Lezzjoni II: San Ġennaru

Print Friendly, PDF & Email

19 ta’ Settembru – San Ġennaru, Isqof u Martri

TIFKIRA

San Ġennaru twieled għall-ħabta tas-sena 304. Inħatar Isqof ta’ Benevento, l-Italja; fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu sofra l-martirjuflimkien ma’ oħrajn qrib Napli, fejn hu l-aktar meqjum.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mid-diskors ta’ Santu Wistin

(Sermo 240:1)

Għalikom jien isqof; magħkom jien nisrani

Id-dinjità tiegħi ta’ isqof, dan il-piż li tqiegħed fuq spallejja, ma nafx għaliex, dejjem kien ta’ tħassib kbir għalija. X’inhu dak li jbeżża’ l-aktar lill-isqof fil-qadi ta’ dmiru jekk mhux li jinġibed lejn dak li hu ta’ periklu għalih milli lejn dak li hu ta’ siwi għas-salvazzjoni tagħkom? Jien nibża’ minn dak li jien għalikom, imma nitfaraġ b’dak li jien magħkom. Għalikom jien isqof, magħkom jien nisrani. Jien isqof minħabba l-uffiċċju li għandi, imma jien nisrani għall-grazzja ta’Alla; li jien isqof hu ta’ periklu għalija, li jien nisrani hu ta’ salvazzjoni.

Aħna qisna lkoll mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm f’nofs ta’ baħar qawwi ħafna, iżda meta jien naħseb fid-demm ta’ Dak li fdiena, dan il-ħsieb tant iserraħni li nkun qisni dħalt f’xi port tassew kenni. Jien għalhekk, waqt li naqdi d-dmir tiegħi ta’ isqof mill-aħjar li nista’, inserraħ rasi bil-ġid li nagħmlu lil xulxin. Jien aktar hieni għax ġejt mifdi flimkien magħkom, milli għax ġejt magħżul biex inkun l-isqof tagħkom: għalhekk jien nixtieq wisq aktar li nkun il-qaddej tagħkom, kif irid il-Mulej, biex ma nonqosx li nuri ħajr għall-ħlas li tħallas biex inkun qaddej tal-Mulej flimkien magħkom. Jien jeħtieġli nħobb lill-Feddej tiegħi, għax naf tajjeb x’kien staqsa lil Pietru: Xmun, tħobbni int ? Irgħa n-nagħaġ tiegħi. U dan qalulu darba, darbtejn, tliet darbiet. Talab minnu l-imħabba u għabbieh bix-xoghol, għax fejn hi aqwa l-imħabba hu anqas ix-xogħol.

X’inrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi ? Jekk ngħid li jien raddejt xi ħaġa lill-Mulej għax ħadt ħsieb in-nagħaġ tiegħu, dan mhux jien għamiltu imma l-grazzja ta’ Alla miegħi. Kif nista’ ngħid li qed inrodd xi ħaġa lil Alla, meta kulma nagħmel nagħmlu għax il-grazzja ta’ Alla timbuttani? U b’dana kollu aħna nistennew il-premju u nfittxu li nitħallsu għaliex ħabbejna minn rajna u għaliex qed nirgħu n-nagħaġ. Għaliex nagħmlu dan?Kif jistgħu jaqblu flimkien: ‘’Jien in-nagħaġ nirgħahom għaliex inħobb l’Alla minn rajja’’ u ‘’Irrid nitħallas għax qed nirgħa n-nagħaġ?’’ Dan ma jiġrix, u ebda ħlas ma jintalab minn dak li jħobb minn rajh, meta l-ħlas hu l-maħbub fih innifsu. Għaliex jekk aħna nroddu xi ħaġa lil Alla talli fdiena, x’se nroddulu talli għażilna bħala rgħajja? Jekk aħna rgħajja ħżiena – u jalla dan ma jkun qatt- aħna nkunu hekk minħabba ħżunitna; jekk inkunu rgħajja tajba – u jalla dan jagħtihulna dejjem l-Mulej! – inkunu hekk biss bil-grazzja tiegħu, għaliex ma nistgħu nkunu xejn jekk mhux biss bil-grazzja tiegħu. Għalhekk ħuti nħeġġiġkom biex ma tiċevux il-grazzzja ta’ Alla għalxejn. Għinuna biex il-ħidma tagħna tagħti ħafna frott. Intom l-għalqa tal-Mulej; ilqgħu minn barra ‘l min jiżra u jħawwel u jsaqqi; ilqgħu minn ġewwa ‘l min ikabbar. Għinuna bit-talb tagħkom u bl-ubbidjenza tagħkom, biex nieħdu pjaċir ngħinukom aktar milli nikknandawkom.

RESPONSORJU                                                                                                    Għerf 10:10a

1.Dan hu martri tassew li xerred demmu għall-isem ta’ Kristu. * Ma beżax mit-theddid tal-imħallfin, anqas ma fittex il-ġieħ u l-glorja tad-dinja, u kiseb is-saltna tas-sema.

2. Il-Mulej mexxa lill- ġust minn triqat dritti u urieh is-saltna t’ Alla. * Ma beżax mit-theddid tal-imħallfin anqas ma fittex il-ġieħ u l-glorja tad-dinja, u kiseb is-saltna tas-sema.

Talba

O Alla, agħtina l-grazzja li nissieħbu mal-isqof San Ġennaru fl-hena ta’ dejjem, bħalma llum qiegħed tagħtina li niċċelebraw it-tifkira tal-martirju tiegħu. B’Ibnek.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading