Il-movimenti ekkleżjali bħala aġenti tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida


L-Ispirtu s-Santu jaħdem kif irid. U ħadd ma jista’ xi aġenda fuqu. Għax Alla Hu! U jaħdem b’min jidhirlu Hu li għandu jaħdem! Għalhekk, meta jara l-Ġisem tal-Iben marid, ikkankrat u niexef, jerġa’ jqajmu b’għadd ta’ inizjattivi ġodda. Għax Spirtu ta’ mħabba Hu! U, waħda minn dawn l-inizjattivi hi, ċertament, il-movimenti ekkleżjali.Tajjeb ngħidu li dawn il-movimenti u l-komunitajiet posthom jinħass sewwa. Forsi ħafna aktar milli jaħsbu xi wħud li huma. Ħafna kienu dawk li ħallew l-Ispirtu s-Santu jbiddlilhom ħajjithom permezz tagħhom. Minn b’xi kelma ta’ faraġ u min b’xi twiddiba, u, fuq kollox, b’eżempji sbieħ u qaddisa ta’ ħuthom fil-komunità, dawn il-persuni resqu lejn il-Mulej. L-għaliex intebħu fuq li intebħu kemm qabel kienu qiegħdin jgħixu fi dlam ċappa. Iżda issa, bil-qawwa tal-grazzja tal-Mulej, raw id-dawl!

Mhux żgħir hu n-numru ta’ dawk li skoprew il-fidi tagħhom mill-ġdid permezz ta’ dawn il-movimenti ekkleżjali u komunitajiet ta’ talb. L-għaliex kif nista’ ngħid li nħobb lill-Mulej Ġesù jekk ma nesperjenzahx? Jekk ma niltaqax miegħu? Jekk ma nismax il-Kelma tiegħu? U hawn ġej kollox: kemm jien midħla tal-Kelma li tagħtini l-ħajja? Mhux l-ewwel darba li smajt persuni jgħidu li qabel daħlu fit-tali moviment jew it-tali komunità qatt ma ndenjaw ruħhom jaqraw il-Kelma. Għalihom, din il-Bibbja kienet ktieb li tpoġġi fl-ixkaffa tal-wall unit, biex iżejjen l-ambjent mal-kotba l-oħra. Imma qatt ma kienu jindenjaw ruħhom jiftħuha! Ħa jaraw x’fiha! Imma issa, wara li għamlu esperjenzi tal-Mulej f’ħajjithom, tgħidx kemm qed jaraw is-siwi tal-Kelma! Għax, mingħajr il-Kelma, x’viżjoni jista’ ikollna? U fejn se naqbdu immorru? U mhux għalhekk li l-pjani pastorali, inkluż dak tal-Arċidjoċeżi għażiża tagħna, hu msawwar u msejjes fuq il-Kelma ta’ Alla? Il-Bibbja? Kif għandu, wara kollox, li jkun?

Dan kollu jfakkarni x’jgħid il-Konċilju Vatikan it-Tieni fuq il-Kelma ta’ Alla f’rabta mal-Knisja stess. Fil-Kostituzzjoni Dommatika tal-Konċilju Vatikan it-Tieni li titħaddet dwar ir-Rivelazzjoni Divina, Dei Verbum, eżattament fin-numru 7, insibu miktub hekk: “Din it-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Kitba Mqaddsa taż-żewġ Testmenti huma bħal mera li fiha l-Knisja li għada miexja fuq l-art tikkontempla ‘l Alla li minnu tirċievi kollox sakemm tasal biex tarah wiċċ imbwiċċ kif inhu (cf. I Ġw3,2)”. Iva! Il-Kelma ta’ Alla hi mera l-ewwel nett għal kull Nisrani u Nisranija, għal kull familja u komunità ta’ ħajja ikkonsagrata u anki għal kull moviment ekkleżjali u komunità ta’ talb. L-għaliex, mingħajr il-Kelma ta’ Alla, ma nkunux nafu fejn aħna sejrin. Għax nispiċċaw induru fuqna nfusna biss! Mela, għal ġol-ħaj! Kien għalhekk li s-salmista, b’għaqal kbir, jistqarr: Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi (S 119:105).

Ta’ min iżomm f’moħħu sewwa dak li tgħidilna l-eżortazzjoni appostolika post-sinodali dwar il-missjoni u s-sejħa tal-lajċi fil-Knisja u fid-dinja tallum, Christifideles Laici, ta’ San Ġwann Pawlu II dwar il-kriterji ta’ dixxerniment li bihom għandu jimxi kull moviment ekkleżjali u l-komunitajiet il-ġodda. Liema kriterji għandhom joffru l-ekklesjalità ta’ dawn il-movimenti u komunitajiet tal-lajċi biex hekk dawn ħutna “jingħażlu u jingħarfu … ‘fid-dawl tax-xirka u tal-missjoni tal-Knisja’ u hekk ħadd ma jkun jista’ jwaqqafhom mid-dritt ‘li jwaqqfu għaqdiet tagħhom’” (nru.30). Għalhekk, in-numru 30 jippreżentalna dawn il-“kriterji li għandhom jitqiesu kollha flimkien” (nru.30):

“- il-vokazzjoni għall-qdusija bħala l-għan ewlieni tal-lajċi nsara, vokazzjoni li tidher mill-frott tal-grazzja li l-Ispirtu s-Santu joħloq fl-insara, u li bih huma jaslu għall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni tal-imħabba. Minħabba f’dan, kull assoċjazzjoni tal-lajċi nsara li msejħa biex tkun fil-Knisja dejjem aktar strument ta’ qdusija, hija u ġġib ‘il quddiem għaqda dejjem akbar bejn il-ħajja ta’ kull jum tal-membri tagħha u l-fidi tagħhom, u tħeġġiġhom għall din l-għaqda bejn fidi u ħajja.
-responsabbilta’ fl-istqarrija tal-fidi kattolika, billi l-lajċi nsara jilqgħu l-verita’ dwar Kristu, il-Knisja u l-bniedem, u jxandruha, b’ubbidjenza lejn il-maġisteru tal-Knisja, li biss jista’ jfissirha b’mod awtentiku. Għalhekk kull assoċjazzjoni tal-insara lajċi trid tkun post l-aktar adatt fejn tixxandar u titħabbar il-fidi, u fejn il-membri jiġu mħarrġin fis-sħuħija kollha tagħha;
– xhieda ta’ xirka sħiħa u konvinta, bħala ulied, mal-Papa li hu dejjem il-bidu u l-pedament li jidher tal-għaqda fil-Knisja universali, u ma’ l-Isqof li hu dejjem il-bidu u l-pedament li jidher˝ tal-knisja lokali; xhieda wkoll ta’ rispett għal xulxin mis-suriet kollha ta’ appostalat fil-Knisja. Ix-xirka mal-Papa u ma’ l-Isqof tintwera mid-dispożizzjoni li l-insara juru li huma lesti jilqgħu bil-fedelta’ kollha t-tagħlim tagħhom u jħarsu wkoll in-normi pastorali li jagħtu. Barra dan, ix-xirka tal-Knisja titlob li fil-Knisja jkun hemm ħafna suriet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ lajċi nsara, u jkunu dejjem disposti li jaħdmu flimkien u jgħinu lil xulxin.
– il-għan tagħhom ikun jaqbel mal-għan appostoliku tal-Knisja u jissieħeb miegħu, jiġifieri jagħtu sehemhom għax-xandir tal-Evanġelju fost in-nies ħa jqaddsuhom u jrawwmulhom il-kuxjenza, u hekk jimlew bl-ispirtu tal-Knisja l-komunitajiet u l-ambjenti kollha. Fid-dawl ta’ dan, jeħtieġ li fis-suriet kollha tas-assoċjazzjonijiet tal-lajċi, u f’kull waħda minnhom, ikun hemm vera ħeġġa missjunarja biex minn jum għal ieħor isiru dejjem aktar xandara ġodda tal-Evanġelju.
– L-impenn li jkunu preżenti fi ħdan is-soċjeta’ tal-bnedmin b’mod li, fid-dawl tat-tagħlim soċjali tal-Knisja, iħabirku biex iħarsu d-dinjità sħiħa tal-bniedem” (nru.30).

Ma’ dawn il-kriterji wieħed għandu jqis attitudni mportantissma bil-għan li “dawn l-assoċjazzjonijiet tal-insara lajċi [jibqgħu] jkunu egħjun ħajja ta’ parteċipazzjoni u solidarjeta’,” biex kemm fis-soċjetà u ħafna u ħafna aktar, fil-Knisja stess, “jkun hemm dejjem aktar kondizzjonijiet ta’ ġustizzja u ta’ fraternità” (nru.30). Din l-attitudni nsibuha mħabbra għal Ġesù innifsu, il-qaddej ta’ Yahweh, li tiegħu u tiegħu biss il-Knisja għandha tkun ikona ħajja! Qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx (Iż 42:3).

Nitolbu biex ir-rgħajja, bħalma jagħmel Ġesù nnifsu, jinfetħu dejjem għall-għarfien u d-dixxerniment li jwassalhom li dejjem jaraw id il-Mulej f’dawn il-movimenti u l-komunitajiet. Jalla, bil-qawwa tal-kuraġġ, tal-umiltà, tal-għaqal, tas-sewwa u tal-ħniena tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-qdusija, huma jsaħħu d-dgħjufija tagħhom, ifejqu l-mard tagħhom, idewwu l-ġrieħi tagħhom, jressqu lejn lix-xirka fil-ħajja tal-Knisja lil dawk minn nagħaġ li tbegħdu, ifittxu lil dawk li ntilfu u hekk jkunu bħal Kristu, rgħajja li għandhom fuqhom ir-riħa tan-nagħaġ li ġew imsejħa li jirgħu (ara Eżek 34:4).

Patri Mario Attard OFM Cap