Lezzjoni II: San Kosma u San Damjan


26 ta’ Settembru – San Kosma u San Damjan – Martri

TIFKIRA

Ma hemm ebda tagħrif dwar San Kosma u San Damjan ħlief isimhom, imma jingħad li kienu tobba u kkuraw il-morda bla ħlas f’Ċiro, fis-Sirja u wasslu ħafna minnhom għand Kristu. Ħadu l-martirju taħt l-imperatur Djoklezjanu madwar is-sena 300. Skont dokumenti antiki, il-qabar tagħhom kien jinsab f’Ciro, is-Sirja, fejn inbniet bażilika f’gieħhom. Minn hemm il-kult tagħhom wasal Ruma u xtered mal-Knisja kollha.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mid-diskors tal-Isqof Santu Wistin

(Sermo 329:1-2)

Il-mewt tal-martri hi għażiża, mixtrija b’demm Kristu

Kull fejn iddawwar wiċċek, tara l-Knisja msebbħa bil-kobor tal-għemil tal-qaddisin martri. Nistgħu naraw b’għajnejna stess kemm hu minnu dak li ngħidu fis-salm, li għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. U tassew: hi għażiża kemm f’għajnejna u kemm f’għajnejn dak li għalih il-martri ħadu l-mewt.

Iżda l-prezz ta’ dawn l-imwiet kollha hi l-mewt ta’ wieħed waħdu. Kemm xtara mwiet dak il-wieħed b’mewtu! U kieku ma mietx hu, il-ħabba tal-qamħ ma kinitx tagħmel kotra hekk kbira ta’ frott. Intom smajtu x’qal meta kien qrib il-mewt, jiġifieri meta kien wasal biex jifdina : Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.

Kristu minn fuq is-salib għamel xirja kbira, hemmhekk ħallas il-prezz tagħna, għax meta s-suldat tah id-daqqa ta’ lanza, minn ġenbu miftuħ ħareġ il-prezz tad-dinja kollha.

Huwa ħallas il-prezz tal-fidili u l-martri tiegħu, u l-martri mbagħad tawh prova tajba tal-fedeltà tagħhom, demmhom stess xehed għalihom. B’hekk pattew għall-ħlas li ngħata għalihom, u seħħ dak li jgħid San Ġwann: Kristu ta ħajtu għalina: aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa.

X’imkien ieħor jingħad: Qgħadt bilqiegħda għal ikla tajba ħafna; aħseb sewwa x’qegħdulek quddiemek, għax daqshekk ieħor ikollok tħejji int. Kbira tabilħaqq din l-ikla, ladarba fiha jittiekel sid il-mejda nnifsu. Min hu dak li jitma’ lill-mistednin tiegħu bih stess? Kristu l-Mulej hekk għamel; hu li jistedinna, u b’ikel u xorb tagħna jagħtina lilu nnifsu. Il-martri għarfu sew l-ikel u x-xorb li ngħatalhom, u daqshekk ieħor raddew lura.

Iżda minn fejn setgħu jroddu kieku dak stess li ħallas qabilhom ma tahomx biex iroddu? X’inrodd lil-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi? Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni. X’inhu dan il-kalċi? Hu l-kalċi tal-passjoni, morr, imma jagħti s-saħħa; kalċi li, jekk l-ewwel ma jixrobx minnu t-tabib, il-marid jibża’ jmissu. Dan hu l-kalċi li ssemma: u Kristu wriena x’inhu dan il-kalċi meta qal: ‘’Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi.’’

Għal dan l-istess kalċi l-martri qalu: Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ. Kif! Ma tibżax li tinqered jekk tixorbu? Le, qal. U għaliex? Għax isem il-Mulej insejjaħ. U kif setgħu jirbħu l-martri jekk mhux għaliex kien qiegħed jirbaħ fihom dak li qal: Ifirħu għax jien rbaħtha d-dinja? Dak li jaħkem fis-smewwiet mexxielhom moħħhom u lsienhom, u bihom għeleb lix-xitan fuq l-art u poġġa l-kuruna fuq ras il-martri fis-sema. Henjin dawk li seħħilhom jixorbuh hekk dan il-kalċi: it-tbatijiet tagħhom għaddew u issa kisbu l-ġieħ.

RESPONSORJU                                                                                    ara Ef 4:4. 5

1. F’taqbida glorjuża l-qaddisin martri xerrdu demmhom għall-Mulej, ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u xebħu lilu fil-mewt. *Għalhekk stħaqqilhom il-kuruna tar-rebbieħa.

2. Lkoll kienu mħeġġa bi spirtu wieħed u fidi waħda.* Għalhekk stħaqqilhom il-kuruna tar-rebbieħa.

Talba

Aħna u niċċelebraw it-tifkira tal-qaddisin martri Kosma u Damjan, aħna nfaħħru l-kobor tiegħek, Mulej, għax, bi providenza liema bħalha, inti tajt lilhom il-glorja tas-sema, u lilna dejjem tibagħtilna l-għajnuna tiegħek. B’Ibnek.