Omelija fil-Festa ta’ Ferħ mill-Isqof Mario Grech fil-Kappella tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex


Omelija fil-Festa ta’ Ferħ
Kappella tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NOĦOLMU L-ĦOLMA TA’ ALLA

Għalkemm mhix ħaġa sabiħa, imma spiss jiġrilna li nsibu ruħna fis-sandli ta’ San Ġużepp! Meta sar jaf li Marija kienet qed tistenna tarbija mhux minn tiegħu, Ġużeppi daħal fi kriżi għax ma kienx jaf x’ser jaqbad jagħmel. Skont il-liġi, f’dik il-kundizzjoni Marija kienet tajba għar-rimi! Ġużeppi kien għadu fil-għama dwar x’kien seħħ f’Marija u għalhekk kien fid-dmir li jimxi mal-liġi ta’ Mosè li kienet tgħid li jekk ir-raġel ma jsibx provi tax-xbubija tax-xebba, dan jieħu “t-tifla fil-bieb ta’ missierha, u jħaġġruha l-irġiel tal-belt tagħha sakemm tmut għax tkun għamlet għajb f’Iżrael li żniet f’dar missierha. Hekk int teqred il-ħażen minn ġo nofsok” (Dt 22:20-21). Fl-istess waqt, Ġużeppi kien iħobbha lil Marija u għalhekk tħawwad: jobdi l-liġi jew iħenn għall-maħbuba tiegħu? Ġużeppi kien makakk u “għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Lq 1:19). B’dan il-mod Ġużeppi kien ser ikun qed josserva l-liġi imma fl-istess waqt isalvalha wiċċha.

Imma l-Vanġelu jgħidilna li Ġużeppi raqad u ħolom – Ġużeppi ħolom il-ħolma ta’ Alla. Alla ma jirraġunax bħalna l-bnedmin. Alla ma jiskarta lil ħadd, lanqas lil dawk li jkunu kisru l-liġi tiegħu. Alla lil Ġużeppi jgħidlu biex ma jkeċċihiex lil Marija, imma jilqagħha għandu għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Tassew li l-ħolma ta’ Alla hija sabiħa!

Din kelma li tagħmlilna kuraġġ, għax faċli nsibu rwieħna fil-qagħda ta’ Marija, fis-sens li f’għajnejn in-nies nidhru li ma nkunux għamilna għażliet perfetti. Spiss jiġri li konsegwenza ta’ dawn l-għażliet aħna stess nintremew jew ħadd ieħor jarmina. Aħna stess ma naħfruhiex lilna nfusna u nħossuna skartati.

Għax kien bniedem “ġust”, Ġużeppi kien ittentat li jimxi b’mod rigoruż mal-liġi. Imma l-ġustizzja ta’ Alla hija differenti minn dik tagħna l-bnedmin. F’moħħna l-ġustizzja hija retributtiva – wieħed ipatti għan-nuqqasijiet li jkun għamel; imma f’Alla l-ġustizzja hija mħabba, mogħdrija, maħfra u miżerikordja. Kif jgħid il-Papa Franġisku, “il-qalb tal-Missier tmur ’l hinn mill-kunċett dejjaq li aħna għandna tal-ġustizzja għaliex tiftħilna orizzonti wesgħin tal-ħniena” (3 ta’ Frar 2016). Għalhekk nagħmlu l-qalb, għax dan huwa li joħlom Alla għalina, anki jekk fid-dgħufija tagħna oġġettivament għemilna jkun mistkerrah mil-liġi. Kif tikteb Simone Weil, “li wieħed iqiegħed il-liġi qabel il-persuna: dan huwa l-essenza ta’ dagħwa kbira”.

Dan l-atteġġjament ta’ Alla jgħinna nikkoreġu l-atteġġjament tagħna mal-proxxmu tagħna li jiżbalja. Ħafna drabi tiġina ħafifa li niġġudikaw, nikkundannaw u niskartaw lil min joħroġ barra mil-linja. Aħna għandna bżonn noħolmu l-ħolma ta’ Alla. Mhix ħaġa ħafifa, imma possibbli. Lil min joħroġ barra mil-linja, nippruvaw insalvawh kif għamel Ġużeppi ma’ Marija.

Dawn l-esperjenzi ngħaddu minnhom f’diversi kuntesti ta’ ħajjitna – fil-ħajja tal-familja, fir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin, fuq ix-xogħol… Ikollna minnhom ukoll f’dan l-isptar li huwa d-dar li toffrilna l-kura meħtieġa. Jien konvint li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-equipe mediku ma jkunx jaf x’ser jaqbad jagħmel quddiem persuna li tkun qed tilgħabha mal-mewt. Ħafna drabi ħajjitna tiddependi mid-deċiżjonijiet li jittieħdu fuqna mit-tim mediku. Ikun hemm sitwazzjonijiet tassew tqal, u nitlob lill-Mulej jagħtikom id-dehen biex tagħmlu għażliet tajbin u possibbilment ma taqtgħu qalbkom minn ħadd. Huwa minnu li hemm limitu fejn ix-xjenza ma għandhiex tweġiba; imma ħa tkun in-natura li turina li tlifna l-ġlieda. Ma nċedux għat-tentazzjoni li kellu Ġużeppi li nimxu biss skont il-protokolli, imma nagħmlu ħilitna kollha biex inħarsu l-ħajja umana. Il-persuna tiġi qabel kull protokoll. Jien naf li dan huwa l-ethos tas-servizzi sanitarji f’pajjiżna, u ta’ dan irrodd ħajr lil Alla u lilkom.

Ġużeppi kien jaf li t-tarbija ma kinitx tiegħu u lil Marija seta’ qabbiżha mill-bieb ’il barra, imma għażel li jissagrifika ruħu għalihom. Nirrakkomandalkom biex quddiem il-ħajja dgħajfa, ma żżommux lura milli tagħmlu pass żejjed biex tħarsuha. Hemm diversi modi kif il-bniedem jista’ “jingħata” biex jaqdi l-ħajja. Wieħed jista’ jpoġġi għas-servizz tal-marid il-ħin tiegħu, l-għerf li jkun kiseb, il-ħila, il-ħlewwa fi mġibtu… Att nobbli ta’ ġenerożità li nistgħu nagħmlu ma’ marid huwa meta nagħtu d-demm. Min jagħti d-demm huwa benefattur kbir tal-umanità.

Għalhekk nitħeġġu biex noħolmu l-ħolma ta’ Alla. Fl-istorja ta’ Ġużeppi, Alla ppermetta lil anġlu jintroduċih fil-ħolma tiegħu. Illum ukoll Alla jdaħħalna fil-ħolm tiegħu permezz ta’ anġli oħra – imma anġli li ma għandhomx ġwienaħ, imma huma l-irġiel u n-nisa li nħabbtu wiċċna magħhom kuljum.