Fit-3 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Girgor il-kbir, Papa u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 540 sa 604.
San Girgor twieled f’Ruma, l-Italja, f’madwar is-sena 540, minn familja sinjura ħafna.
Meta kellu xi 30 sena kien laħaq Prefett ta’ Ruma. Iżda minkejja li kellu din il-pożizzjoni għolja fis-soċjetà u kien wieħed mill-aktar nies sinjuri ta’ Ruma, fis-sena 575, ħalla kollox biex jingħaqad iktar ma’ Alla.
Daħal mal-Patrijiet Benedittini, bidel daru f’monasteru taħt il-protezzjoni ta’ San Andrija, u ħadem bla heda biex waqqaf sitt monasteri oħra. Il-Papa Pelaġju II ordnah saċerdot u ftit wara bagħtu bħala Legat tiegħu f’Konstantinopli.
Fis-sena 586, ġie lura u sar l-Abbati tal-monasteru ta’ San Andrija.
Meta l-Papa Pelaġju II miet bil-pesta fis-sena 590, Girgor ġie elett Papa, l-ewwel patri li qatt kellu dan l-unur.
Fis-sena 596, bagħat lil Santu Wistin flimkien ma’ xi erbgħin patri ieħor l-Ingilterra biex ixerrdu l-fidi nisranija.
Minkejja li kien bniedem marradi u kien jeħtieġlu jqatta’ perjodi twal fis-sodda, huwa ħadem bis-sħiħ matul l-erbatax-il sena tal-pontifikat tiegħu. Ikkumbatta s-simonija, l-ereżiji u l-inġustizzja, u kabbar l-interess fil-Knisja lejn il-liturġija u l-mużika sagra. Ma kienx jehda jipprietka u jikteb. Il-kitba tiegħu turi l-qdusija, l-għerf u ż-żelu li kellu li wassluh biex ikun iddikjarat Duttur tal-Knisja. Għalkemm kien isejjaħ lilu nnifsu bħala “l-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla,” ma kien jaqta’ qalbu minn xejn. Kien ikun dejjem biċ-ċoqqa ta’ patri ħlief f’okkażjonijiet formali.
Huwa baqa’ jaħdem sal-aħħar minkejja li kien sar għadma u ġilda, qisu skeletru u bilkemm kien jiflaħ jimxi. Miet f’Ruma fit-12 ta’ Marzu, 604.