Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-XIV-il ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Ħa mmut issa li rajt ’il wiċċek.
Ġen 46, 1-7. 28-30

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Iżrael telaq b’kulma kellu u ġie Birsaba, u hemm offra saġrifiċċji lil Alla ta’ missieru Iżakk.

U Alla kellem lil Iżrael f’dehra billejl u qallu: “Ġakobb, Ġakobb!”. Hu wieġeb: “Hawn jien!” U kompla Alla: “Jiena Alla, Alla ta’ missierek. La tibżax tinżel l-Eġittu, għax hemm għad nagħmlek ġens kbir. Jien ninżel miegħek l-Eġittu, u jien għad intellgħek minn hemm, u id Ġużeppi għad tagħlaqlek għajnejk”.

U Ġakobb telaq minn Birsaba; u wlied Iżrael rikkbu lil Ġakobb missierhom, u ż-żgħar tagħhom, u n-nisa tagħhom fuq il-karrijiet li kien bagħtilhom il-Fargħun biex iġorruh. U ħadu magħhom l-imrieħel u l-ġid li rnexxielhom iħasslu fl-art ta’ Kangħan, u waslu l-Eġittu, Ġakobb u miegħu n-nisel kollu tiegħu: uliedu u wlied uliedu miegħu, bnietu u bniet uliedu, u nislu kollu ġieb miegħu l-Eġittu.

U Ġakobb bagħat lil Ġuda qablu għand Ġużeppi, biex jiltaqa’ miegħu f’Gosen; u huma ġew fl-art ta’ Gosen. U Ġużeppi rama l-karru tiegħu u mar jiltaqa’ ma’ Iżrael, missieru, f’Gosen. Malli deher quddiemu nxteħet fuq għonqu u baqa’ għal ħafna żmien mgħannaq miegħu u jibki. U Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ħa mmut issa li rajt ’il wiċċek, issa li naf li għadek ħaj”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 36 (37), 3-4.18-19.27-28.39-40

R/. (39a): Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej

Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb;
għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ;
qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek,
u jagħtik dak li tixtieq qalbek. R/.

Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin,
u wirthom jibqa’ għal dejjem.
Ma jitfixklux f’siegħa ħażina,
u jixbgħu fi żmien il-ġuħ. R/.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,
biex tibqa’ tgħammar għal dejjem.
Għax il-Mulej iħobb is-sewwa,
u ma jitlaqx it-twajbin tiegħu;
hu jħarishom għal dejjem. R/.

Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej;
hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.
Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena,
isalvahom għax fih jistkennu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 16, 13a; 14, 26d

Hallelujah. R/. Hallelujah
Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità,
iwassalkom għall-verità kollha;
u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom.
Mt 10, 16-23

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem. Oqogħdu attenti mill-bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati, jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani. Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom.

L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva.

Jekk jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra. Tassew ngħidilkom, ma tkunux dortu l-bliet kollha ta’ Iżrael sa ma jiġi Bin il-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading