3. Fil-Ħolqien Alla Jġib fl-Eżistenza lid-Dinja mix-Xejn


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  29/01/1986.

1. Il-verità li Alla ħalaq, li jiġifieri ġab mix-xejn dak kollu li jeżisti għajr hu, kemm id-dinja kif ukoll il-bniedem, issib l-espressjoni tagħha diġa fl-ewwel paġna tal-Iskrittura Mqaddsa, ukoll jekk  l-elaborazzjoni sħiħa tinsab biss fl-iżvilupp suċċessiv tar-rivelazzjoni.

Fil-bidu tal-Ktieb tal-Ġenesi niltaqgħu mar-“rakkonti” tal-ħolqien. Fil-fehma tal-istudjużi tal-Bibbja t-tieni rakkont huwa l-iktar wieħed qadim, għandu karattru iktar figurattiv u konkret,  li jindirizza lil Alla billi jsejjaħlu bl-isem ta’ “Jaħwè”, u minħabba f’dan huwa msejjaħ bħala “sors jaħwista”.

L-ewwel rakkont, iktar qadim inkwantu għal żmien ta’ kompożizzjoni, jippreżenta ruħu iktar sistematiku u iktar tejoloġiku; biex  jindika lil Alla jirrikorri għat-terminu “Elohim”. Fih l-opra tal-ħolqien hija mferrxa tul serje ta’ sitt ijiem. Għaliex is-sebà jum huwa ppreżentat bħala l-jum li fih Alla jistrieħ, l-istudjużi waslu għall-konklużjoni li dan it-test oriġina f’ambjent sacerdotali u kulturali.Waqt li jipproponi lill-bniedem ħaddiem l-eżempju ta’ Alla Ħallieq, l-awtur ta’ Ġen 1 ried  jikkonferma t-tagħlim miġbur fid-Dekalogu,  waqt li jagħġen l-obbligu tas-santifikazzjoni tas-sebà jum.

2. Ir-rakkont tal-opra tal-ħolqien jistħoqqlu li jkun moqri u mmeditat ta’ spiss fil-liturġija u barra minnha. Għal dak li jirrigwarda l-jiem singuli, wieħed isib bejn wieħed u l-ieħor kontinwità stretta u analoġija ċara. Ir-rakkont jibda bil-kliem: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art”, jiġifieri id-dinja kollha viżibbli, imma mbagħad fid-deskrizzjoni tal- jiem singuli dejjem imur lura għall-espressjoni: “Alla qal: Isir . . . .”, jew inkella espressjoni simili. Għall-qawwa  ta’ din il-kelma tal-Ħallieq: “ikun”, “isir”,  tfeġġ b’mod gradat id-dinja viżibbli: l-art fil-bidu hija, “bla forma u deżerta” (kaos); wara, taħt l-azzjoni tal-kelma ħallieqa ta’ Alla, hija ssir  tajba għall-ħajja u tintela b’esseri ħajjin, il-pjanti u l-annimali, f’nofs liema, fl-aħħar Alla ħalaq il-bniedem “xbiha tiegħu” (Ġen 1, 27).

3. Dan it-test għandu xeħta  speċjalment reliġjuża u tejoloġika. Ma nistgħux infittxu fih elementi sinifikattivi mill-punt di vista tax-xjenzi naturali. It-tiftix dwar l-oriġni u dwar l-iżvilupp tal-ispeċi singuli “fin-natura” ma jsibx f’din id-deskrizzjoni xi norma “vinkulanti”, linqas  kontribut pożittiv ta’ interess sostanzjali. Anzi, bil-verità dwar il-ħolqien tad-dinja viżibbli – hekk bħal ma hi ppreżentatha fil-Ktieb tal-Ġenesi – ma tikkuntrastax, f’dak li huwa prinċipju, lit-tejorija tal-evoluzzjoni naturali, meta hija meħtieġa b’mod li ma teskludix iċ-ċans divin.

4. Kollox ma’ kollox l-immaġni tad-dinja  toħroġ taħt il-pinna tal-awtur inspirat, bil-karatteristiċi tal-kożmoġiniji taż-żmien, li fihom huwa jinserixxi b’oriġinalità assoluta l-verità dwar il-ħolqien ta’ kull ħaġa bl-opra tal-Alla uniku: u din hija l-verità rivelata.

Imma t-test bibbliku jekk minn banda jiddikjara d-dipendenza totali tad-dinja viżibbli minn Alla, li bħala dak li ħalaq għandu poter sħiħ fuq kull krejaturi (l-hekk imsejjaħ “dominium altum”), mill-banda l-oħra jenfasizza l-valur tal-krejaturi kollha f’għajnejn Alla. Fit-tmiem ta’ kull jum infatti huwa jirrikorri għas-sentenza: “U Alla ra li kienet ħaġa tajba”, u fis-sitt jum, wara l-ħolqien tal-bniedem, ċentru tal-kożmu, naqraw: “Alla ra dak kollu li kien għamel, hekk hu, din kienet ħaġa tassew tajba” (Ġen 1, 31).

Id-deskrizzjoni bibblika tal-ħolqien għandha karattru  ontoloġiku, jiġifieri jitkellem dwar l-entità, u fl-istess ħin assjoloġiku, jiġifieri jirrendi xhieda lill-valuri. Waqt li joħloq id-dinja bħala manifestazzjoni tat-tjubija infinita tiegħu, Alla joħloqha tajba, Tali huwa t-tagħlim essenzjali li nisiltu mill-kożmoloġija bibblika, u b’mod partikolari mid-deskrizzjoni introduttiva tal-Ktieb tal-Ġenesi.

5. Din id-deskrizzjoni, flimkien ma’ dak kollu li l-Iskrittura Mqaddsa tgħid f’diversi postijiet dwar l-opra tal-ħolqien u dwar Alla Ħallieq, jippermettulna li nenfasizzaw ċerti elementi: 1) Alla ħalaq id-dinja waħdu. Il-qawwa ħallieqa mhijiex trasmissibbli: “incommunicabilis”; 2) Alla ħalaq id-dinja minn rajh, mingħajr ebda sfurzar esterjuri linqas obbligu intern. Setà joħloq u ma joħloqx; setà joħloq din id-dinja jew oħra; 3) Id-dinja ġiet maħluqa minn Alla fiż-żmien, għalhekk mhijiex eterna; għandha bidu fiż-żmien; 4) Id-dinja maħluqa minn Alla hija miżmuma b’mod kostanti fl-eżistenza  mill-Ħallieq. Din “iż-żamma” hija, f’ċertu sens, ħolqien kontinwu (“Conservatio est continua creatio”).

6. Għal kważi elfejn sena l-Knisja ilha tipprofessa u xxandar b’mod invarjabbli l-verità li l-ħolqien tad-dinja viżibbli u inviżibbli huwa opra ta’ Alla, b’kontinwità mal-fidi professata u mxandra minn Iżrael, il-poplu ta’ Alla tal-patt il-qadim. Il-Knisja tispjega u tapprofondixxi din il-verità, waqt li tutelizza l-filosofija tal-esseri u tiddefendiha mid-deformazzjonijiet li jqumu minn żmien għal żmien fl-istorja tal-ħsieb uman.

Il-maġisteru tal-Knisja iddikjara b’sollennità u forza partikolari l-verità li l-ħolqien tad-dinja huwa opra ta’ Alla fil-Konċilju Vatikan I, bi tweġiba għat-tendenzi tal-ħsieb panteistiku  u materjalistiku taż-żmien. Dawk l-istess orjentazzjonijiet huma preżenti wkoll fis-seklu tagħna f’xi żviluppi tax-xjenzi eżatti u tal-idejoloġiji ateji.

Fil-kostituzzjoni “Dei Filius” tal-Konċilju Vatikan I naqraw: “Dan l-uniku Alla, fit-tjieba u l-omnipotenti virtù tiegħu, mhux biex iżid l-bejatitudni tiegħu, linqas biex jikseb, imma biex jimmanifesta l-perfezzjoni tiegħu permezz tal-ġid li jqassam lill-krejaturi. B’deċiżjoni għal kollox libera, simultanjament sa mill-bidu taż-żmien  ħareġ mix-xejn kemm il-waħda kif ukoll il-krejatura l-oħra, l-ispiritwali u l-korporali, jiġifieri l-anġelika u l-materjali, u mbagħad il-krejatura umana, kważi parteċipi tal-waħda u tal-oħra, billi kienet kostitwità minn spirtu u ġisem” (Conc. Later. IV, c. I, De fide catholica) (Conc. Vat. I, Const. Dei Filius, c. I: Denz-Schonm. 3002).

7. Skont il-“Canones” miżjuda ma’ dan it-test duttrinali, il-Konċilju Vatikan I  jikkonferma l-veritajiet li ġejjin: 1) L-uniku Alla, veru Alla huwa Ħallieq u Mulej “tal-ħwejjeġ viżibbli u inviżibbli” (Ivi, 3021); 2) Hija kontra l-fidi d-dikjarazzjoni li teżisti biss il-materja (materjaliżmu) (Ivi, 3022); 3) Hija kontra l-fidi d-dikjarazzjoni li Alla jidentifika ruħu b’mod essenzjali mad-dinja (pantejiżmu) (Ivi,3023); 4) Huwa kontra l-fidi li wieħed isostni li l-krejaturi, ukoll dawk spiritwali, huma emissjoni tas-sustanza divina, jew jiddikjara li l-Esseri divin bil-manifestazzjoni jew l-iżvilupp tiegħu nnifsu isir kwalunkwè ħaġa (Ivi, 3024); 5) Hija kontra l-fidi l-idea li skontha Alla huwa l-esseri universali, jew aħjar indefinit li waqt li jiddetermina lilu nnifsu jikkostitwixxi l-univers distint fil-ġeneri, speċi u individwi (Ivi, 3024); 6) Hija daqstant kontra l-fidi li wieħed jiċħad li d-dinja u l-ħwejjeġ kollha fiha, kemm spiritwali kif ukoll materjali, skont is-sustanza kollha tagħhom ġew kollha maħluqa mix-xejn minn Alla (Ivi, 3025).

8. Hemm bżonn li wieħed jitratta għaliha it-tema tal-finalità li titlob kjarifika dwar il-ħolqien. Huwa infatti aspett li jokkupa ħafna spazju fir-rivelazzjoni, fil-maġisteru tal-Knisja u fit-tejoloġija. Għalissa biżżejjed li nikkonkludu r-riflessjoni tagħna billi nirreferu għal test tassew sabiħ tal-Ktieb tal-Għerf li fih jiġi mfaħħar Alla li b’imħabba ħoloq l-univers u jżommu jeżisti: “Inti tħobb l-ħwejjeġ kollha li jeżistu / u xejn ma tiddisprezza minn dak li ħlaqt; / li kieku kont tobgħod xi ħaġa, ma kont linqas toħloqha. / Kif tistà xi ħaġa teżisti, jekk inti ma tridhiex? / Jew  tippreserva ruħha jekk int ma sejjaħtilhiex għall-eżistenza? / Int  issalva l-ħwejjeġ kollha, / għaliex kollha huma tiegħek, Mulej, li tħobb il-ħajja” (Għerf 11, 24-26).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb