Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-IX ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
It-talba nstemgħet quddiem il-maestà ta’ Alla.
Tob 3, 1-11a.16-17a

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit

F’dak iż-żmien, qabditni bħal diqa f’qalbi, u nfexxejt nolfoq u nibki; u bdejt nitlob u nitniehed: “Int ġust, Mulej, u kulma tagħmel hu sewwa; imġibtek hi kollha ħniena u sewwa. Int tagħmel ħaqq mid-dinja. Issa ftakar fija, Mulej, u ħares lejja. Titħallasx minn dnubieti u n-nuqqasijiet tiegħi, jew ta’ missirijieti. Huma dinbu quddiemek u kisru l-kmandamenti tiegħek; għalhekk int erħejtna biex jisirquna, ijassruna, joqtluna u jwaqqgħuna għaż-żuffjett, u ġibtna f’ilsien il-ġnus kollha, li fosthom int xerridtna. Il-ħafna ġudizzji tiegħek huma tassew ġusti fl-imġiba tiegħek miegħi minħabba dnubieti, għax aħna ma ħarisniex il-kmandamenti tiegħek u lanqas imxejna sewwa quddiemek. Agħmel miegħi kif jogħġbok, u ordna li jneħħuli ħajti biex ninqered minn fuq wiċċ l-art, u nsir trab. Aħjar immut milli ngħix; għax smajt biżżejjed tagħjir u gideb, u għandi għali u swied il-qalb kbir. Mulej, agħmel li neħles minn dawn id-dwejjaq, ħallini mmur fil-post ta’ dejjem, iddawwarx wiċċek minni, Mulej. Jaqbilli mmut milli ngħix iżjed f’dawn id-dwejjaq kollha, u nisma’ aktar min jgħajjarni!”.

Dakinhar stess ġara li Sara bint Ragħwel, li kien joqgħod f’Ekbatana tal-Medja, semgħet waħda mis-sefturi ta’ missierha tgħajjarha li kienu żewġuha lil sebat irġiel, u Asmodew, l-ispirtu ħażin, qatilhom qabel ma laħqu resqu lejha bħalma hu soltu għan-nisa miżżewġa. Din is-seftura qaltilha: “Int il-qattiela ta’ żwieġek. Ara, iżżewwiġt sebat irġiel u isem ħadd minnhom ma writt! Għala ssawwatna minħabba żwieġek, ladarba mietu? Mur magħhom. Jalla ma naraw qatt minnek u la tifel u la tifla”.

Meta semgħet dan imtliet bi swied il-qalb, u nfexxet tibki. Telgħet fuq il-bejt ta’ missierha, u riedet titgħallaq. Iżda reġgħet ħasbitha u qalet bejnha u bejn ruħha: “Nibża’ li jgħajru lil missieri u jgħidulu: “Kellek tifla waħda għażiża, u hi tgħallqet minħabba l-hemm tagħha”. Għaliex għandi nwassal fil-qabar bl-għali x-xjuħija ta’ missieri? Aħjar għalija ma nitgħallaq xejn, imma nitlob lil Alla li mmut u ma nismax aktar dan it-tagħjir f’ħajti”. Dak il-ħin stess fetħet idejha lejn it-tieqa, u bdiet titlob u tgħid: “Imbierek int, Alla ħanin; Imbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem”.

Fl-istess ħin it-talba tal-waħda u tal-ieħor instemgħet quddiem il-maestà ta’ Alla, u ntbagħat Rafel biex ifejjaqhom it-tnejn; lil Tobit jeħilsu mit-tbajja’ tal-bjada ta’ għajnejh, biex bihom jara d-dawl ta’ Alla, u lil Sara bint Ragħwel, jagħtiha lil Tobija bin Tobit b’martu, u jeħlisha minn Asmodew, l-ispirtu ħażin.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 24 (25), 2-3a.4b-5ab.6-7bċ.8-9

R/. (1b): Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej, Alla tiegħi

Fik jien nittama,
ma jkollix għax nitħawwad!
Ma jifirħux l-għedewwa tiegħi minħabba fija!
Kull min jittama fik ma jkollux għax jitħawwad. R/.

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Ftakar fil-ħniena u t-tieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tieba tiegħek. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 11, 25a.26

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien hu l-qawmien u l-ħajja, jgħid il-Mulej;
kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin!
Mk 12, 18-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, resqu lejn Ġesù xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u għamlulu din il-mistoqsija: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub li, jekk wieħed imutlu ħuh u dan iħalli warajh lil martu bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla hu biex inissel ulied għal ħuh. Mela jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla ma ħalla tfal. It-tieni wieħed iżżewweġ l-armla, miet, u anqas hu ma ħalla wlied; hekk ukoll it-tielet, u ħadd minnhom is-sebgħa ma ħalla wlied. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa fil-qawmien tal-imwiet, meta jqumu lkoll, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.

Qalilhom Ġesù: “U mhux għalhekk tiżbaljaw intom, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta’ Alla! Għax il-bnedmin, meta jqumu mill-imwiet, la jiżżewġu u lanqas iżewġu, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet. Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, fil-ktieb ta’ Mosè, fejn jissemma l-għollieq, ma qrajtux kif Alla qallu: “Jiena Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb?”. Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! Sejrin żball għall-aħħar”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading