Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Pussess ta’ Dun Michael Curmi


Omelija fil-Quddiesa tal-Pussess ta’ Dun Michael Curmi
bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat
Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat
It-Tnejn 20 ta’ Lulju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

FID-DGĦAJSA TA’ PIETRU HEMM POST GĦAL KULĦADD

Illum il-ferħ jidher fuq wiċċ din il-komunità parrokkjali. Dan il-ferħ tagħna mhux biss għax qegħdin nilqgħu lill-Arċipriet il-ġdid fil-bidu tal-mandat tiegħu, imma wkoll għax nemmnu li bil-preżenza ta’ dan is-saċerdot ġdid fil-komunità parrokkjali Ta’ Sannat, ser jirnexxielna nkomplu niskopru lil Ġesù, it-teżor moħbi li nsibu fil-parabbola (ara Mt 13:44-52). Ġesù huwa l-motiv tal-veru ferħ tal-bniedem. Il-ferħ l-ieħor huwa tajjeb, imma malajr jevapora; mentri meta nsibu lil Ġesù u nitwaħħdu miegħu, il-ferħ tagħna ma jeħodhulna ħadd.

Għażiż Dun Michael, fil-bidu tal-missjoni tiegħek bħala Arċipriet ta’ din il-komunità, inħeġġek biex tagħmel ħiltek kollha biex tgħin lil din il-komunità ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha ma’ Ġesù. Agħmel dak kollu li tista’ biex il-komunità ssir aktar “Kristjana” mhux biss fl-isem imma fil-prattika. Għinha tkompli tikxef il-preżenza moħbija ta’ Alla. Bħar-raġel tal-parabbola li biex sab it-teżor kellu jagħżaq fil-fond u jaħdem art iebsa biex ħareġ għad-dawl dak li kien fid-dlam, ninkuraġġik biex inti wkoll ma taqtax qalbek taħdem art xagħrija u taqleb l-art imballta. Fannad kemm tista’, anki jekk ikollok ittella’ l-boqoq f’idejk, għax anki fl-iebes hemm Alla. Tibżax tixref fejn hemm id-dlam, għax hemm ukoll tista’ ssib sinjali tal-preżenza ta’ Alla. Ħu ħsieb l-art maħduma, imma żomm għal qalbek ukoll l-art mitluqa, għaliex hemmhekk ukoll hemm is-sorpriżi ta’ Alla. Kif jikteb il-Papa Franġisku fl-Evangelii gaudium, “ħadd ma huwa eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej”. Meta ngħid li “ħadd”, qed nifhem letteralment “ħadd” – allura l-ferħ li jagħti Ġesù huwa offrut lil kulħadd, kemm dawk tal-qrib u kemm dawk tal-bogħod.

Imma llum jien irrid nafdalek “għalqa” li fiha hawn moħbija ġawhra prezzjuża – qed nirreferi għal din il-komunità parrokkjali Ta’ Sannat. Ftit ilu għamilt il-Viżta Pastorali f’din il-parroċċa, u minn dak li nnutajt matul il-ġimgħat li “għext” magħhom, nista’ ngħidlek li l-predeċessur tiegħek, Mons. Tarċisju Camilleri, qed jgħaddilek “għalqa” li fiha tassew hemm it-teżor: Ġesù. Fil-qalb ta’ dawn in-nies hemm ġawhra li tiswa ħafna – hemm Alla. Jien qed nibagħtek magħhom, biex inti toħroġ aktar fid-dieher dak li hemm mistur fihom.

Biex tagħmel dan, infakkrek f’dak li ktiblek fid-Digriet tal-ħatra tiegħek: fittex li tkabbar fik qalb ta’ missier biex b’ħafna mħabba, ħlewwa u miżerikordja inti ddewwaqhom il-kura paterna tal-Missier Alla. Il-bniedem tal-lum aktar għandu bżonn tal-imħabba milli tal-prietki; aktar qiegħed fuq ix-xwiek biex jisma’ kelma ta’ faraġ milli xi lezzjoni elaborata; aktar jixxennaq għal tgħanniqa milli jistenna xi twiddiba. Għalhekk neżortak ukoll biex bħar-raġel tal-parabbola tkun lest tbigħ kulma għandek biex tixtri din l-għalqa li fiha t-teżor moħbi – biex tikseb din il-ġawhra! Dan huwa l-ministeru tagħna s-saċerdoti: li nkunu lesti ninfatmu minn dak kollu li huwa “tagħna” (programmi, proġetti, ambizzjonijiet, interessi, u l-bqija) biex verament naħdmu ħalli ngħinu lill-bniedem, lill-familji, lill-gruppi jintebħu bil-preżenza ta’ Alla li hemm fihom. Imma rridu nkunu lesti nħallu kollox, ninsew lilna nfusna. Għax l-awtoreferenzjalità hija marda endemika fina s-saċerdoti li qed ittellifna ħafna milli nwettqu pastorali effettiva. Għalhekk, għażiż Arċipriet, sib il-kuraġġ biex tinża’ l-“jien” tiegħek biex tkun aktar ħieles fl-eżerċizzju tal-ministeru tiegħek, biex tkompli tlaqqa’ din il-komunità ma’ Ġesù – inkella ma hemmx skop li tkun saċerdot, kappillan u isqof – u hekk tkun komunità ferħana.

Biex tagħmel dan, jeħtieġlek ukoll, kif jgħid il-Vanġelu, titfa’ x-xibka li fiha “jinġabar kollox”… il-ħut kollu. Ħadd ma huwa mwarrab jew eskluż. Fix-xibka li jifrex is-saċerdot hemm wisa’ għal kulħadd u ħadd ma huwa skart għar-rimi. Huwa minnu li fil-Vanġelu naqraw li “meta x-xibka jtellgħuha x-xatt, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin” (Mt 13:48). Fil-verżjoni bil-Grieg, Ġesù ma jgħidx “ħżiena” fis-sens ta’ ġudizzju morali, imma l-kelma sapra’ tfisser dawk li tħassru u nitnu għax mietu (putrified) u għalhekk m’hemmx tama aktar għalihom – m’hemmx possibbiltà ta’ rkupru tagħhom. Fi kliem ieħor, “il-ħżiena” huma dawk li assolutament huma irreversibbli. Żgur li l-midneb mhux f’din il-kategorija – fil-kannestru tas-sajjied hemm post għall-midneb ukoll. Fid-dgħajsa ta’ Pietru jitla’ wkoll il-midneb, għaliex sakemm il-bniedem huwa ħaj, dejjem tibqa’ t-tama li wieħed jista’ jirrevedi ħajtu. Fil-Knisja ma għandna naqtgħu qalbna minn ħadd. Arċipriet, irridek tkun konvint bħali li fil-Knisja u fis-soċjetà ma jeżisti ħadd li huwa “inutli” jew “irrekuperabbli” tant li taqta’ jiesek minnu. Nittama li qiegħed niftiehem. Hi x’inhi l-kundizzjoni tal-bniedem, jew l-għażla li jagħmel, hemm postu f’din ix-xibka, jiġifieri f’din il-komunità ekkleżjali.

Mhux kompitu jew responsabbiltà tagħna li nagħżlu bejn il-ħut tajjeb u dak ħażin. Kif jgħid Ġesù, din l-għażla hija f’idejn l-“anġli” li fi tmiem id-dinja joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti. Fi kliem ieħor, il-ġudizzju nħalluh għal Alla. Għalhekk mhux xogħol tagħna li noqogħdu nikklassifikaw in-nies u nqegħduhom f’kategoriji – dawn tajbin u dawk ħżiena, dawn jistgħu jiġu fil-laqgħat tal-komunità u lil dawk neskluduhom u nħalluhom wara l-bieb! Aħna min aħna biex nagħmlu dawn il-ġudizzji? Għalhekk, Arċipriet, illum meta qed nibagħtek biex f’isem Kristu tieħu ħsieb pastorali ta’ din il-komunità, nagħtik il-mandat biex tifrex ix-xibka u qis li fiha tilqa’ lil kulħadd, ħadd eskluż, għax ma hawn ħadd li huwa mitluf. Ilkoll nistgħu nirrevedu l-ħajja tagħna u nikbru fl-intimità ma’ Ġesù.

Meta Ġesù jgħid li s-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil xibka li fiha jinġabar kollox, dan għandu interpretazzjoni oħra. Meta jgħid li fix-xibka jinġabar “kollox”, Ġesù qed jgħid li flimkien mal-ħut fix-xibka jaf ikun hemm ħafna “imbarazz”– injam, ħadid, ħwejjeġ bla użu, u oħrajn –, li l-bniedem ikun difen fil-qiegħ tal-baħar. Allura meta jtellgħu x-xibka fuq ix-xatt, is-sajjied inaddaf ix-xibka mhux mill-ħut imma mill-imbarazz. Hekk ukoll fix-xibka li hija l-komunità ekkleżjali: fiha hemm wisa’ għall-bnedmin kollha u ma għandna nwarrbu ebda persuna, imma għandna wkoll ċertu “imbarazz” li mhux biss ma għandu ebda siwi, imma huwa ta’ xkiel. Int taf li jien nixtieq ħafna li nnaddfu x-xibka tal-Knisja mill-ħafna imbarazz li nġama’ matul is-snin. Naf li din mhix missjoni ħafifa, għax hemm ħafna, mhux biss lajċi, li ma jifhmunix. Jien nara li jekk inħallu din ix-xibka mgħobbija kif inhi bl-imbarazz, hemm il-periklu li x-xibka tiċċarrat u nitilfu l-ħut kollu.

Għalhekk indur fuqkom, poplu ta’ Alla. Filwaqt li nifraħ magħkom u napprezza li qed tilqgħu lil dan is-saċerdot biex ikun qaddej tagħkom fl-uffiċċju ta’ Kappillan, nitlobkom biex tikkoperaw miegħu biex jirnexxi fil-missjoni li l-Knisja qed tafdalu. Is-suċċess tiegħu jiddependi minn kemm jirnexxielu jgħinkom tkomplu tikbru fix-xebh tagħkom ma’ Ġesù – skont kemm jagħraf ipoġġi lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom. Jien ma għandix dubju li Dun Michael ser jinħall mill-irbit tiegħu biex iwettaq b’fedeltà u f’kollaborazzjoni miegħi l-missjoni li qed nafdalu; imma nitlobkom tgħinuh ħalli f’din ix-xibka jħaddan lil kulħadd b’dik l-imħabba ta’ missier. Inqiegħed il-missjoni tiegħek taħt il-ħarsien tal-Patruna tagħna Santa Margerita.