Il-firxa tal-Kristjaneżmu fil-bidu (3)


Insara li kellhom fidi b’saħħitha waqt il- martirju

Ir-reliġjon ta’ Kristu kienet ġdida u b’għan li tinfirex mad-dinja kollha. Sa mill-ewwel snin, wara xi diffikultajiet li nqalgħu, l-insara ma damux ma bdew ikollhom membri miġburin mill-ġnus minn kullimkien, iżda l-aktar li mxew wara Kristu kienu dawk l-artijiet li f’dak iż-żmien kienu jaqgħu taħt Ruma.

Barra dan il-fatt l-insara kienu jgħixu kullimkien u flimkien u mhux għal rashom. Il-ħsieb qaddis tal-insara kien li jirbħu d-dinja kollha u jekk jista’ jkun jeħduha mar-reliġjonijiet kollha li għalihom kienu żbaljati. Ir-Rumani bdew iħarsu bl-ikraħ lejn l-insara, għaliex filwaqt li dawn kienu jistqarru li huma sudditi tal-Imperatur kienu ċahdu li jtuħ il-qima kif kienet tobbliga l-liġi. L-insara ma kienux iħossu li żbaljaw b’daqshekk, għaliex huma kienu jaduraw biss lill-Alla u lill-Imperatur kienu jobduħ f’dak li kellu x’jaqsam mal-istat.

Pittura li turi l-Insara qed jiġu maqtula fil-Kolossew

Xi wħud fost l-insara li kienu ħorox wisq fir-reliġjon nisranija bhalma kienu Tertuljanu u Oriġene, kienu jħajru l-insara sħabhom biex ma jidħlux suldati tal-imperu. Iżda minkejja dan kollu l-insara xorta waħda baqgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom bħala sudditi tal-imperu; fil-funzjonijiet reliġjuzi huma wkoll kienu jitolbu għall-Imperatur u għall-imperu. Imma kienu biżżejjed is-suspetti li kienu jgħidu li huma qed jiddisprezzaw l- Imperatur biex bdew jitqiesu bħala għedewwa tar-Rumani. Għalhekk bdew jinqalgħu ħafna qlajjiet kontra l-insara u ħafna minnhom gew imniżżlin f’kitbiet ta’ storja ta’ ġieh, bħalma nsibu f’dawk ta’ Taċitu u Svetonju. L-insara wkoll bdew jiġu akkużati li ma’ jemmnux b’Alla għaliex il-qima tagħhom kienet lejn Alla wieħed.

Peress li l-insara kienu jiltaqgħu flimkien biex jagħmlu l-ikla Ewkaristika u għall- ‘agape’ flimkien, il-pagani ħadu l-okkażjoni biex igħidu li f’dawn il-laqgħat l-insara kienu qegħdin jagħmlu ħwejjeġ diżonesti tant li qalu li f’dawn il-laqgħat kienu qegħdin joffru, joqtlu u jieklu t-tfal. Barra din il-qlajja kollha Svetonju jgħid li dawn l-insara kellhom twemmin superstizzjuz għaliex kienu mogħtija għas-sħarijiet, iqimu r-ras tal-ħmar u anke jaduraw ix-xemx. Tant kien hemm mibgħeda għall-insara, li l-Imperatur Marku Awrelju akkuzhom li kienu jobgħodu ‘l kull min ma’ riedx jixxierek magħhom. Peress li l-pagani kienu jafu li l-insara kienu kull waqt imħejjija biex jirċievu l-mewt iġġiegħlhom iktar li jiddisprezzawhom minħabba li bdew iqisuhom bħala bnedmin li ma jagħtux każ tal-akbar grazzja li jista’ jkollu l- bniedem. Billi l-pagani, haduha mal- allat ta’ Ruma lejn it-tmiem tat-tieni seklu, l-insara kienu meqjusa li huma l-ħtija tad-disgrazzji kollha li minnhom kien igħaddi l-imperu. Meta fl-imperu kien jiġri xi diżastru, il-ħtija dejjem kienet tkun tal-insara. Dawn il-pagani kienu moħħom fil- flus għalhekk kienu dejjem jonqxu statwi tal-allat, dawk li kienu ta’ skola kienu joqgħodu jiktbu kotba ta’ tifħir f’ġieħ lill-allat tagħhom, allura meta l-insara ma kienux jixtru dawn l-oġġetti kienu jiġu meqjusa bħala nies skandalużi għaliex qegħdin itellfulhom il-qligħ tagħhom kollu.

Dawn l-idejat kienu qegħdin bil-mod il-mod iqajmu r-rewwixti, u għalhekk ma’ kienx hemm bżonn ta’ digrieti tal-Imperaturi. Nafu tajjeb li matul it-tieni seklu xi pagani għamlu għall-insara minn jeddħom u għakksuhom ħafna. Minn-naħa l-ohra il-prokonsli anki bla ma riedu, kellhom jeħduha kontra l-insara. Min-nofs it-tielet seklu ‘l-quddiem l-imperu stess beda jorganiżża persekuzzjonijiet permezz ta’ editti ġenerali. Huma kienu jagħmlu dan bl-iskop li jeqirdu darba għal dejjem il-Knisja Kattolika għaliex kienet saret għadu kbir tal-istat. Fiż-żmien ta’ bejn l-imperaturi Deċju u Djoklezjanu naraw l-imperu jissielet b’qilla kbira mall- Knisja ta’ Kristu. Dan kien l-iżjed żmien li saru persekuzzjonijiet u għadd kbir ta’ nsara xerrdu demmhom biex jistqarru twemminhom.

Minkejja li dawn il-persekuzzjonijiet kienu qliel ħafna bosta nsara għarfu jistqarru twemminhom. L-insara ma’ ċedewx għaliex kienu jafu x’wegħdhom il-Mulej li wara ftit tbatijiet kellhom jiksbu l-hena ta’ dejjem. F’xi każi nsibu wkoll insara li ċedew f’xi persekuzzjoni bħal dik ta’ Deċju. Matul dan iż-żmien kollu ta’ persekuzzjonijiet l-insara taw l-aqwa xhieda tal-fidi għaliex anke bnedmin dgħajjfa wrew qawwa tal-għaġeb waqt it-tiġrib. Iktar irreżistew l-insara fit-tbatijiet milli l-egħedewwa tagħhom fil-persekuzzjonijiet li kienu jagħmlulhom. Hekk ħafna pagani ma felħux jeħduha kontra l-insara. Il-persekuzzjonijiet kienu għar-religjon mezz l-aktar kbir li hi ġejja minn Alla, u t-tieni mezz li bih il-knisja iktar tfferxet.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm