Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Corpus Domini

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Festa ta’ Corpus Domini
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

AGĦTINI KISRA ĦOBŻ

Bil-Malti għandna l-espressjoni “agħtini kisra ħobż”. Nużaw il-kelma “kisra” għaliex meta taqta’ l-ħobża, tkun qed tiksirha.

Issa meta aħna niċċelebraw l-Ewkaristija, kull wieħed minna jista’ jieħu “kisra” minn dan il-ħobż Ewkaristiku. Fl-Aħħar Ċena, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, kisru u tahulhom. Anki fir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, dawn fetħu għajnejhom u għarfu lil Ġesù waqt “il-qsim tal-ħobż”. L-Ewkaristija hija ħobż miksur għalina. Hija l-qamħ mitħun għalina. Sa hawn tasal l-imħabba tal-Imgħallem: li jkisser ġismu għalina! Daqshekk niswew int u jien f’għajnejn Ġesù. Għalhekk quddiem fenomenu tal-imħabba bħal dan, meta Kristu jitkisser għalina, ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna u nitbiegħdu mill-Ewkaristija. Għaliex meta ssirilna l-istedina biex nieħdu kisra minn dan il-ħobż Ewkaristiku, nibqgħu lura? Nerġa’ ntenni li l-imħabba tal-Mulej għalina hija tant kbira, li hu jsir qamħ mitħun u ħobż miksur għalina. Ma hemm ebda motiv li għandu jbegħidna mill-Ewkaristija.

Fuq l-eżempju tal-Ewkaristija, ma għandniex għalfejn nitgerrxu meta ċ-ċirkustanzi jwassluna biex nitkissru jew nitqassmu għall-proxxmu tagħna. Lanqas għandna nintelqu meta jkun xi ħadd ieħor li jiksirna jew ikissirna… meta ħaddieħor inġustament jisħaqna jew jirfes fuqna. Din tista’ tkun opportunità biex aħna nsiru bħal qamħ mitħun. Nifhem li umanament din mhix esperjenza faċli; imma hawnhekk ukoll għandna l-għajnuna tal-Ewkaristija. Ġesù jagħtina Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb biex xħin insibu ruħna miksurin jew ikollna ninqasmu biex ningħataw għall-oħrajn, aħna niksbu l-qawwa biex ngħixu dan il-kmandament tal-imħabba. Il-miżżewġin jifhmu dak li qed ngħid għaliex ħajjithom hija ħobż miksur għal xulxin u għal uliedhom. Anzi, bil-ħajja tagħhom fiż-żwieġ u l-familja, il-miżżewġin jgħinuna nifhmu kemm l-Ewkaristija, li xi drabi niċċelebraw b’ħafna kunfidenza żejda, hija ħajja miksura għall-oħrajn. Dan jgħodd ukoll għalina s-saċerdoti li rċevejna l-mandat mhux biss biex niċċelebraw l-Ewkaristija, imma wkoll biex ngħixuha.

Jekk l-Ewkaristija hija ħobż miksur, fil-ħajja ma hawn ebda realtà miksura li ma tistax issib postha fuq il-mejda tas-sagrifiċċju. Naf li l-ħajja tagħna ta’ kuljum hija miżgħuda bi ġrajjiet fejn tassew inħossuna frak. Għandna persuni li ħajjithom hija biċċiet. Għandna familji miksurin. Mhux qed nirreferi għal dawk li kellhom jisseparaw jew jiddivorzjaw; imma għandi f’qalbi lil dawk li għalkemm għadhom flimkien, għandhom relazzjonijiet imxellfa minħabba rabja, għira, nuqqas ta’ fiduċja, vjolenza domestika, weġgħat, u iktar. Hemm qagħdiet umani oħra li huma biċċiet, tant li ħafna drabi naħbtu naqtgħu qalbna li xi darba nistgħu ngħinuhom jerġgħu lura għan-normal. Din mhix il-viżjoni tan-Nisrani li jiċċelebra l-Ewkaristija; għaliex kif fl-Ewkaristija, għalkemm il-ħobża hija maqsuma, tibqa’ ħobża waħda, hekk ukoll kull realtà miksura għandu jkollha t-tama li bl-għajnuna ta’ Ġesù tista’ terġa’ ssir ħaġa waħda – tista’ terġa’ tikseb lura l-għaqda tagħha.

Għalhekk nitolbu flimkien biex l-Ewkaristija ma tibqax ritwal vojt ieħor. Hemm bżonn li l-Ewkaristija ma tkunx ikkunsidrata bħala xi ħaġa aċċessorja jew sekondarja li nistgħu ngħaddu mingħajrha, imma hija ċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja. Nara li hemm bżonn nikbru fid-devozzjoni lejn l-Ewkaristija biex nemmnu tassew li fuq il-mejda Ewkaristika hawn Ġesù li qed joffri kisra ħobż lil kulħadd. Ma nittraskurawx dan l-ikel! M’hemmx għalfejn inkunu spiritwalment mibnija b’saffejn biex nersqu għall-Ewkaristija. Hija l-Ewkaristija li tagħtina s-saħħa u tibnina spiritwalment. Hija l-Ewkaristija li ssostnina biex ngħixu l-kmandament tal-imħabba, ukoll meta dan jitlob minna li ninqasmu b’servizz lejn l-oħrajn. Fl-Ewkaristija għandna l-għajnuna biex meta nsibu ruħna mal-art, imkissrin u frak, insibu l-qawwa u nqumu. Fuq l-altar hawn Ġesù li sar biċċiet biex jgħaqqadna ħaġa waħda. Ma hemm ebda esperjenza umana, tqila kemm hija tqila, li ma tistax tintrebaħ bil-qawwa tal-Corpus Domini.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading