Imħabbra Enċiklika ġdida tal-Papa Franġisku fuq il-fraternità universali


Fil-qalba tal-Ittra hemm il-ħbiberija soċjali fid-dinja milquta mill-virus

Fit-3 ta’ Ottubru li ġej, il-Papa Franġisku se jagħmel żjara privata f’Assisi, lejlet il-festa ta’ San Franġisk, biex jiffirma l-enċiklika ġdida tiegħu li se tkun intitolata Aħwa lkoll (jew Ilkoll aħwa) bis-sottotitlu “Fuq il-fraternità u l-ħbiberija soċjali”. Dan tħabbar uffiċjalment il-ġimgħa l-oħra mis-Sala Stampa tas-Santa Sede b’dikjarazzjoni tad-Direttur Matteo Bruni, ippubblikata fuq il-Bullettin ta’ kuljum tal-Vatikan.

Il-Papa Franġisku ser iżur Assisi biex hemm jiffirma Enċiklika ġdida, Omnes fratres

L-aħbar tikkwota lill-Prefettura tad-Dar Pontifiċja, li fost l-oħrajn torganizza l-vjaġġi tal-Papa, u li ħabbret li Franġisku se jasal fis-Sacro Convento fit-3.00pm u jiċċelebra quddiesa fuq il-qabar ta’ San Franġisk. Fi tmiemha hu se jiffirma l-enċiklika. Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija kollox sa jsir f’forma privata.

Diġà minn ġimgħat qabel din l-aħbar kien qed jissemma li l-Papa kien qed iħejji enċiklika ġdida. Fis-26 ta’ Awwissu li għadda, Mons. Domenico Pompili, Isqof ta’ Rieti, kien aċċenna li l-Papa kien se joħroġ enċiklika “fuq it-tema tal-fratellanza umana”. Ta’ min jiftakar li fl-4 ta’ Frar 2019, waqt żjara f’Abu Dhabi, il-Papa Franġisku u Ahmad Al-Tayyeb, l-Imam il-kbir ta’ Al-Azhar, kienu ffirmaw dokument fuq il-fratellanza umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza umana. Din issa sa tkun it-tielet enċiklika ta’ dan il-pontifikat wara l-Lumen fidei tad-29 ta’ Ġunju 2013 u l-Laudato si’ tal-24 ta’ Mejju 2015.

It-titlu tal-enċiklika ġdida hu mnebbaħ minn frażi fl-ewwel paragrafu tas-sitt kapitlu tat-Twissijiet miktuba minn San Franġisk: “Ejjew ilkoll kemm aħna, ħuti, [fil-Latin: Omnes fratres] naħsbu fuq ir-Ragħaj it-Tajjeb li ġarrab it-tbatija tas-salib biex isalva n-nagħaġ tiegħu”. Tista’ tgħid li l-pontifikat kollu ta’ Franġisku idur fuq il-fus tal-fratellanza. “Ħuti” kienet l-ewwel kelma li lissen lid-dinja bħala Papa dakinhar filgħaxija tat-13 ta’ Marzu 2013. Li d-dimensjoni tal-fratellanza hi għal qalbu kompla jikkonfermah fl-għażla li jġorr l-isem tal-Fqajjar ta’ Assisi, qaddis li l-uniku titlu li ried kien ta’ “fra”, frater, wieħed mill-aħwa, u lill-patrijiet tiegħu sejħilhom “Aħwa Minuri”.

Fl-aħħar udjenzi tiegħu l-Papa qed jisħaq ħafna fuq il-fratellanza umana bħala l-muftieħ biex id-dinja tista’ toħroġ iktar b’saħħitha mill-kriżi tal-pandemija. Dik tat-3 ta’ Ottubru li ġej se tkun ir-raba’ żjara tiegħu lill-belt ta’ Assisi, wara dik tal-4 ta’ Ottubru 2013 u tnejn fl-2016, fl-4 ta’ Awwissu u fl-20 ta’ Settembru.

Dwar din ir-raba’ żjara tal-Papa f’Assisi, l-Arċisqof Domenico Sorrentino ta’ Assisi–Nocera Umbra–Gualdo Tadino kkummenta li waqt li d-dinja qed issofri minn pandemija li poġġiet tant popli f’diffikultà, fejn allura kollha nħossuna xi ftit aħwa fit-tbatija, “ma nistgħux ma nħossux il-bżonn li nsiru fuq kollox aħwa fl-imħabba”. Hu tkellem dwar il-“fraternità kożmika” ta’ San Franġisk. “Dan il-ġest tal-Papa Franġisku”, żied jgħid, “jerġa’ jagħtina l-kuraġġ u s-saħħa biex ‘nibdew mill-ġdid’ f’isem il-fraternità li tgħaqqadna lkoll”.

Rapport għal-Laikos minn Francesco Pio Attard