Illum il-Knisja tfakkar lil Santu Wistin ta’ Ippona


Fit-28 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil Santu Wistin ta’ Ippona, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 354 sa 430.

Santu Wistin twieled fit-13 ta’ Novembru, 354 minn missier pagan, Patrizju, li kien Kunsillier ta’ muniċipju, u minn omm nisranija Kattolika, Monika, ta’ razza bérbera f’Tagaste, fin-Numidja, Souk-Ahras, illum l-Alġerija.

Minħabba l-edukazzjoni li kellu, hu kien marbut b’ruħu u b’ġismu ma’ Ruma, mal-Imperu Ruman, u mal-kultura Rumana. Studja f’Tagaste fejn twieled, wara kompla jistudja fil-belt ta’ mad-dawra (ġewwa l-Alġerija) u mbagħad temm l-istudji f’Kartaġni. Meta kellu tnax-il sena kien se jmut minħabba x-xedda li qabditu, u kien se jitgħammed. Imma billi għaddielu, hu baqa’ ma tgħammidx żgħir.

Ta’ dsatax-il sena tbiegħed mill-fidi Kattolika. Wara li qara l-ktieb L-Ortensju ta’ Ċiċerun li kien iħajjar għat-triq tal-filosofija, Wistin sar Manikew. Issa mietlu missieru (370), u reġa’ lura lejn Tagaste, u miegħu ħa l-mara li kien jgħix magħha u lil binhom Adeodatu. Ommu ma laqgħethomx għandha.

Hu beda jgħallem il-grammatika Latina fl-istess Tagaste (374). Wara dan huwa qabad jgħallem ir-retorika l-ewwel f’Kartaġni (375-383), imbagħad f’Ruma (384), u fl-aħħar Milan (Ħarifa 384 – Sajf 386). Kien għatxan għall-għerf u sab dak li xtaq meta sama’ lill-Isqof ta’ Milan, San Ambroġ, jipprietka. Dan l-Isqof qaddis flimkien mal-istudji tan-neoplatoniċi, għenuh iħoll il-problema tal-materjaliżmu u tal-ħażen. Bil-qari ta’ San Pawl hu għeleb il-problema tan-naturaliżmu, u fehem li Kristu mhux biss hu l-Imgħallem, imma wkoll il-Feddej. Hekk wasal biex aċċetta l-medjazzjoni divina u l-grazzja. U fl-aħħar wasal ukoll għall-konverżjoni tiegħu.

Wistin ikkonverta fl-ewwel jiem tax-xahar ta’ Awwissu tas-sena 386, jiġifieri 44 sena qabel ma miet bħala Isqof ta’ Ippona. Bejn il-konverżjoni u l-episkopat tiegħu għaddew ftit inqas minn għaxar snin, imma dan kien perjodu mimli progress spiritwali u kisba ta’ tagħlim tat-teoloġija Kattolika.

Hekk kif ikkonverta hu ħa żewġ deċiżjonijiet kbar:

  • dik li jirrinunzja għat-tagħlim tar-retorika, u
  • dik li jirrinunzja għaż-żwieġ.

Hekk, qrib it-tmiem ta’ Ottubru tas-sena 386 Wistin irtira f’Kassiċijaku, x’aktarx Cossago fil-Brianza, biex hemm iħejji ruħu għall-magħmudija. F’dan il-post hu għamel inqas minn ħames xhur għaliex fl-ewwel ġranet ta’ Marzu tas-sena 387 hu reġa’ lura lejn Milan, inkiteb katekumenu, segwa l-kors tal-katekeżi li għamel Ambroġju u kien mgħammed flimkien ma’ Alipju, sieħbu, u Adeodatu, ibnu, fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ April, il-viġilja tal-Għid tas-sena 387. Ommu kienet preżenti għall-magħmudija tiegħu, għax hi kienet marret tfittxu u kienet iltaqgħet miegħu f’Milan, xi sena qabel.

Wara l-Magħmudija Santu Wistin flimkien ma’ ommu u xi ħbieb tiegħu, kien ser jirritorna lejn l-Afrika, imma ftit wara li waslu f’Ostia Tiberina, ommu mardet u mietet. Wistin reġa’ lura lejn Ruma u baqa’ sas-sena ta’ wara jikteb il-kotba u jitkixxef iżjed dwar il-ħajja monastika. Wara l-mewt tal-Imperatur Massimu li ġrat f’Lulju jew f’Awwissu tas-sena 388, Wistin ħalla Ruma u mar Tagaste fejn beda l-ħajja komunitarja flimkien mal-ħbieb tiegħu u ma’ Adeodatu li mbagħad miet minn sena sa tliet snin wara (389-391).

Fis-sena 391, Wistin mar Ippona bil-ħsieb li jsib xi post fejn ikun jista’ jwaqqaf knisja. F’dik l-okkażjoni hu aċċetta kontra qalbu li jkun ordnat saċerdot. L-Isqof Valerju tah biċċa mill-kwartier nisrani biex iwaqqaf hemm il-monasteru tal-lajċi li xtaq jibni. Hawn beda jagħti ruħu għal iżjed ħajja axxetika, għal iżjed studji tat-teoloġija, u fl-istess ħin beda l-ħidma tiegħu tal-predikazzjoni.

Fis-sena 395 jew 396 hu kien ikkonsagrat Isqof. Għadda xi żmien jgħin lill-Isqof Valerju, imbagħad, għallinqas minn Awwissu tas-sena 397, hu beda l-ħidma tiegħu proprja bħala Isqof ta’ Ippona. Meta sar Isqof tal-post, Wistin ħalla l-monasteru tal-lajċi fejn qabel kien superjur, u mar fid-dar tal-Isqof u għamel minn din monasteru tal-Kjeriċi.

Bħala Isqof, Santu Wistin ħadem bis-sħiħ kemm fid-djoċesi tiegħu, kemm fi djoċesijiet oħra fejn mar ħafna drabi l-iktar biex jipprietka, u kemm għall-Knisja universali l-iktar bil-kotba tiegħu. Fid-djoċesi tiegħu, Wistin kien jipprietka regolarment darbtejn fil-ġimgħa, jiġifieri s-Sibt u l-Ħadd. F’xi okkażjonijiet kien jipprietka għal ġranet sħaħ wara xulxin, meta mhux ukoll jagħmel żewġ prietki kuljum.

Kellu wkoll laqgħat tal-Isqof mal-membri tad-djoċesi, li kienu jissejħu audientia episcopalia, u dan biex jisma’ u jaqta’ s-sentenzi fil-kawżi li kienu jippreżentawlu l-fidili. Xi kultant dawn il-laqgħat kienu jdumu l-ġurnata kollha.

Kellu wkoll jieħu ħsieb il-fqar, ir-romol u l-iltima permezz ta’ tqassim ta’ affarijiet meħtieġa għall-ikel u għall-ħajja mill-imħażen li kien hemm apposta fil-kwartier nisrani.

Kien jieħu ħsieb it-tagħlim reliġjuż tal-kleru li fosthom ġab riforma kbira bil-ħsieb li s-saċerdoti jkunu iktar kapaċi teoloġikament u liturġikament. Organizza l-monasteri kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.

Kien iżur il-morda fi djarhom stess. U kien jaqbeż għall-fidili quddiem l-awtorità ċivili. Kien ukoll jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja, xogħol li kien jagħmel kontra qalbu.

Għall-Knisja tal-Afrika u b’xi mod għall-Knisja Universali, hu ħa sehem f’diversi konċilji Afrikani. Kiteb ħafna ittri bħala tweġiba għall-problemi jew mistoqsijiet li kienu jagħmlulu. Ħa sehem f’disputi pubbliċi mal-eretiċi meta tqum l-okkażjoni, fosthom fil-konferenza tas-sena 411 bejn Isqfijiet Kattoliċi u Isqfijiet Donatisti. Hu ħadem ħafna għas-soluzzjoni tax-xiżma Donatista u tal-kontroversja Pelaġjana.

Meta miet fit-28 ta’ Awwissu tas-sena 430, fit-tielet xahar tal-assedju ta’ Ippona mill-Vandali, ħalla warajh ħafna opri mhumiex mitmuma. L-aħħar xogħol tiegħu kienet l-Ittra 228 li x’aktarx li ddettaha fuq is-sodda ta’ mewtu u indirizzaha lis-saċerdoti tad-djoċesi dwar id-dmirijiet tagħhom għal waqt l-invażjoni barbarika.

Hu kien midfun fil-Bażilika Pacis ġewwa Ippona. Iktar tard l-għadam tiegħu, f’data inċerta, ittieħed f’Sardinja, u qrib is-sena 725 kien ittrasportat f’Pavia fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ciel d’Oro, fejn għadu sal-lum.

L-iktar kotba famużi ta’ Santu Wistin huma “Il-Belt ta’ Alla” u “L-Istqarrijiet.” Fosthom, “Il-Belt ta’ Alla” (De Civitate Dei) hi l-aqwa biċċa xogħol tiegħu. Fiha hu jagħti fil-qosor il-ħsieb tiegħu filosofiku, teoloġiku u politiku. Dan kitbu bejn is-snin 413-426.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.