Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Monika

Print Friendly, PDF & Email

Fis-27 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil Santa Monika, Armla li għexet bejn is-snin 332 sa 387.

Santa Monika twieldet fi ħdan familja nisranija sinjura fis-sena 332, f’Tagaste, illum Souk-Arras, fl-Afrika ta’ Fuq. Meta kellha madwar sittax-il sena, kif kienet id-drawwa ta’ dawk iż-żminijiet, tgħammdet u għamlet l-Ewwel Tqarbina. Xi erba’ snin wara żżewwġet lil wieħed żagħżugħ pagan jismu Patrizju, u kellha tlitt itfal, żewġ subien u tifla.

Monika sofriet ħafna minn żewġha minħabba n-natural qalil li kellu u wkoll minħabba n-nuqqas ta’ fedeltà lejha. Hi ma nfexxitx fil-ġlied u fit-tgħajjir, imma fittxet li tgħix sewwa u tkun twajba, ħelwa u paċenzjuża miegħu.

Anke omm żewġha kienet tal-istess natural ta’ binha, u Santa Monika sofriet ħafna minnha wkoll.

Wara tmintax-il sena f’din il-ħajja ta’ żwieġ, Monika rat lil żewġha jinbidel u jaqbad ħajja tajba u saħansitra sar nisrani. Wara sena miet, fis-sena 370.

Għall-aħħar tal-istess sena, binha l-kbir Wistin meta kellu sittax-il sena, mar jistudja f’Kartaġni li dak iż-żmien kienet il-belt ewlenija tal-Afrika. Hemm iltaqa’ ma’ mara u għex magħha bla ma żżewwiġha sas-sena 385, u kellhom tifel, Adeodatu. Sadanittant kien ħaddan l-ereżija tal-Manikej. Minn Kartaġni mar Ruma u wara Milan.

B’qalbha maqsuma Santa Monika kienet issus u tiġri wara binha biex ma jkomplix f’dik il-ħajja. Fis-sena, 383 marret Ruma warajh u fis-sena 386, marret Milan.

F’Milan kellha x-xorti tara l-konverżjoni ta’ binha u għenitu jipprepara ruħu għall-Magħmudija minn idejn l-Isqof San Ambroġ fl-Għid tas-sena 387.

Ftit wara l-Magħmudija, Santa Monika flimkien ma’ binha telqu minn Milan biex imorru lura lejn l-Afrika. Meta kien f’Ostia jistennew il-bastiment biex jimbarkaw fuqu għal Kartaġni, Monika mardet u fi żmien disat ijiem mietet meta kellha 54 sena. Difnuha f’Ostia, iżda fl-1430 il-Papa Martin V ġab ir-relikwi tagħha Ruma fejn illum jinsabu fil-Knisja ta’ San Wistin.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply