Ġwanni Pawlu II fis-600 sena mill-mewt ta’ Santa Katarina ta’ Siena


QUDDIESA FIS-VI ĊENTINARJU TAL-MEWT TA’ SANTA KATERINA TA’ SIENA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ San Pietru, 29 ta’ April 1980

1. Ġemgħa ma tingħadx ta’ “verġni għaqlin” bħal dawk imfaħħra mill-parabbola evanġelika li smajna, għarfu, tul is-sekli kristjani, jistennew lill-Għarus bl-imsiebaħ tagħhom, mgħammrin sewwa biż-żejt, biex miegħu jieħdu sehem fil-festa tal-grazzja fl-art, u tal-glorja fis-sema. Fosthom, illum tiddi quddiem ħarsitna il-kbira u għażiża Santa Katerina  ta’ Siena, fjura splendida tal-Italia, ġojjel l-iktar brillanti tal-Ordni Dumnikan, kewkba ta’ sbuħija impareġġjabbli fil-firmament tal-Knisja, li hawn qegħdin nonoraw fis-VI ċentinarju mill-mewt tagħha, li seħħet filgħodu tal-Ħadd, madwar it-tielet siegħa,, fid-29 ta’ April 1380, waqt li kienet qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pietru Martri, minnha tant maħbub.

Ferħan li nistà nagħti sinjal ewlieni tas-sehem ħaj tiegħi fiċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentinarju, insellem bil-qalb lilkom ilkoll ħuti rġiel u nisa, li biex tikkommemoraw b’mod dehen id-data glorjuża inġbartu f’din il-Bażilika Vatikana, fejn donnu jittajjar l-ispirtu mħeġġeġ tal-kbira Sieniża. Insellem b’mod partikolari lill-majjistru ġenerali tal-patrijiet predikaturi, Patri Vincenzo de Couesnongle, u lill-Arċisqof ta’ Siena, Monsinjur Mario Ismaele Castellano, promuturi ewlenin ta’ din iċ-ċelebrazzjoni; insellem lill-membri tat-terz-ordni Dumnikana u tal-assoċjazzjoni ekumenika tal-Katerinati, lill-parteċipanti fil-kungress internazzjonali tal-istudji Katerinjani, u lilkom ilkoll, għeżież Pellegrini, li terraqtu tant toroq tal-Italja u tal-Ewropa biex tingħaqdu f’dan iċ-ċentru tal-kattoliċità f’jum ta’ festa hekk sabiħ u sinifikattiv.

2.Illum ejjew inħarsu lejn Santa Katerina qabel kollox biex nammiraw fiha dak li minnufih kien jolqot lil dawk li kienu jersqu lejha: l-għana straordinarju ta’ umanità, minn xejn imċajpra, imma anzi miżjuda u pperfezzjonata mill-grazzja, li kważi kienet tagħmel xbiha ħajja ta’ dak l-“umaneżmu” nisrani, li l-liġi fundamentali tiegħu hija fformulata mill-konfratell u majjistru ta Katerina, San Tumas D’Aquino, bil-magħrufa aforiżma: “Il-grazzja ma trażżanx, imma timplika u tipperfezzjona n-natura” (S. Tumas, Summa Theologiae, I, q. 1, a. 8, ad 2). Il-bniedem ta’ dimensjonijiet sħaħ huwa dak li jattwa ruħu fil-grazzja ta’ Kristu.

Meta fil-ministeru tiegħi ninsisti fli niġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd dwar id-dinjità u l-valuri tal-bniedem, li llum jinħtieġ li jiddefendi, jirrispetta u jservi, huwa fuq kollox dwar din in-natura li jien nitkellem, li ħarġet minn idejn il-Ħallieq u ġġeddet fid-demm ta’ Kristu redentur: natura fiha nfisha tajba, u allura titfejjaq fil-mard tagħha u perfettibbli fid-doti tagħha, imsejħa biex tirċievi dik “l-iktar” li tirrendiha parteċipi tan-natura divina u tal-“ħajja eterna”. Meta dan l-element soprannaturali jimpjanta ruħu fil-bniedem u hemm ikun jistà jaġixxi bil-qawwa tiegħu kollha, ikollu l-miraklu tal-“krejatura l-ġdida”, li fl-elevazzjoni traxxendentali tagħha mhux tannulla, imma tirrendi aktar għani, aktar mimli, aktar b’saħħtu dak kollu li huwa iktar b’mod sinċier uman.

Hekk il-qaddisa tagħna, fin-natura tagħha ta’ mara iddotata b’mod wiesà bil-fantasija, bl-intuwitù, bis-sensibiltà, bil-forza ta’ rieda qawwija u operattiva, bil-ħila u bil-forza komunikattiva, ta’ disponibiltà għad-donazzjoni tagħha nfisha u għas-servizz tiġi ttrasfigurata, imma mhux imfaqqra, fid-dawl ta’ Kristu li jsejħilha biex tkun l-għarusa tiegħu u biex tidentifika ruħha mistikament miegħu fil-profondità tal-“għarfien intern”, bħalma wkoll biex timpenja ruħha fl-azzjoni karitattiva, soċjali u saħansitra politika, f’nofs il-kbar u ż-żgħar, l-għonja u l-foqra, l-għorrief ul-injoranti, u hi, kważi inalfabeta, issir kapaċi ġgib lilha nfisha tismà, u taqra, u  tasal li tkun ikkonsidrata minn prinċpijiet u prelati tal-Knisja, minn irħieb u tejoloġi, li minn bosta minnhom hija meqjuma saħansitra bħala “għalliema”  u “omm”.

Hija mara tal-għaġeb, li f’dik it-tieni parti tal-erbatax-il seklu turi fiha ta’ xiex hija kapaċi krejatura umana, u – ninsisti – mara, bint żebbiegħa tal-ħwejjeġ umli, meta tkun taf tismà l-leħen tal-uniku ragħaj u mgħallem, u tmantni ruħha fuq il-mejda tal-Għarus divin, li lilu,  minn “verġni għaqlija”, b’mod ġeneruż ikkonsagrat ħajjitha.

Dan huwa kapulavur tal-grazzja rinnovatriċi u elevatriċi tal-krejatura sal-perfezzjoni tal-qdusija, li hija wkoll ir-rejalizzazzjoni sħiħa tal-valuri fundamentali tal-umanità.

3. Is-sigriet ta’ Katerina fit-tweġiba hekk doċli, fidila u fruttuża għas-sejħa tal-Għarus divin tagħha, wieħed jistà jiġborha mill-istess spjega u applikazzjoni tal-parabbola tal-“verġni għaqlin”, li hija hija ta’ spiss tagħmel fl-ittri tagħha lid-dixxipli tagħha. B’mod partikolari f’dik mibgħuta lil nepputija żagħżugħa li trid tkun “għarusa ta’ Kristu”, hija tiffissa sintesi żgħira ta’ ħajja spiritwali, li tiswa b’mod speċjali għal min jikkonsagra ruħu lil Alla fl-istat reliġjuż, imma hija ta’ orjentazzjoni u ta’ gwida għal kulħadd.

“Jekk trid tassew tkun għarusa ta’ Kristu – tikteb il-qaddisa – ikun aħjar li jkollok il-lampa, iż-żejt u d-dawl”.

“Taf x’irrid ngħid b’dan, binti?”.

U hawn hu s-simboliżmu tal-lampa: “Bil-lampa rrid ngħid il-qalb, li jeħtieġ tkun tixbaħ lil lampa. Inti taf sewwa li l-lampa tkun wiesgħa minn fuq, u minn taħt dejqa: u hekk hija magħmula qalbna, biex tfisser li jeħtieg li dejjem għandna rriduha wiesgħa minn fuq, permezz tal-ħsibijiet qaddisa, l-immaġinazzjonijiet qaddisa u t-talb kontinwu; bil-memorja dejjem immirata biex niftakru l-benefiċċji ta’ Alla u b’mod massimu il-benefiċċju tad-demm li minnu ġejna mixtrija mill-ġdid…”.

“Għidtlek ukoll li l-lampa hija dejqa minn taħt: hekk ukoll hija qalbna, biex tfisser li għandna nkunu dojoq lejn dawn l-affarijiet terreni, billi la nixtequhom u linqas inħobbuhom b’mod diżordinat, linqas ma nippretendu fi kwantitajiet maġġuri minn dak li Alla jrid jagħtina, imma għandna niżżuh ħajr dejjem, waqt li nammiraw b’liema ħlewwa huwa jipprovdilna, sabiex ma jkun jonqosna xejn…” (Lettera 23).

Fil-lampa jinħtiġilna ż-żejt. “Mhijiex biżżejjed il-lampa li kieku ma jkunx hemm iż-żejt fiha. U biż-żejt nifhmu dik il-virtù ċkejkna ħelwa tal-umiltà profonda… dawk il-ħames verġni boloh, waqt li ftaħru biss u b’mod vojt bl-integrità u l-verġinità tal-ġisem tilfu l-verġinità tar-ruħ,għaliex ma ġabux magħhom iż-żejt tal-umiltà…” (Ivi).

“Hemm bżonn fl-aħħarnett li l-lampa tkun mixgħula u hemm tħeġġeġ il-fjamma: inkella ma tkunx biżżejjed biex tippermettilna naraw. Din il-fjamma hija d-dawl tal-fidi mqaddsa. Qiegħda ngħid il-fidi ħajja, għaliex jgħidu l-qaddisin li l-fidi mingħajr l-opri hija mejta…” (Ivi; cf. Lettere 79, 360).

F’ħajjitha, Katerina b’mod effettiv żammet ħajja bl-umiltà l-kbira l-lampa ta’ qalbha, li żammet jixgħel id-dawl tal-fidi, in-nar tal-karità, iż-żelu tal-opri t-tajba mwettqa għall-imħabba ta’ Alla, ukoll fis-sigħat tat-tribulazzjoni u tal-passjoni, meta ruħha laħqet l-ogħla konformità ma’ Kristu Msallab, sakemm jum fost l-oħrajn il-Mulej iċċelebra magħha ż-żwieġ mistiku fiċ-ċella ċkejkna fejn kienet toqgħod, magħmula kollha splendenti minn dik il-preżenza divina (cf. Vita, nn. 114-115).

Jekk il-bnedmin tallum, u b’mod speċjali l-insara, jirnexxilhom jiskopru l-għeġubijiet li jistgħu jagħrfu u jgawdu fiċ-“ċella nterna”, u anzi fil-qalb ta’ Kristu! Allura, iva, l-bniedem jerġà jsib lilu nnifsu, ir-raġunijiet tad-dinjità tiegħu, is-sies ta’ kull valur tiegħu, l-għoli tal-vokazzjoni eterna tiegħu!

4. Imma l-ispiritwalità nisranija ma tintemmx f’ċirku ntimistiku, linqas ma jimbotta għal iżolament individwalistiku u egoċentriku. L-elevazzjoni tal-persuna sseħħ fis-sintonija tal-komunità. U Katerina, li għalkemm tgħasses għaliha dik iċ-ċella ta’ darha u ta’ qalbha, tgħix sa mis-snin ta’ żgħożitha f’komunjoni ma’ tant ulied oħra ta’ Alla, li fihom tħoss jivvibra l-misteru tal-Knisja: mal-patrijiet ta’ San Duminku, li magħhom tingħaqad fl-ispirtu ukoll meta l-qampiena ssejħilhom fil-kor, bil-lejl għall-matutin, mal-mantellati ta’ Siena, li fihom hija mdaħħla għall-eżeċizzju tal-opri tal-karità u l-prattika komuni tat-talb; mad-dixxipli tagħha, li kull ma jmur kienu jiżdiedu biex jikkostitwixxu madwarha ċenaklu  ta’ nsara mħeġġa, li jilqgħu l-eżortazzjonijiet tagħha għall-ħajja spiritwali u l-inċitamenti għat-tiġdid u għar-riforma li hija tindirizza lil kulħadd f’isem Kristu; u wieħed jistà jgħid bil-“ġisem mistiku tal-Knisja” kollu  (cf. Dialogo, can. 166), li bih u għalih Katerina titlob, tbati u fl-aħħar tmut.

Is-sensibilità kbira tagħha għall-problemi tal-Knisja ta’ żmienha b’dan il-mod jinbidel f’komunjoni mal-“Christus patiens” mal-“Ecclesia patiens”. Din il-komunjoni hija fl-oriġni tal-istess attività esterna, li f’ċertu waqt il-qaddisa hija mbuttata biex tiżvolġi l-ewwel bl-azzjoni karitattiva u bl-apostolat lajkali fil-belt tagħha, u fi żmien qasir fuq pjan iktar wiesà, bl-impenn fuq spettru soċjali, politiku, ekkleżjali.

Hu x’inhu Katerina torbot ma’ dak is-sors intern il-kuraġġ tal-azzjoni u dik it-tama ineżawribbli li ssostniha wkoll fis-sigħat l-iktar diffiċli, ukoll meta kollox jidher donnu mitluf, u jippermettilha li tinfluwixxi fuq l-oħrajn, ukoll fil-livelli l-iktar għolja ekkleżjastiċi, bil-qawwa tal-fidi tagħha u l-faxxinu ta’ persunitha kompletament offruta għall-kawża tal-Knisja.

F’laqgħa ta’ Kardinali fil-preżenza ta’ Urbanu VI, skont ir-rakkont tal-Beatu Raimondo, Katerina “wriet li l-Providenza divina hija dejjem preżenti,speċjalment meta l-Knisja tbati”; u dan għamlitu b’tant żelu li l-Papa, meta spiċċat, għajjat: “Minn xiex għandu x’jibżà l-Vigarju ta’ Ġesù Kristu, linqas jekk id-dinja kollha tqum kontrieh? Kristu huwa aqwa mid-dinja, u mhuwiex possibbli li jabbanduna l-Knisja tiegħu!” (Vita, n. 334).

5. Kien dak il-waqt gravi b’mod eċċezzjonali għall-Knisja u għas-Sedja Apostolika. Id-demonju tal-firda kien ippenetra fil-poplu nisrani. Kienu tqanqlu ma’ kullimkien diskussjonijiet u ġlied. F’Ruma nfisha kien hemm min kien qiegħed jikkonfoffa kontra l-Papa, mhux mingħajr ma jheddu bil-mewt. Il-poplu kien qiegħed jitqanqal.

Katerina li ma kinitx waqfet tinkuraġġixxi lir-rgħajja u l-fidili, ħasset iżda li kienet waslet i-siegħa ta’ offerta suprema tagħha nfisha, bħal vittma ta’ espijazzjoni u ta’ rikonċiljazzjoni flimkien ma’ Kristu. U għalhekk kienet titlob lill-Mulej: “Għall-unur ta’ ismek u għall-Knisja Qaddisa tiegħek, jiena se nixrob bil-qalb il-kalċi tal-passjoni u l-mewt, bħal ma dejjem xtaqt li nixrob; ta’ dan int xhud, minn mindu, bil-grazzja tiegħek, jiena bdejt inħobbok b’moħħi kollu u b’qalbi kollha” (Ivi, n. 346).

Minn dak il-waqt bdiet tiddeterjora b’mod rapidu. Kull filgħodu ta’ dak ir-Randan tal-1380, “kienet tmur fil-knisja ta’ San Pietru, prinċep tal-Appostli, fejn, kienet tismà l-quddiesa, kienet tibqà titlob għal ħin twil; ma kinitx terġà lura d-dar jekk mhux fis-siegħa tal-vespri”, għajjiena mejta, Il-jum ta’ wara, ma’ tbexbix il-jum, “waqt li kienet taqbad it-triq magħrufa bħala triq il-Papa (illum ta’ Santa Chiara), fejn kienet toqgħod, bejn il-Minerva u Campo dei Fiori, kienet tmur  tħaffef lejn San Pietru, billi tagħmel mixja li kienet tfarrak ukoll bniedem b’saħħtu” (Ivi, n. 348; cf. Lettera 373).

Imma lejn l-aħħar ta’ April ma rnexxilhiex tqum iktar. Allura ġabret madwar sodditha l-familja spiritwali tagħha. Fid-diskors twil tat-tluq, iddikkjarat lil dawk id-dixxipli tagħha: “Nitlaq lura l-ħajja, il-mewt u kollox f’idejn l-Għarus etern tiegħi… Jekk jogħġbu li jiena nmut, żommu sewwa f’moħħkom, uliedi għeżież, li jiena tajt ħajti għall-Knisja Qaddisa, u dan jiena nemmnu għal grazzja eċċezzjonali li tani l-Mulej” (Ivi, n. 363).

Ftit wara mietet. Ma kellhiex għajr tlieta u tletin sena: Żgħożija mill-isbaħ offruta lill-Mulej mill-“verġni għaqlija” li waslet għat-tmiem tal-istennija tagħha u tas-servizz tagħha.

Aħna ninsabu hawn miġbura, sitt mitt sena bogħod minn dik l-għodwa (Ivi, n. 348), biex nikkommemoraw dik il-mewt u fuq kollox biex niċċelebraw dik l-offertà suprema tal-ħajja għall-Knisja.

Għeżież ħuti rġiel u nisa, hija ħaġa konsolanti li intom ġejtu hawn hekk numerużi biex nigglorifikaw u ninvokaw il-qaddisa ta’ dan l-anniversarju ta’ ġid u risq tajjeb.

Hija ħaġa ġusta li l-umli Vigarju ta’ Kristu, l-istess bħall-predeċessuri tiegħi, nispirakom, inkun quddiemkom, u niggwidakom biex nikkonċedu qima ta’ tifħir u ta’ ringrazzjament lil dik li tant ħabbet l-Knisja, u tant ħadmet u batiet għall-għaqda tagħha u għat-tiġdid tagħha. U dan jiena għamiltu b’qalbi kollha.

Issa ippermettuli nagħtikom tifkira finali, li rrid li tkun messaġġ, eżortazzjoni, stedina ta’ tama, stimolu ta’ azzjoni: dan nieħdu mill-kliem li Katerina ndirizzat lid-dixxiplu tagħha Stefano Maconi u lil sħabha kollha tal-azzjoni u tal-passjoni għall-Knisja: “Jekk tkun dak li għandek tkun, tqiegħed in-nar fl-Italja kollha…” (Lettera 368); anzi, jiena nżid: fil-Knisja kollha, fid-dinja kollha. Ta’ dan in-“nar” għandha bżonn l-umanità ukoll illum, u anzi forsi iktar illum milli lbieraħ. Il-kelma u l-eżempju ta’ Katerina jqanqlu f’tant erwieħ ġenerużi x-xewqa li jkunu fjammi li jħeġġu u li, bħalha, jikkunsmaw ruħhom biex jagħtu lil ħuthom id-dawl tal-fidi u s-sħana tal-karità “li ma tonqos qatt” (1Kor 13,8).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb