Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-IX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Bqajt marid b’għajnejja.
Tob 2, 9-14

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit

Dak il-lejl ta’ Għid il-Ħamsin, wara li dfint il-mejjet, jien Tobit, inħsilt u mort fil-bitħa tad-dar u mteddejt taħt il-ħajt b’wiċċi mikxuf minħabba s-sħana. Ma ġinix f’rasi li kien hemm l-għasafar fil-ħajt ta’ fuqi, u l-ħmieġ sħun tagħhom waqa’ fuq għajnejja, u ġiebli l-bjada fuqhom. U jien mort għand it-tobba biex ifejquni, iżda aktar ma kienu jdewwuni, il-bjada aktar kienet tikber, sakemm għamejt għalkollox. U bqajt marid b’għajnejja għal erba’ snin. U ħuti kollha għelew għalija. Aħikar dam idur bija għal sentejn sakemm ma telaqx għal Elimajs.

Dik il-ħabta Anna, marti, kienet taħdem xi xogħlijiet tan-nisa, u kienet tibgħathom għand sjiedhom, u huma kienu jħallsuha. Darba minnhom fis-seba’ tax-xahar ta’ Distru qatgħet in-nisġa u bagħtitha lis-sidien, u dawn tawha l-ħlas kollu, u miegħu tawha wkoll gidi għall-mejda.

Malli daħlet id-dar il-gidi beda jgħajjat. Sejjaħtilha u staqsejtha: “Dan il-gidi mnejn ġie? Mhux misruq, hux? Erġa’ agħtih lil sjiedu. Ma nistgħu nieklu xejn misruq”. Imbagħad hi qaltli: “Tawhuli rigal mal-ħlas”. Jien m’emminthiex u għedtilha tieħdu lura għand sjiedu, u jien stħajt flokha għax għamlet dan. U hi wieġbet: “Fejn huma l-karitajiet tiegħek? Fejn huma l-opri tajba tiegħek? Jidher sew minn dak li ġie fuqek!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 111 (112), 1-2.7bċ-8.9

R/. (ara 7ċ): Qalbu qawwija min jittama fil-Mulej

Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,
li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!
Setgħan fuq l-art ikun nislu;
nisel it-tajbin ikun imbierek. R/.

Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina;
qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej.
Qalbu qawwija, m’għandux mniex jibża’,
sa ma jara mxejjen l-għadu tiegħu. R/.

Iqassam u jagħti lill-foqra;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;
rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Efes 1, 17-18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja,
jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.
Mk 12, 13-17

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, bagħtu għand Ġesù xi Fariżej u Erodjani biex jonsbuh f’xi kelma. Ġew u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b’ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi. Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari? Għandna jew ma għandniex inħallsuha?”. Imma hu ntebaħ bil-wiċċ b’ieħor tagħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu tinbxuni? Newluli dinar ħa narah”. Newlulu dinar, u hu staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari”. Qalilhom imbagħad Ġesù: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”. U stagħġbu ħafna bih.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu