Qari tal-Quddies tas-Sibt tas-XVI-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom.
Eżodu 24, 3-8

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè niżel jgħid lill-poplu kulma qallu l-Mulej u kulma ordnalu. Il-poplu wieġeb b’leħen wieħed u qal: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh”.

Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u filgħodu qam, bena artal taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta’ Iżrael.

Imbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej.

Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal. Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu”.

Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 49 (50): 1-2.5-6.14-15

R/. (14a): Agħti ’l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr

Alla, il-Mulej Alla, tkellem u sejjaħ l-art.
Minn fejn titla’ x-xemx sa fejn tinżel,
minn Sijon, il-ġmiel tagħha,
Alla wera d-dija tiegħu. R/.

“Iġimgħu ’l ħbiebi quddiemi,
li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju”.
U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,
għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq. R/.

Agħti ’l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.
Imbagħad sejjaħli f’jum id-dwejjaq;
jien neħilsek, u int tweġġaħni. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġak 1, 21bċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ilqgħu bil-ħlewwa l-Kelma mħawla fikom,
li tista’ ssalvalkom ruħkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad.
Mt 13, 24-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ġab parabbola oħra lill-folla u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”. Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi!”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. Qalilhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu