Diskors tal-Isqof Mario Grech fi tmiem il-Konferenza “Laudato Sì: Mid-Dokument għall-Azzjoni”


Diskors fi tmiem il-Konferenza “Laudato Sì: Mid-Dokument għall-Azzjoni”
organizzata mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent
Sala tal-Kurja ta’ l-Isqof, il-Belt Victoria
Is-Sibt 5 ta’ Diċembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IS-SAĦĦA TAL-BNIEDEM PARTI MILL-EKOLOĠIJA

1. L-Enċiklika Laudato Sì hija sejħa sabiex inħossuna parti mill-ħolqien fit-tisħiħ ta’ ekoloġija integrali fejn kollox hu marbut flimkien u fejn l-iżvilupp tal-bniedem hu marbut mal-kura tad-dinja, id-dar komuni tiegħu. L-ambjent uman u l-ambjent naturali huma marbuta flimkien, u “ma nistgħux naffrontaw tajjeb it-taħsir ambjentali, jekk ma nagħtux kas tal-kawżi li ġejjin mit-taħsir uman u soċjali” (48). Għaldaqstant, l-enċiklika tqiegħed il-kwistjoni ambjentali fix-xibka tar-relazzjonijiet umani u tar-responsabbiltà li għandu l-bniedem lejn kull maħluq. Fil-fatt, “attitudni tassew ekoloġika trid dejjem issir iżjed attitudni soċjali, li għandha ddaħħal id-diskors dwar il-ġustizzja fid-diskussjonijiet dwar l-ambjent, biex nistgħu nagħtu widen kemm għall-karba tal-art u kemm għall-karba tal-foqra” (49).

2. Sfida ċentrali li għandna quddiemna hija propju dik li bħala bnedmin nagħrfu li “aħna m’aħniex Alla” (67). Fid-dawl tar-rakkonti mżewqa b’simboliżmu qawwi li nsibu fil-Ġenesi – jgħidilna l-Papa – “diġà hemm il-konvinzjoni li qed inħossu llum: li kollox hu marbut ma’ xulxin, u li l-ħarsien awtentiku tal-istess ħajjitna u tar-relazzjonijiet tagħna man-natura ma nistgħux nifirduh mill-imħabba tal-aħwa, mill-ġustizzja u l-fedeltà fil-konfront tal-oħrajn” (70). L-impenn għall-għożża tad-dar komuni hu espressjoni tal-impenn li l-bniedem iħoss sabiex iħares u jgħożż lil ħuh: “l-għożża tan-natura hi parti minn stil ta’ ħajja li jimplika ħila li ngħixu flimkien u komunjoni” (228).

3. Għalhekk dan id-dokument hu kontribut siewi għall-Knisja u għall-ġnus għaliex ikellem lill-qalb tal-bniedem huwa u joffri kritika qawwija għal dak l-antropoċentriżmu modern ikkaratterizzat mir-relattiviżmu prattiku li jagħmel tant dannu lill-ambjent naturali u uman. Kif jiġi osservat, “meta fl-istess realtà tagħna ma nagħrfux il-valur ta’ min hu fqir, ta’ embriju uman, ta’ persuna b’diżabbiltà – biex insemmi biss xi eżempji –, diffiċli mbagħad ikollna l-ħila nisimgħu l-karba tan-natura nfisha. Kollox hu marbut flimkien. Jekk il-bniedem jiddikjara ruħu awtonomu mir-realtà u jħossu ħakkiem assolut tagħha, l-istess bażi tal-eżistenza tiegħu titmermer, għax ;flok jaqdi sehmu bħala koperatur ma’ Alla fil-ħidma tal-ħolqien, il-bniedem iqiegħed lilu nnifsu flok Alla u jispiċċa biex iqajjem irvell fin-natura’” (117).

4. Fid-dawl ta’ dan, inħoss li l-Enċiklika turina li biex inwieġbu għall-isfidi ambjentali jeħtieġ li ngħarblu lilna nfusna u nilqgħu f’din il-kriżi attwali sejħa għall-konverżjoni: “jekk id-deżerti esterni fid-dinja qed jiżdiedu, għax id-deżerti interni saru tant kbar, il-kriżi ekoloġika hi sejħa għal konverżjoni qawwija ġo fina” (217). Fost l-oħrajn din il-konverżjoni titlob li kull min għandu f’idejh l-għarfien mogħti mill-mezzi li toffri x-xjenza moderna, jagħraf jużah għall-qadi ta’ ħutu l-bnedmin u mhux biex jisħaq fuqhom. Il-Papa jinnota li l-bniedem tal-lum mhux edukat biżżejjed biex juża tajjeb il-poter li għandu f’idejh. Filwaqt li l-protokolli u ċerti leġislazzjonijiet jistgħu jidhru li minn barra qed jikkontrollaw kontra l-abbużi, jibqa’ l-fatt li l-bniedem huwa “sajjem minn etika biżżejjed b’saħħitha, b’kultura u spiritwalità li tabilħaqq jagħtuh limitu u jżommuh fil-ħakma ċara tiegħu nnifsu” (105).

5. Inħoss li din l-isfida tal-ambjent naturali u uman tolqot l-aspett tas-saħħa taċ-ċittadini ta’ pajjiżna. Jeħtieġ li mhux biss inaqqsu t-tniġġis tal-arja naturali li tagħmel ħsara lill-ħajja tal-bniedem, imma wkoll it-tinġis tal-arja umana f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa tal-individwi. Biex dan iseħħ, jeħtieġ ikollna l-kuraġġ insejħu b’isimhom ċerti atteġġjamenti u mekkaniżmi li jmorru kontra l-ġustizzja b’dannu għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, fosthom il-bniedem marid. Sabiex inkunu nistgħu nkomplu nagħmlu passi konkreti għat-titjib tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, irridu noħorġu minn dak li hu “politikament korrett” biex nippurifikaw u niġġieldu kull forma ta’ abbuż u sfruttament tal-persuni. Kif naqraw fil-Laudato Sì, “diġà ilna biżżejjed sejrin lura moralment, nilagħbu bl-etika, bit-tjieba, bil-fidi, bl-onestà, u issa wasal il-mument li nagħrfu li din is-superfiċjalità allegra ftit li xejn switilna” (229). Kif awgura l-Papa Franġisku fil-Messaġġ li bagħat lill-Konferenza tal-Cop12 li saret dawn il-jiem f’Pariġi, id-dinja għandha bżonn ta’ ftehim dwar il-klima li jkun iserraħ fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, tal-ġustizzja, tal-ekwità u tat-tisħib, li jimmira biex jilħaq tliet għanijiet marbuta ma’ xulxin: inaqqas l-impatt tat-tibdil tal-klima, jeħodha kontra l-faqar, u jġib ’il quddiem id-dinjità tal-bniedem. Fi kliem il-Papa, ikun traġiku jekk l-interessi partikulari jiġu qabel il-ġid komuni.

6. F’isem ekoloġija integrali li tħares lejn l-iżvilupp sħiħ ta’ kull bniedem u tal-bnedmin kollha, insejjaħ għat-temma ta’ prattiċi fil-qasam tas-saħħa li għandhom xamma ta’ diskriminazzjoni inġusta, fejn min jiflaħ ekonomikament jiġi ppreferut fuq min hu fqir. Ġieli jasluli lmenti minn pazjenti li jinqdew bis-servizz tas-saħħa li joffri l-Istat fl-isptarijiet tiegħu li xi wħud fil-professjoni medika ma jimpurtahomx mill-pazjent fih innifsu imma skont kemm il-pazjent ikun lest li jagħmel donazzjonijiet minn taħt. Mhux qed nirreferi għas-sistema, imma għal prattiċi dannużi mħaddma minn xi individwi. Kull professjonist, u wisq aktar min hu sostnut mill-fondi pubbliċi, li għandu l-poter tal-għarfien u tat-teknika medika, huwa responsabbli li jpoġġi l-ħila tiegħu għas-servizz ta’ kull persuna mingħajr ma joħloq skala ta’ preferenza msejsa fuq il-karti tal-flus tal-pazjent aktar milli fuq il-karta tal-analiżi dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu. Għal professjonist Nisrani, din hija esiġenza tal-kmandament tal-imħabba: hu kmand tal-Mulej li jħobb lill-proxxmu tiegħu, lill-pazjenti kollha tiegħu, u jħobbhom bħala ħutu. Din “l-imħabba ta’ bejn l-aħwa tista’ biss tkun b’xejn, ma tista’ qatt tkun kumpens għal dawk li jwettaq l-ieħor, lanqas xi ħlas minn qabel għal dak li nittamaw li jagħmel” (228).

7. Il-qasam tas-saħħa mhuwiex mifrud mid-diskors ekoloġiku, għaliex is-saħħa tiġi garantita minn kemm kull bniedem iħossu responsabbli għall-ieħor, u fil-każ li qed insemmu, minn kemm kull min jaħdem f’dan il-qasam tant delikat ikollu dik “l-attenzjoni serena” li jgħix kull mument li fih jiltaqa’ mal-bniedem marid li għandu quddiemu bħala “don divin li għandu jingħax fil-milja tiegħu” (226). Dan fuq l-eżempju ta’ Kristu li “kien jaf ikun preżenti b’mod sħiħ għal kull bniedem u għal kull ħlejqa” (226). Fil-bniedem marid, il-persuna b’saħħitha għandha tħoss is-sejħa li tagħtih il-kura meħtieġa, li tkun qrib tiegħu.

L-Enċiklika ssemmi t-triq iċ-ċkejkna ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù bħalma eżempju konkret “biex ma nitilfux l-opportunità ta’ kelma ġentili, ta’ tbissima, ta’ kull ġest ċkejken li jiżra’ l-paċi u l-ħbiberija. Ekoloġija integrali hi magħmula wkoll minn ġesti sempliċi ta’ kuljum li fihom inkissru l-loġika tal-vjolenza, tal-abbuż, l-egoiżmu” (230).

8. Jalla s-sejħa li jagħmlilna l-Papa Franġisku fil-Laudato Sì, u l-Ġublew tal-Ħniena li dalwaqt ser jiftaħ, ikunu għalina mumenti qawwija biex b’qalbna kollha nikkonvertu lejn “il-Vanġelu tal-Ħolqien” li jgħanni l-ħniena għal dejjem ta’ Alla (ara Salm 136:5-9).