Issa tmienja u erbgħin!


Nhar l-Erbgħa 26 t’Awwissu 2020, fl-istess jum li fih Madre Tereża għalqet mija u għaxar snin, il-Mulej tani l-grazzja nagħlaq tmienja u erbgħin!

Tmienja u erbgħin eh! “Kemm għadek żgħir!” kien hawn min qalli ferħan ferħan! Abbli li hu stess xtaq li għadu żgħir u żgħira! Għalhekk, tort ma nagħtihom qatt! Imma ħej, lil dan u lil din, nasal ngħidilhom: “X’żgħir żgħir! Min jisimgħek! Qed nikber! U nikber ġmielu!” U, f’każ li naħbat jew se ninsa inkella li nilgħabha, bil-pulit pulit, li qed ninsa, ġismi stess miskin ifakkarni! L-ewwelnett b’dak li jidher! U dritt wara b’dak li ma jidhirx! Issa dan qed ngħidu l-għaliex fiżikament u mentalment inħossni nbdilt. U nbdilt waħda sew! Qisu fija qed inħoss li, mit-twila sal-qasira, għal hawn jien żgur li minix!

Għalhekk, kull filgħodu, “kmieni kmieni”, u ġieli, mhux daqstant kmieni, (għalkemm dawn il-jiem bilkemm ngħoddhom fuq il-pala t’idi!), mar-radd imqaddes tas-Salib ta’ dak il-jum, il-Mulej Ġesù inħossu jgħallimni, fuq li jgħallimni, u dejjem b’dak is-sabar li jħollok minn ġewwa tiegħu, din it-tagħlima tat-tagħlimiet: Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata (Mt 6:34).

Idaħħakni Ġesù! Għax bis-sempliċità tiegħu jħollni mingħajr ma jiżlugani, jigrifni jew ibenġilni. Jaħsilni u jħallini ninxef bl-imħabba bla kondixin tiegħu! Għalkemm bla air condition! Barra minhekk, dan is-Sinjur Ġesù, għandu ħabta kif iżommni aġġornat li ż-żmien fuqi tassew li għaddej! Avolja jaf li aqta’ kemm qed nipprova nagħlaq għajnejja t-tnejn bis-saħħa għal kull xagħra bajda li qed titfaċċa quddiemi! Dejjem iġibli l-kanzunetta mill-isbaħ ta’ Sting, Russians! Li tibda’ bit-tektik tal-arloġġ u tieqaf ukoll bit-tektik tal-arloġġ! Għax iż-żmien bomba tal-ħin!

Anki jekk it-tixbiha hi qawwija u forsi m’hi sabiħa xejn imma hekk hi ħbieb! Xi darba, ħinna fuq l-art għad jisplodi. Għax jieqaf itektek. Mela issa ċ-ċans ħi! Qabel jieqaf it-tektik u jibda’ it-tferfir! Għax Ġesù, li jaf sewwa kemm inħobb il-kanzunetta Maltija, x’jagħmel? Ifakkarni fil-versi: “La la, lalalalalala la la Lalalalalala la la, Iż-żmien għaddej!” U dan ir-ritornell tar-ritornelli mhux darbtejn tafux ifakkarhuli imma għal ma nafx kemm-il darba!

Sakemm jitlagħli, indaħħal idejja fil-but taċ-ċoqqa, noħroġ il-Kuruna, u nibda’ nitlob ir-Rużarju fl-iskola tas-Saħħa tal-Morda u Omm il-Ħniena, jiġifieri l-Madonna ta’ Częstochowa, li fil-festa tagħha nagħlaq snini! U x’tgħallimni Marija? Li meta jinfduli qalbi u jgħawruhieli nħalli lill-Mulej ifejjaqhieli b’għaxqet ħlewwietu!

Għalhekk, Mulej, qiegħed f’qalbek il-qalb minfuda tiegħi. Amen. Tafu li din se tkun it-talba tiegħi minn mindu għalaqt it-tmienja u erbgħin sena tiegħi ‘il quddiem?

Patri Mario Attard OFM Cap