Fid-19 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Ġennaru, Isqof u Martri li għex bejn wieħed u ieħor bejn is-snin 275 sa 305.
San Ġennaru twieled f’Napli jew f’Benevento, l-Italja, f’madwar is-sena 275. Ta’ madwar tletin sena sar Isqof ta’ Benevento, u fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu miet martri flimkien ma’ sitta oħra fosthom id-Djaknu u l-Lettur tiegħu, billi wara li kkundannawhom għall-mewt, tefugħom lill-iljuni fl-Anfiteatru ta’ Pozzoli, fis-sena 305, iżda peress li l-iljuni ma missewhomx, qatluhom bil-qtugħ tar-ras.
Fil-Katidral ta’ Napli hemm xi relikwi tiegħu fosthom il-magħruf ”Demm ta’ San Ġennaru.” Dan id-demm magħqud li hu miżmum f’kunjett issiġillat, jinħall tliet darbiet fis-sena;
- fid-19 ta’ Settembru, nhar il-festa tiegħu;
- fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju, l-anniversarju ta’ meta r-relikwi tal-Qaddis inġiebu f’Napli; u
- fis-16 ta’ Diċembru b’tifkira ta’ meta bl-interċessjoni tal-Qaddis Napli ġiet meħlusa mill-qerda li ġabu magħhom l-eruzzjonijiet tal-Vessuvju fis-sena 685.
S’issa x-xjenzati għadhom ma sabu l-ebda spjegazzjoni naturali ta’ dan il-fenomeni, u kull possibiltà ta’ tqarriq hi eskluża.