat tal-att ħallieq ta’ Alla, imma nirrivelaw ukoll lil Alla bħala ħallieq, Alla, li tkellem permezz tal-profeti u dan l-aħħar permezz tal-Iben (cf. Lh 1, 1), għarraf lil dawk kollha li jilqgħu r-rivelazzjoni tiegħu mhux biss li propju hu ħalaq id-dinja, imma speċjalment xi tfisser tkun ħallieq.

4. L-Iskrittura Mqaddsa (it-Testment il-Qadim u l-Ġdid) hija mimlija bil-verità dwar il-ħolqien u dwar Alla ħallieq. L-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ktieb tal-Ġenesi, jibda  bl-allegazzoni ta’ din il-verità: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art” (Ġen 1, 1). Dwar tali verità jerġgħu lura diversi siltiet bibbliċi oħra, waqt li juru kemm profondament din ippenetrat il-fidi ta’ Iżrael. Infakru almenu xi ftit. Huwa migħud fis-Salmi: “Tal-Mulej hija l-art u dak kollu ta’ ġo fiha, l-univers u l-abitanti tiegħu. Huwa hu li halaq l-ibħra tiegħu” (Sal 88, 12). “Tiegħu l-baħar, huwa għamlu, idejh  immudellaw l-art” (Sal 94, 5). “Bil-grazzja tiegħek hija mimlija l-art. Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet . . . Għaliex hu jitkellem u kollox isir, jamar u kollox jeżisti”  (Sal32, 5-6. 9). “Tkunu mberkin mill-Mulej li għamel is-sema u l-art” (Sal 115, 15). L-istess verità tiġi mistqarra mill-awtur tal-ktieb tal-Għerf (Għerf 9, 1): “Alla ta missirijietna u Mulej ta’ ħniena, li kollox ħloqt b’kelmtek . . .”. U l-profeta Iżaija ( 44, 24) jirreferi bl-ewwel persuna l-kelma ta’ Alla ħallieq: “Huwa jien, il-Mulej, li għamilt kollox”.

Ma humiex inqas ix-xhieda preżenti fit-Testment il-Ġdid. Hekk, per eżempju, fil-prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni (Ġw1, 1-3) jingħad: “Fil-bidu kien il-Verb . . . Kollox sar permezz tiegħu u mingħajru ma sar xejn minn dak kollu li jeżisti”.  L-Ittra lil-Lhud (Lh 11, 3), minn naħa tagħha, tistqarr: “Bi twemmin nafu li d-dinjiet saru bil-kelma ta’ Alla,  u hekk minn ħwejjeġ li ma jidhrux nibet dak li jidher”.

5. Fil-verità tal-ħolqien huwa espress il-ħsieb li kull ħaġa eżistenti minbarra Alla ġiet imsejħa minnu għall-eżistenza. Fl-Iskrittura Mqaddsa insibu  numru ta’ testi li jkellmuna b’mod ċar. Dan huwa fil-każ tal-omm tas-sebà wlied, li dwaru jitkellem il-Ktieb tal-Makkabej, li quddiem it-theddida tal-mewt, tqawwi qalb l-iżgħar wieħed minn uliedha biex jipprofessa l-fidi ta’ Iżrael, billi tgħidlu: “Ħares lejn is-sema u l-art . . . Alla għamilhom mhux minn ħwejjeġ li kienu ġa jeżistu qabel; hekk ukoll huwa l-oriġni tal-ġeneru uman”  (2 Mak 7, 28). Fl-Ittra lir-Rumani (Rm 4, 17) naqraw: “Abraham emmen f’Alla li jagħti l-ħajja lill-mejtin u jsejjaħ għall-eżistenza l-ħwejjeġ li għadhom ma jeżistux”.

“Toħloq” mela tfisser: tagħmel mix-xejn, issejjaħ għall-eżistenza, jiġifieri tifforma esseri mix-xejn. Il-lingwaġġ bibbliku, jippermetti li wieħed  jilmaħ tali sinifikat diġa fl-ewwel kelma tal-Ktieb tal-Ġenesi: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art”. It-terminu “ħalaq” jittraduċi l-Ebrajk “bara”, li tesprimi azzjoni ta’ qawwa straordinarja, li l-uniku suġġett tagħha huwa Alla. Bir-riflessjoni posteżilika tiġi mifhumha dejjem aħjar  l-importanza  tal-intervent divin inizjali, li fit-tieni Ktieb tal-Makkabej (2 Mak 7, 28) huwa finalment ippreżentat bħala produzzjoni “mhux minn ħwejjeġ li kienu diġa jeżistu”. Is-Santi Padri tal-Knisja u t-tejoloġi jiċċaraw iktar is-sinifikat tal-azzjoni divina billi jitkellmu dwar ħolqien “mix-xejn” (“creatio ex nihilo” – b’mod iktar preċiż – “ex nihilo sui et subiecti”). Fl-att tal-ħolqien Alla huwa bidu esklussiv u dirett tal-esseri l-ġdid, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwè materja prieżistenti.

6. Bħala Ħallieq, Alla huwa sa ċertu punt “lil hinn” mill-maħluq u l-maħluq huwa “lil hinn” minn Alla. Fl-istess ħin il-Maħluq huwa kompletament u pjenament huwa midjun ma’ Alla għall-eżistenza propja tiegħu (li hu dak li hu), għaliex oriġina kompletament u pjenament mill-qawwa ta’ Alla.

Wieħed jistà wkoll jgħid li permezz ta’ din il-qawwa ħallieqa (l-omnipotenza) Alla jinsab fil-ħolqien u l-ħolqien jinsab fih. Madankollu din l-immanenza ta’ Alla ma  taffettwa assolutament xejn it-traxxendenza li hija propja tiegħu fir-rigward ta’ kull ħaġa li lilha huwa jagħti l-eżistenza.

7. Meta l-appostlu Pawlu medd siequ fl-Arjopagu ta’ Ateni, kellem hekk lis-semmiegħa miġbura hemm: “Waqt li għaddejt u osservajt il-monumenti tal-kult tagħkom, sibt ukoll  altar bl-iskrizzjoni: Lil Alla mhux magħruf. Dak  li intom taduraw bla ma tafu, jien se nħabbarulkom. L-Alla li għamel id-dinja u kull ma fiha, li huwa Mulej tas-sema u l-art . . .” (At 17, 23-24).

Huwa sinifikattiv li l-Atenjani, li kienu jagħrfu bosta allat (il-politejiżmu pagan), semgħu dan il-kliem dwar l-Alla uniku mingħajr ma qanqlu ebda oġġezzjoni. Dan il-partikular donnu jikkonferma li l-verità dwar il-ħolqien tikkostitwixxi punt komuni bejn il-bnedmin li jipprofessaw reliġjonijiet differenti. Forsi l-verità tal-Ħolqien għandha għeruqha b’mod oriġinarju u elementari  f’diversi reliġjonijiet, li fihom ma jinstabux kunċetti ċari biżżejjed, bħal dawk miġbura fl-Iskritturi Mqaddsa.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.