Riflessjoni tal-Isqof Mario Grech fil-Velja ta’ Talb bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Dun Anton Teuma


Il-Ħamis, 20 ta’ Awwissu 2020: Riflessjoni tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Velja ta’ Talb bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Dun Anton Teuma bħala Isqof ta’ Għawdex, fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, il-Belt Victoria.

ISQOF MISSIER U OMM

Għażiż Dun Anton, naħseb li llejla mlejnielek rasek daqskemm ilna nisimgħu dwar id-dmirijiet tiegħek bħala isqof. Ħallini nżidlek responsabbiltà oħra, anki frott l-esperjenza personali tiegħi. Fost il-ġesti li għamilna llejla, morna nitolbu quddiem ix-xbieha tal-Madonna li f’idejha qiegħda żżomm “dar”. Din “id-dar” stħajjiltha “l-Knisja f’Għawdex” li dalwaqt ser tkun fdata lill-kura paterna tiegħek.

Dan ispirani biex illejla mhux biss nitolbok tkun “missierna”, imma nħeġġek ukoll biex tħalli lil Marija tispirak biex int tkun ukoll “omm” għalina. Dan l-aħħar smajtek tgħid li tiftakar id-diskorsi sbieħ li kien ikollok ma’ missierek – nifhem li din il-memorja tgħinek biex tkabbar il-qalb paterna tiegħek. Illejla hawn l-għażiża ommok magħna, u jien konvint li anki ommok tgħinek biex twessa’ qalbek biex ikollok qalb materna. Fis-snin li għamilt Isqof ta’ din id-Djoċesi, jien tgħallimt li l-Poplu ta’ Alla ma jridx “professuri” jew esperti fl-organizzazzjoni – imma jrid “missier” u “omm”. Għalhekk nitlob għalik biex trawwam fik is-sens matern.

Fil-kuntest tat-teoloġija ma jien ngħid xejn ġdid. Teologu importanti, Hans Urs von Balthassar, jgħid li fil-Knisja, barra li għandna l-prinċipju Petrin, għandna wkoll il-prinċipju Marjan. Dawn iż-żewġ prinċipji ma nistgħux nifirduhom minn xulxin. Fil-prattika l-prinċipju “Petrin” jiġbor fih dak li għadek kif ħadt il-ġurament dwaru: inti tieħu ħsieb l-istituzzjoni ġerarkika, tiżgura li lilna jaslilna t-tagħlim dommatiku mħares minn kull żball, tgħinna nħarsu l-ordni u d-dixxiplina, u l-bqija. Mentri l-prinċipju Marjan, jew “giovanneo”, għandu x’jaqsam mal-kariżma u l-imħabba – ifisser li tħalli lill-Madonna mhux biss twennsek bħala Omm, imma tgħinek biex int bħalha tkun doċli għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu u bħalha jkollok qalb kbira.

Il-qalb tal-omm għandha “widnejn kbar” biex tisma’ – tisma’ kemm il-Kelma ta’ Alla u kemm il-karba tal-ulied. Għax kienet tisma’, Marija kienet tħobb. Fil-ġimgħat li għaddew smajtek ittenni li tixtieq tisma’ u tisma’. Huwa minnu li aktar ma titkisser f’dan l-eżerċizzju tas-smigħ, qalbek aktar tikber u titqal b’dak li tiġma’ fiha, imma hekk ikollok aktar motivazzjoni biex tħobb. Għax x’hemm fil-qalb tal-omm? Niftakar li darba kont inqarar f’parroċċa – kont għadni m’iniex isqof – u ġiet omm li tatni definizzjoni tal-qalb tal-omm! Skont din l-omm, mgħawġa għax mgħobbija bl-esperjenza, il-qalb tal-omm qisha dak id-delu tal-wied meta dan jasal biex jispiċċa! Għax billi lejn tmiem il-wied, l-ilma ma jibqax nieżel bir-rumbaġġ, dak l-imbarazz li jkun qed jinġarr mal-ilma, jinżel fil-qiegħ u jibqa’ fid-delu! Din hija l-qalb tal-omm: tiġbor fiha l-imbarazz kollu, imma tibqa’ tħobb.

Għalhekk, għażiż ħija fl-episkopat, illejla waqt din il-velja nitlob għalik biex tkun missierna imma tkun ommna wkoll. Ġimgħa ilu int għamilt att ta’ affidament f’riġlejn il-Madonna “tagħna” – il-Madonna Ta’ Pinu. Nitlobha mhux biss tieħu ħsiebek, imma li permezz tiegħek lilna ddewwaqna l-maternità tagħha. Kif għidt dan l-aħħar nhar Santa Marija, il-bniedem jeħtieġ mhux biss l-intelliġenza razzjonali imma wkoll dik affettiva. Lilek il-Mulej żejnek bihom it-tnejn. Fik nilmaħ dik il-figura li joħloq l-artista Rembrandt li tħaddan lill-bniedem bi driegħ paterna u oħra materna!

Poplu ta’ Alla, nitolbu għall-isqof tagħna biex il-Mulej ikattarlu dawn id-doni biex jaqdi kemm lill-Knisja u kemm lil ġensna. Amen.