Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XIV-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Alla għad iżurkom żgur u jtellagħkom minn din l-art.
Ġen 49, 29-33; 50, 15-26a

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Ġakobb widdeb lil uliedu u qalilhom: “Jiena sa ninġabar ma’ niesi. Idfnuni ma’ missirijieti, fl-għar li hemm fl-għalqa ta’ Għefron il-Ħitti; fl-għar li hemm fl-għalqa ta’ Makfela biswit Mamri fl-art ta’ Kangħan, li Abraham kien xtara mingħand Għefron il-Ħitti, b’qabar tiegħu. Hemm difnu lil Abraham u ’l Sara martu; hemm difnu lil Iżakk u ’l Rebekka martu, u hemmhekk jien dfint lil Lija. Mingħand ulied il-Ħittin inxtrat din l-għalqa bl-għar li hemm fiha”. Meta Ġakobb temm iwiddeb lil uliedu, ġabar riġlejh fil-friex ta l-aħħar nifs u nġabar ma’ niesu.

U ħut Ġużeppi bdew jibżgħu għax kien miet missierhom u bdew jgħidu: “Min jaf jekk jibdiex jobgħodna Ġużeppi, u jroddilna d-deni kollu li għamilnielu?”. Għalhekk bagħtu jgħidu lil Ġużeppi: “Qabel ma miet missierek ordna u qal: “Dan għidu lil Ġużeppi: Iddew aħfer id-dnub ta’ ħutek u ħtijiethom, għax ħsara għamlulek”. U issa, nitolbuk, aħfer id-dnub tal-qaddejja ta’ Alla ta’ missierek!” U Ġużeppi beka huma u jkellmuh.

U ħutu ġew u nxteħtu wiċċhom fl-art u qalulu: “Arana, hawn aħna lsiera tiegħek!”. U Ġużeppi qalilhom: “La tibżgħux, jaqaw jien flok Alla? Jekk intom ġibtuli fuqi d-deni, Alla bidlu fil-ġid, biex iżomm ħajja kotra ta’ ġnus, bħalma huma llum. U issa la tibżgħux. Jien nagħtikom tieklu, lilkom u lit-tfal tagħkom”. Hekk farraġhom, u serrħilhom moħħhom u laqtilhom qalbhom.

U Ġużeppi kien jgħammar fl-Eġittu, hu u dar missieru. U Ġużeppi kellu mija u għaxar snin. U Ġużeppi ra wlied Efrajm sat-tielet nisel, u wkoll ulied Makir bin Manassi, li twieldu fuq irkupptejn Ġużeppi. U Ġużeppi qal lil ħutu: “Jiena se mmut, u Alla għad iżurkom żgur u jtellagħkom minn din l-art lejn l-art li ħalef lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb”. Imbagħad Ġużeppi ġagħal lil ulied Iżrael jaħilfu u qalilhom: “Iva, Alla għad iżurkom żgur u intom ittellgħu għadmi minn hawn”.

U Ġużeppi miet ta’ mija u għaxar snin; ibbalzmawh u qegħduh f’tebut l-Eġittu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 104 (105), 1-2.3-4.6-7

R/. (ara Salm 68 (69), 33): Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla

Faħħru l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.

Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna!
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Piet 4, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-isem ta’ Kristu, henjin intom!
Fuqkom għandkom l-Ispirtu ta’ Alla.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem.
Mt 10, 24-33

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “Ma hemmx dixxiplu aqwa mill-imgħallem, anqas ilsir aqwa minn sidu. Biżżejjed għad-dixxiplu jekk joħroġ jixbah lill-imgħallem tiegħu u l-ilsir lil sidu. Jekk lil sid id-dar tawh il-laqam ta’ Begħelżebul, kemm aktar lin-nies ta’ daru!

Għalhekk la tibżgħux minnhom. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.

U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.

Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu
magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt!

Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu