Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 27 ta’ Awwissu


Il-Ħamis, 27 ta’ Awwissu 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna Quddiesa għat-tifkira ta’ Santa Monika, patruna tan-nisa u l-ommijiet miżżewġin fil-Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ishru mela” (Mt 24:42). Jien naħseb li Ġesù jagħmel dawn iż-żewġ tixbihat, waħda pożittiva u -oħra negattiva, biex jispjegalna li l-ħajja tagħna m’għandniex neħduha wisq alla leggera. Ħa nispjega lili nnifsi. Donnu mhu se tispiċċa qatt, donnu qatt mhu se nagħti kont ta’ ħajti.

Il-ħajja hija prezzjuża, il-ħajja sabiħa. Jekk trid tgħixha sew, għexha ta’ nies, għexha bl-imħabba. Kun qaddej fidil u għaqli. L-ewwel nett ħu ħsieb tiegħek innifsek, ħu ħsieb tal-oħrajn, u ħu ħsieb ukoll anke lill-ħolqien.

Il-Papa Franġisku, pereżempju, jinsisti li aħna, ġa mil-liġi u bl-imħabba tal-ħolqien, imsejħin biex nieħdu ħsieb dak li l-Mulej tana lilna nfusna, lil xulxin imma anke l-ħolqien ta’ madwarna. Irridu nkunu qaddejja fidili u għaqlin ta’ dak kollu li l-Mulej afdalna. “Tassew ngħidlkom jekk il-Mulej isib lill-qaddej tiegħu jaqdi dmiru, jafdalu ġidu kollu f’idejh” (Mt 24:46-47).

Ejjew naraw ftit l-esperjenza ta’ Santa Monika. F’ħajjitha, Monika kienet afdatha b’raġel kemmxejn diffiċli. Santu Wistin stess, it-tifel il-kbir tagħha, jgħid li missieru Patrizju kien jitlagħlu malajr, bniedem nervuż, bniedem ukoll li ’l ommu bikkieha b’xi infedeltà jew tnejn. Imma ommu kienet taf tieħu paċenzja kbira, titlob ħafna għal żewġha, u kellha l-grazzja wkoll li tara lil Patrizju jikkonverti u jsir Nisrani Kattoliku qabel imut.

Meta saret armla, kellha tieħu ħsieb it-tfal u kienet interessata ħafna fl-edukazzjoni tal-kbir, ta’ Agostino, li ratu wkoll jitħarbat ftit billi kellu ideat strambi. Għalkemm kien qed jipprepara biex isir Nisrani Kattoliku, daħal ma’ din is-setta li semmejna, il-Manikej, ipprova jikkonverti anke lil ommu imma ommu qaltlu: “Le, ibni, mhux se niċħad jien il-fidi ta’ missirijietna,” hi li trabbiet ta’ Kattolika miċ-ċokon.

Kemm hija omm eżemplari din il-patruna tal-ommijiet kollha, Monika … li tat lid-dinja proprju kewkba kbira, lil Santu Wistin …

Kienet qaddejja ta’ fedeltà u għaqal kibir. Tant hu hekk li wara l-konverżjoni ta’ binha Agostino u ta’ ħuh Navigio u anke tat-tifel Adeodato u ta’ oħrajn, marru f’post biex jirriflettu ftit fuq il-fidi Nisranija. Hi marret magħhom u kienet ukoll, jgħid Agostino, tant ħerqana tiddiskuti magħhom. Kienet mara ta’ għerf kbir anke għaliex il-ġenituri tagħha kienu tawha l-opportunità li tistudja u hija għażlet li tistudja b’reqqa kbira l-Kotba Mqaddsa, l-Iskrittura Mqaddsa.

Monika tara lil binha jsir Kattoliku, jagħżel li hu mbagħad jirritorna l-Alġerija, fl-Afrika, u jwaqqaf monasteru kif għamel, imbagħad sar Isqof ta’ Ippona, u qabel mietet kellha x-xorti tara lil uliedha miġburin. Qaltilhom: “Toqgħodux tinkwetaw fejn se tidfnuni imma nixtieqkom li tiftakruni dejjem meta titolbu fuq l-altar tal-Mulej”. Kemm hija omm eżemplari din il-patruna tal-ommijiet kollha, Monika, u kemm hu isem għażiż dan l-isem ta’ din il-mara Afrikana li tat lid-dinja proprju kewkba kbira, lil Santu Wistin, li k’Alla jrid niċċelebrawh għada.

Ejjew nitolbu biex aħna, li tant aħna fdati minn Alla bina nfusna, bi sħabna, b’min inħobbu, b’min ma nħobbux ħafna jew ma jħobbniex ħafna, ngħożżu lil xulxin b’mod speċjali anke f’dawn il-mumenti. Xi tfisser tkun qaddej fidil u għaqli? Li bl-għożża tiegħek innifsek u ta’ ħaddieħor tipproteġi lil ħaddieħor. Min ma jimpurtahx għas-saħħa tiegħu nnifsu u ta’ ħaddieħor f’dan il-mument ta’ pandemija, mhuwiex qaddej fidil u għaqli. Qed jagħmel ħsara lilu nnifsu u ’l ħaddieħor għaliex dan l-għaqal, din il-fedeltà, mhumiex affarijiet ħafna kbar, ta’ kuljum. Min hu fidil fil-ftit, jgħid Ġesù, huwa qadej fidil fil-ħafna.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Santa Monika u nitolbu wkoll l-inteċessjoni ta’ binha l-kbir Santu Wistin.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Kor 1, 1-9
Salm: 89 (90), 3-4.12-13.14 u 17
Evanġelju: Mt 24, 42-51