Illum il-Knisja tfakkar lil San Pietru Claver

Print Friendly, PDF & Email

Fid-9 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Pietru Claver, Saċerdot u Missjunarju li għex bejn is-snin 1581 sa 1654.

San Pietru Claver SJ, kien membru tas-Soċjetà ta’ Ġesù u huwa l-Padrun tal-iskjavi u l-missjonijiet Afrikani kif ukoll tar-Repubblika tal-Kolombja minħabba x-xogħol li għamel mal-iskjavi tal-Kolombja.

Pietru Claver twieled minn familja sinjura f’Verdu, Spanja, u kiseb l-ewwel grad tiegħu f’Barċellona. Huwa daħal mal-Ġiżwiti fl-1601. Meta kien f’Majorka qiegħed jistudja l-filosofija, Claver kien imħeġġeġ minn Alphonsus Rodriguez, il-kustodju qaddis tal-kulleġġ, biex imur il-missjonijiet fl-Amerika. Claver hekk għamel, u fl-1610 mar f’Cartagena, il-Kolombja. Wara li lesta l-istudji tiegħu f’Bogotá, Pietru kien ordnat f’Cartagena fl-1616.

Cartagena kien wieħed miż-żewġ portijiet fejn l-iskjavi mill-Afrika kienu jaslu biex jinbiegħu fl-Amerika t’Isfel. Bejn is-snin 1616 u 1650, Pietru Claver ħadem kuljum biex jaqdi l-bżonnijiet ta’ 10,000 skjav li kienu jaslu kull sena.

Meta kien jasal bastiment, Pietru kien l-ewwel jittallab għall-frott, gallettini jew ħelu biex ikun jista’ jagħtihom lill-iskjavi. Imbagħad kien jivvjaġġa magħhom ma’ xi tradutturi biex ikun jista’ jagħtihom id-donazzjonijiet tiegħu kif ukoll juża magħhom il-ħiliet tiegħu bħala tabib u għalliem. Claver kien jidħol sa fil-qiegħ tal-vapuri fejn dawn l-iskjavi kienu jinżammu f’miżerja kbira u ma jitlaqx minn hemm sa ma’ kull persuna tkun irċeviet miżura ta’ kura. Pietru kien jagħtihom istruzzjoni qasira dwar il-fidi Kattolika u jgħammed kemm jista’ minnhom. B’dan il-mod huwa seta’ jgħin biex is-sidien tal-iskjavi jagħtuhom trattament aktar uman peress li jkunu saru ħuthom fir-reliġjon nisranija. Pietru Claver għammed aktar minn 300,000 skjav sal-1651, meta imbagħad marad bil-pesta.

Fl-aħħar snin tal-ħajja tiegħu, Pietru tant kien marid li ma setax iħalli l-kamra tiegħu. Ex-skjav li kien imqabbad biex idur bih, ittrattah b’mod krudili; ma kienx jitimgħu għal ħafna ġranet, u qatt ma kien jaħslu. Claver qatt ma lmenta. Huwa kien konvint li ħaqqu dan it-tip ta’ trattament.

Fl-1654, Pietru kien midluk biż-żejt tas-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. Meta n-nies semgħet dwar dan, iffullat biex tmur fil-kamra tiegħu biex tarah għall-aħħar darba. In-nies ttrattaw il-kamra ta’ Pietru Claver qisha kienet xi santwarju, u żarmawha minn kollox ħlief mill-ħwejjeġ tas-sodda li kellu. Claver miet fis-7 ta’ Settembru, 1654.

San Pietru Claver ġie kkanonizzat fl-1888. Il-memorja tiegħu hija ċċelebrata fit-9 ta’ Settembru.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading