IT-TNEJN WARA L-EPIFANIJA. Salmodija tat-Tnejn tat-II ġimgħa
a. Sejħa għat-Tifħir ‘l Alla …
IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA
V/. Mulej, iftaħli xufftejja.
R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Salm 94 (95)
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għax Alla kbir hu l-Mulej,
sultan kbir fuq l-allat kollha.
F’idejh huma qigħan l-art,
tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.’
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
UFFIĊĊJU TAL-QARI
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.
INNU
Ġew il-maġi jfittxu t-tfajjel;
kif sabuh, quddiemu nxtehtu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
ta’ l-inċens, id-deheb u l-mirra.
Int ilqagħhom bħala xhieda
ta’ setegħtek u saltnatek,
Tfajjel, li l-Missier għażillek
tliet karattri sa minn dejjem.
Ħu l-inċens, għax inti Alla:
għax Sultan, ħu d-deheb ta’ Saba:
iżda ilqa’ wkoll il-mirra;
Bniedem int, għad tara d-difna.
Betlem, kbira fost kemm f’Ġuda
hemm bliet kbar, int waħdek stħaqqlek
tilqa’ fik lill-mexxej tagħna,
‘l Alla w bniedem li salvana.
Il-Ħallieq b’testment ordnalu
jibda saltna mhix bħall-bqija,
saltna mħabbra mill-profeti,
kif sinjali wrew fl-imgħoddi:
Saltna li tkun tiġbor fiha
kull ma jimla l-ħolqien kollu,
is-smewwiet u l-art u l-ibħra,
l-univers minn tarf għall-ieħor.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma’ l-Ispirtu
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.
Salm 30 (31):1-17, 20-25
I
Fik, Mulej, jien nistkenn; *
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *
agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun blata tal-kenn għalija, *
fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.
Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *
f’ġieħ ismek mexxini u wennisni.
Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *
għax inti l-qawwa tiegħi.
F’idejk jien nerħi ruħi; *
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.
Int tobgħod ‘il min iqim allat fiergħa; *
imma jien fil-Mulej nittama.
Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek, †
int, li rajt l-hemm tiegħi, *
li għaraft id-diqa ta’ qalbi.
Ma tlaqtnix f’idejn l-għedewwa, *
imma qegħedtli fil-wisa’ riġlejja.
Glorja.
Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.
Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej.
II
Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm, †
infnew għajnejja minħabba d-dwejjaq, *
ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi.
Infniet ħajti bl-għali, *
u bl-ilfiq is-snin ta’ ħajti;
minħabba fil-hemm naqsitni saħħti, *
u tmermer għadmi kollu.
Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha, *
jien sirt ħaġa ta’ min ikasbarha;
Ħaġa ta’ twerwir għall-ġirien tiegħi, *
u ta’ biża’ għal min jafni.
Dawk li jarawni barra *
jaħarbu minni.
Intlift minn sensija bħal wieħed mejjet, *
sirt bħal ġarra mkissra.
Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi; *
biża’ minn kullimkien madwari.
Jiftiehmu bejniethom kontrija, *
jonsbuni biex jeħduli ħajti.
Imma jien fik nittama, Mulej; *
jien ngħidlek: “Alla tiegħi int!”
F’idejk hi xortija, †
eħlisni minn id l-għedewwa, *
minn id dawk li jeħduha kontrija.
Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek; *
fit-tjieba tiegħek eħlisni.
Glorja.
Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej.
Ant. 3: Imbierek il-Mulej li għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.
III
Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej, *
li inti rfajt għal min jibża’ minnek,
li int ħejjejt għal min jafda fik, *
quddiem il-bnedmin kollha!
Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom *
kontra t-tnassis tal-bnedmin;
fl-għarix tiegħek taħbihom *
kontra t-tqassis ta’ l-ilsna.
Imbierek il-Mulej li minn belt qawwija *
għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.
Jien għedt fil-fixla li kelli: *
“Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk.”
Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi *
meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek.
Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha. †
Lit-twajbin iħarishom il-Mulej, *
imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija.
Issaħħu u qawwu qalbkom, *
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.
Glorja.
Ant. 3: Imbierek il-Mulej li għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.
V/. Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu.
R/. Jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.
LEZZJONI 1
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija Iż. 61:1-11
L-Ispirtu tal-Mulej fuq il-qaddej tiegħu
L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs,
biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej,
u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna;
biex infarraġ lill-imnikktin,
biex inferraħ lil dawk li jibku f’Sijon,
nagħtihom kuruna flok irmied,
żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu,
l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.
Isejjħulhom “Ballut tas-sewwa,
imħawwla mill-Mulej għall-foħrija tiegħu.”
Mill-ġdid għad jibnu l-ħerbiet tal-qedem,
itellgħu t-tiġrif ta’ l-imgħoddi,
iġeddu l-bliet imġarrfa,
meqruda minn żmien twil.
Ikun hemm il-barranin li jirgħu l-imrieħel tagħkom,
ulied il-frustiera jaħdmulkom ir-raba’
u jeħdulkom ħsieb id-dwieli.
Lilkom isejjħulkom: ‘Il-Qassisin tal-Mulej’,
‘Qaddejja ta’ Alla tagħna’ isemmukom.
Tieklu l-ġid tal-ġnus, tissebbħu bil-glorja tagħhom.
Għaliex id-doppju kien l-għajb tagħhom;
mistħija u żebliħ kien sehemhom.
Għalhekk id-doppju jirtu f’arthom,
u jkollhom hena bla tmiem.
Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt,
u nobgħod il-ħell u l-qerq.
U jien bis-sewwa nħallashom,
u nagħmel magħhom patt għal dejjem.
Nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus,
u wliedhom qalb il-popli.
Kull min jarahom jagħrafhom
li huma nisel imbierek mill-Mulej.
Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarus imżejjen b’kuruna,
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
Bħalma l-art tnibbet l-inbiet,
bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja
u t-tifħir quddiem kollha kemm huma l-ġnus.
RESPONSORJU Iż 61:1; Ġw 8:42
R/. L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, * Bagħatni ndewwi l-qalb miksura, biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs.
V/. Jien ħriġt u ġejt mingħand Alla; għax jien ma ġejtx għax ridt jien, imma kien hu li bagħatni. * Bagħatni ndewwi l-qalb miksura, biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs.
LEZZJONI II
Qari mid-diskorsi ta’ l-isqof San Pietru Krisologu
Dak li twieled għalina ried li aħna nagħrfuh
Ġesù Kristu huwa Alla; fl-istess misteru ta’ l-inkarnazzjoni tiegħu għandna ħjiel sewwa ta’ din il-verità. U s-solennità ta’ llum ukoll tfisser u turi b’ħafna modi li Alla sar bniedem, biex aħna, dejjem imħabbta fid-dlamijiet ta’ l-injuranza, ma nitilfux minn quddiem għajnejna din il-verità li l-grazzja ta’ Alla weħidha wasslithielna u għarrfithielna.
Dak li ried jitwieled għalina ried ukoll li aħna nagħrfuh; għalhekk hu fissrilna l-misteru kbir tat-tjieba tiegħu b’mod li dan il-misteru ma jsirx għalina okkażjoni ta’ tfixkil kbir.
Illum il-maġi sabu jibki fil-maxtura lil dak li huma fittxew wara li ntebħu bih jiddi fil-kwiekeb. Illum il-maġi raw imfisqi quddiem għajnejhom lil dak li kienu ilhom iħossuh moħbi fix-xmux tas-sema.
Illum il-maġi, mitlufa bil-għaġeb, bdew jistaqsu lilhom infushom xinhu qatt dak li kienu qegħdin jilmħu: għax huma raw is-sema fl-art, l-art fis-sema, il-bniedem f’Alla, Alla fil-bniedem, u ‘l dak li d-dinja kollha ma tesgħux rawh fid-djuq ta’ ġisem ċkejken ta’ tarbija. Raw dan kollu, u emmnu bla tlaqliq; u l-fidi tagħhom stqarrewha permezz ta’ rigali mistiċi: bl-inċens għarfu lil Alla, bid-deheb lis-sultan, u bil-mirra għarfu lil dak li ġie biex imut bħala bniedem.
B’hekk il-pagani, li kienu l-aħħar, ġew l-ewwel, għax f’dan il-jum il-fidi sħiħa tal-maġi kkonsagrat il-kredulità tal-pagani.
Illum Kristu niżel fl-ilma tal-Ġordan biex inaddaf id-dinja mid-dnub; kien għalhekk li hu ġie, kif Ġwanni stess xehed u qal: Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Illum l-ilsir laqa’ lis-Sid, il-bniedem lil Alla, Ġwanni lil Kristu: U laqgħu biex jikseb il-maħfra mingħandu, mhux biex jagħtihielu hu.
Illum, kif jgħid il-Profeta, instema’ leħen il-Mulej fuq l-ibħra. Liema leħen? Dak li qal: Dan hu Ibni l-għażiż, li bih tgħaxxaqt.
Illum l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-ilma f’sura ta’ ħamiema, biex kif il-ħamiema ta’ Noè ħabbret tmiem id-dulluvju fuq id-dinja hekk issa nkunu nistgħu nħarsu lejha bħala sinjal li d-dinja ħelset mill-għarqa li biha kienet dejjem imhedda. Din il-ħamiema ma ġabitx magħha fergħa taż-żebbuġ kif għamlet l-oħra, imma sawwbet iż-żejt ifuħ tad-dilka mqaddsa fuq ras missierna l-ġdid biex hekk isseħħ il-kelma tal-Profeta li ħabbar u qal: Għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek, b’żejt ta’ ferħ iktar minn sħabek.
Illum Kristu beda juri s-sinjali qaddisa tiegħu meta biddel l-ilma fi nbid. Iżda l-ilma kien għad irid jinbidel fis-sagrament tad-demm, biex mill-kalċi ta’ ġismu Kristu jisqina xorb safi, skond ma qal il-Profeta: U l-kalċi tiegħi mfawwar!
RESPONSORJU
R/. Tlieta huma r-rigali għeżież li l-maġi offrew lill-Mulej, u t-tlieta jfissru misteru ta’ Alla: * Id-deheb jurina s-setgħa ta’ sultan, l-inċens ifakkarna fil-qassis il-kbir, u l-mirra tħabbrilna d-difna tal-Mulej.
V/. Il-maġi taw qima lis-Salvatur tagħna mimdud fil-maxtura, u mit-teżori tagħhom offrewlu doni mistiċi. * Id-deheb jurina s-setgħa tas-sultan, l-inċens ifakkarna fil-qassis il-kbir, u l-mirra tħabbrilna d-difna tal-Mulej.
Talba
Dawwal qlubna, Mulej, bid-dija tal-glorja tiegħek biex iseħħilna ngħaddu b’wiċċ il-ġid minn fost id-dlamijiet ta’ din id-dinja, u naslu għad-dawl ta’ dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Inbierku l-Mulej.
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Intom li qed tfittxu ‘l Kristu,
għollu ‘l fuq il-ħarsa tagħkom:
hemm taraw biċ-ċar sinjali
ta’ sebħ kbir li qatt ma jonqos.
Hemm hi l-kewkba, li d-dawl tagħha
jegħleb sa lix-xemx fil-qawwa;
hi qed tħabbar li fid-dinja
niżel Alla bħala bniedem.
Minn fejn tibda x-xemx il-ġirja,
tliet għorrief tal-Persja jfissru
x’inhi l-kewkba: fiha jilmħu
xhieda tas-sultan li wasal.
Min hu dan – jistaqsu w jgħidu –
dan li jordna sa lill-kwiekeb,
li quddiemu s-sema jibża’,
dwal u xemx qaddejja tiegħu?
Dan tassew xi ħadd bla bidu,
mingħajr tmiem, ta’ l-għaġeb, għoli,
li bla tarf il-kobor tiegħu,
li kien qabel l-art u s-sema.
Ġnus, dan huwa s-sultan tagħkom
u s-sultan tal-poplu Lhudi,
li għal dejjem kien imwiegħed
lil Abraham missierna w nislu.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Meta niġi u nara wiċċ Alla?
Salm 41 (42)
Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta’ l-ilma, *
hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi.
Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; *
meta niġi u nara wiċċ Alla?
Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, *
meta l-jum kollu kienu jgħiduli:
“Fejn hu Alla tiegħek?”
Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, *
kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ
sad-dar ta’ Alla,
fost l-għajat ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr, *
qalb folla ferħana.
Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *
u titħawwad ġewwa fija?
Ittama f’Alla, għax jien nibqa’ nfaħħru; *
hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!
Tintelaq ruħi ġo fija; †
għalhekk fik niftakar *
minn art il-Ġordan u mill-Ħermon
u mill-muntanja ta’ Misgħar.
Minn irdum għal irdum jidwu *
il-ħsejjes qawwija ta’ l-ilmijiet tiegħek;
il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek *
għaddew minn fuqi.
Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; *
jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.
Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: “Għaliex tlaqtni? *
Għax għandi ngħix imdejjaq
taħt it-tagħkis ta’ l-għadu?”
Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi, †
qishom qed ikissruli għadmi; *
meta jgħiduli l-ħin kollu: “Fejn hu Alla tiegħek?”
Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *
u titħawwad ġewwa fija?
Ittama f’Alla, għax jien nibqa’ nfaħħru; *
hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!
Glorja.
Ant. 1: Meta niġi u nara wiċċ Alla?
Ant. 2: Alla tal-ħlejjaq kollha, ħares lejna u ħenn għalina.
Kantiku Sir 36:1-5. 10-13
Ħenn għalina, Mulej, Alla tal-ħlejjaq kollha, †
u ħares lejna ; *
xerred il-biża’ tiegħek fuq il-ġnus kollha.
Erfa’ idek kontra l-ġnus barranin, *
ħalli jaraw il-qawwa tiegħek.
Uri lilna l-kobor tiegħek fihom, *
bħalma wrejt lilhom qdusitek fina.
Hekk huma jagħrfu, kif għarafna aħna, *
li ma hemmx, Mulej, Alla ieħor ħliefek.
Erġa agħmel il-mirakli u tenni għeġubijietek ; *
Sebbaħ lil idek u d-driegħ tal-lemin tiegħek.
Iġbor it-tribù kollha ta’ Ġakobb ; *
Roddilhom il-wirt li kellhom qabel.
Ħenn, Mulej, għall- poplu li jġib ismek, *
għal Iżrael, li int tqisu b’ibnek il-kbir.
Ikollok ħniena mill-belt qaddisa tiegħek, *
Ġerusalemm, il-post tal-mistrieħ tiegħek.
Imla ‘l Sijon bl-għana ta’ tifħirek, *
u s-santwarju tiegħek b’sebħek.
Glorja.
Ant. 2: Alla tal-ħlejjaq kollha, ħares lejna u ħenn għalina.
Ant. 3: Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema.
Salm 18 (19) A
Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla, *
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *
lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.
Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, *
mad-dinja kollha jixtered kliemhom.
Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †
u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *
ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,
minn tarf is-smewwiet hi toħroġ, †
sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *
xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.
Glorja.
Ant. 3: Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema.
LEZZJONI QASIRA Iż 9:5
Twildilna tifel, ingħatalna iben; is-saltna tkun fuq spallejh, u jsemmuh: Kunsillier ta’ l-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.
RESPONSORJU QASIR
R/. Quddiemu jinxteħtu * Is-slaten kollha ta’ l-art. Quddiemu.
V/. Il-ġnus kollha lilu jaqdu. * Is-slaten kollha ta’ l-art. Glorja. Quddiemu.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Il-maġi ġew f’Betlehem mill-lvant biex jaduraw lill-Mulej, fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali għeżież: deheb, bħala s-Sultan il-kbir; inċens, bħala Alla l-veru, u mirra, għad-difna tiegħu, hallelujah.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Il-maġi ġew f’Betlehem mill-lvant biex jaduraw lill-Mulej, fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali għeżież: deheb, bħala s-Sultan il-kbir; inċens, bħala Alla l-veru, u mirra, għad-difna tiegħu, hallelujah.
PREĊI
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, rat fi Kristu s-Salvatur mibgħut lilha minn Alla. Inħollu lsienna biex infaħħruh, u b’ferħ kbir ngħidulu:
Sebħ lilek, Kristu Sidna.
Feddej ta’ kulħadd, int ġejt u ġarraft il-ħajt li kien jifred lill-pagani mill-Lhud:
– eqred mid-dinja kull diskriminazzjoni li tbaxxi d-dinjità tal-bniedem.
Bl-inkarnazzjoni u t-twelid tiegħek int ġeddidt il-preżenza tiegħek fostna:
– agħtina d-dawl biex naraw li int preżenti b’ħafna modi fil-Knisja u fil-bnedmin.
Inti r-rivelazzjoni sħiħa ta’ Alla lill-bnedmin:
– għallimna nilqgħu l-kelma tiegħek b’fidi qawwija u bl-għemil.
Għimmanu-El, int b’għaġeb kbir ġeddidt kollox:
– agħtina l-grazzja li dan it-tiġdid ikun jidher fi qlubna, fi kliemna u f’għemilna.
Missierna
Talba
Dawwal qlubna, Mulej, bid-dija tal-glorja tiegħek biex iseħħilna ngħaddu b’wiċċ il-ġid minn fost id-dlamijiet ta’ din id-dinja, u naslu għad-dawl ta’ dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.
IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
INNU
B’qima kbira w tjieba sħiħa,
miġburin f’dis-siegħa mbierka,
nerfgħu talba mħeġġa ‘l Alla,
ħa nfaħħruh fil-qawwa tiegħu.
Biex jagħtina d-don li nkunu
tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu,
li bħalissa ntbagħat u tqassam
fuq l-appostli skond il-wegħda.
Bit-tqassim tad-doni tiegħu,
żejjen kollox bis-sbuħija
il-Missier, li ħejja s-saltna
tas-smewwiet għall-hena tagħna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
F’Nofsinhar
INNU
Nofs il-jum hu ħin wisq xieraq
biex, fil-ħeġġa ta’ mħabbitna,
quddiem Alla nressqu talbna,
b’radd il-ħajr u kull foħrija.
Għaliex din kienet is-siegħa
li, bis-sagrifiċċju veru
tal-Ħaruf bla tebgħa, ksibna
mis-salib is-salvazzjoni.
Lill-Mulej għalhekk nitolbu
biex jimliena b’dawl il-grazzja
tas-salib, li d-dija tiegħu
tfiet id-dawl tax-xemx b’qawwietha.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
Lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
INNU
F’din it-tielet talba mqaddsa
ta’ mal-jum, infaħħru ‘l Alla,
b’radd ta’ ħajr għal kull għajnuna
li fi mħabbtu llum bagħtilna.
Nadurawh, għax hu ta’ l-għaġeb
fil-misteru għoli tiegħu;
u, fid-dawl tal-maġisteru
ta’ San Pietru, lejh inħaffu.
F’rabta sħiħa ma’ l-appostli,
nitolbuhom jgħassu fuqna,
biex il-passi dgħajfa tagħna
jitqawwew bi Kristu Sidna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
Salm 118 (119):41-48
Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej, *
u s-salvazzjoni tiegħek skond il-wegħda tiegħek.
Mbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni, *
għax jiena nafda fil-kelma tiegħek.
Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa, *
għax jien fid-digrieti tiegħek nittama.
Inħares il-liġi tiegħek għal dejjem, *
u għal dejjem ta’ dejjem.
U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi, *
għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek.
U nitkellem fuq il-preċetti tiegħek *
quddiem is-slaten, u ma nistħix.
Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek, *
li jiena ħabbejt.
Nerfa’ jdejja lejn il-kmandamenti tiegħek, *
u naħseb fuq il-preċetti tiegħek.
Glorja.
Salm 39 (40):2-14, 17-18
I
Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej; *
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Minn bir waħxi tellagħni, *
minn qalb il-ħama u t-tajn;
fuq il-blat qegħedli riġlejja, *
u saħħaħli l-mixi tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida, *
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.
Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu, *
u jittamaw fil-Mulej.
Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu, *
u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.
Bla għadd l-għemejjel tiegħek, *
Mulej, Alla tiegħi;
ta’ l-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; *
ħadd ma jħabbatha miegħek!
Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; *
iżda huma ħafna biex insemmihom.
Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti; *
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija. *
Mbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej.
Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi *
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni; *
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.”
Glorja.
II
Xandart il-ġustizzja tiegħek f’ġemgħa kbira; †
xufftejja ma żammejthomx magħluqa. *
Mulej, dan inti tafu.
Ma ħbejtx f’qalbi l-ġustizzja tiegħek; *
il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;
ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek *
lill-ġemgħa kbira.
Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek; *
it-tjieba u l-fedeltà tiegħek
iħarsuni għal dejjem!
Għax għalquni minn kull naħa
ħsarat li ma jingħaddux; *
ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara;
huma aktar mix-xagħar ta’ rasi; *
għandi qalbi maqtugħa.
Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni; *
Mulej, fittex għinni.
Jithennew u jifirħu bik *
dawk kollha li jfittxuk;
jgħidu dejjem: “Kbir il-Mulej!” *
dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.
Imma jien, fqajjar u msejken, *
għandi ‘l Sidi jaħseb fija.
Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi; *
iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!
Glorja.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
LEZZJONI QASIRA Dewt 4:7
Ma hemmx ġens hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej Alla tagħna kull xħin insejjħulu.
V/. Deher fid-dinja.
R/. U għammar fost il-bnedmin.
F’Nofsinhar
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
LEZZJONI QASIRA Iż 12:5-6
Għannu lill-Mulej, għax għamel ħwejjeġ kbar ; ħa jkun dan magħruf minn-nies kollha ta’ l-art. Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon, għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael!
V/. Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus.
R/. U s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
LEZZJONI QASIRA Tob 14:8-9
Il-ġnus iħallu l-idoli tagħhom, u jiġu f’Ġerusalemm u jgħammru fiha; is-slaten kollha ta’ l-art jifirħu biha, u jaduraw lis-sultan ta’ Iżrael.
V/. Bierku, popli, lil Alla tagħna.
R/. Semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.
Talba
Dawwal qlubna, Mulej, bid-dija tal-glorja tiegħek biex iseħħilna ngħaddu b’wiċċ il-ġid minn fost id-dlamijiet ta’ din id-dinja, u naslu għad-dawl ta’ dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.
Inbierku l-Mulej
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
L-GĦASAR
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
X’tak, Erodi, għadu ħajjen?
Għax ġie Kristu qiegħed tibża’?
M’għandux bżonn saltniet tad-dinja
min ġie jagħti dik tas-sema!
Ġrew il-maġi wara l-kewkba,
fid-dawl tagħha d-Dawl ifittxu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
u jagħrfuh bħal Alla veru.
Il-Ħaruf tas-sema niżel
fl-ilma tal-Ġordan u qaddsu;
hu, li ma ttebbax bil-ħtija
b’ħasil ġdid naddafna minnha.
Xhieda ġdida ta’ setegħtu!
Ħammru l-ġarar kbar ta’ l-ilma,
li l-qaddejja, b’ordni tiegħu,
rawh mibdul fi nbid quddiemhom.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk.
Salm 44 (45)
I
Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †
ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *
lsieni pinna ta’ kittieb ħafif.
Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †
imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk; *
għalhekk bierkek Alla għal dejjem.
Tħażżem, qalbieni, b’sejfek fuq ġenbek; *
ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!
Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *
turik lemintek ħwejjeġ ta’ l-għaġeb!
Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †
taħtek jaqgħu l-popli; *
jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.
It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem; *
xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek!
Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *
għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,
b’żejt il-hena aktar minn sħabek.
Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,
kollha fwieħa lbiesek. *
Mill-palazzi ta’ l-avorju
jferrħek id-daqq tal-kordi.
Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *
f’lemintek is-sultana
mżejjna b’deheb ta’ Ofir.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Ant. 1: Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk.
Ant. 2: Ara l-Għarus! Oħorġu ilqgħuh!
II
Isma’, binti, ħares u agħti widen, *
insa ‘l ġensek u ‘l dar missierek.
Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *
u int, għax hu sidek, agħtih qima.
In-nies ta’ Tir bir-rigali jiġu, *
il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.
Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *
minsuġ bid-deheb ilbiesha.
Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *
it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.
Jittieħdu b’għajat ta’ ferħ u hena; *
jidħlu fil-palazz tas-sultan.
Flok missirijietek jilħqu wliedek; *
inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.
Infakkar ismek minn nisel għal nisel;
ifaħħruk il-popli għal dejjem ta’ dejjem!
Glorja lill-Missier……
Ant. 2: Ara l-Għarus! Oħorġu ilqgħuh!
Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.
Kantiku (Ef 1:3-10)
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *
li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali,
fis-smewwiet fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, †
sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba.
Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi †
permezz ta’ Ġesù Kristu; *
hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,
skond l-għana tal-grazzja tiegħu. *
li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:
hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;
jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.
Glorja lill-Missier…….
Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.
LEZZJONI QASIRA ara 2 Piet 1:3-4
Kristu, bis-setgħa tiegħu ta’ Alla, tana dak kollu li jenħtieġ għall-ħajja u t-tjieba, billi għarrafna lil dak li sejjħilna b’sebħ u ġieħ tiegħu; b’dawn tana l-ġid imwiegħed, ġid għażiż u tassew kbir, biex bis-saħħa tiegħu neħilsu mit-taħsir li hawn fid-dinja minħabba l-ġibdiet ħżiena, u hemm nissieħbu fin-natura ta’ Alla.
RESPONSORJU QASIR
R/. Bih jitbierku * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Bih.
V/. Ifaħħru l-kobor tiegħu l-popli kollha. * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Glorja. Bih.
Ant. tal-kantiku ta’ Marija:
Kif raw il-kewkba l-maġi mtlew b’ferħ kbir tassew; u, meta daħlu d-dar offrew lill-Mulej deheb, inċens u mirra.
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
– bħalma wiegħed lil missirijietna – *
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja.
Ant. tal-kantiku ta’ Marija:
Kif raw il-kewkba l-maġi mtlew b’ferħ kbir tassew; u, meta daħlu d-dar offrew lill-Mulej deheb, inċens u mirra.
PREĊI
Ikun imbierek Kristu l-Mulej, li biż-żjara tiegħu dawwal lil dawk li kienu jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt. B’tjieba mill-qalb nitolbuh u ngħidulu:
Kristu, ix-Xemx divina tagħna, urina d-dawl tiegħek.
Kristu Sidna, bil-miġja tiegħek int għamilt li jseħħ it-twelid tal-Ġisem tiegħek, li hu l-Knisja:
– agħmel li hija tinbena u tikber fl-imħabba.
Int b’idek tmexxi s-smewwiet u l-art:
– agħmel li l-popli kollha u l-mexxejja tagħhom jagħrfu s-setgħa tiegħek ta’ Sultan.
Int bl-inkarnazzjoni tiegħek ntgħamilt il-Qassis ta’ dejjem:
– agħmel li s-saċerdoti tagħna jkunu ministri tajba tal-fidwa tiegħek.
Int fil-ġuf ta’ Marija Verġni għaqqadt fi żwieġ mistiku dak li hu ta’ Alla ma’ dak li hu tal-bniedem:
– xerred il-barka tiegħek fuq ix-xebbiet ikkonsagrati lilek, l-Għarus tagħhom tas-sema.
Int ħadt in-natura tagħna, bnedmin li jmutu, u qridt il-mewt, li ma kinitx opra tiegħek:
– ibdel il-mewt ta’ ħutna l-mejtin fil-ħajja ta’ dejjem.
Missierna
Talba
Dawwal qlubna, Mulej, bid-dija tal-glorja tiegħek biex iseħħilna ngħaddu b’wiċċ il-ġid minn fost id-dlamijiet ta’ din id-dinja, u naslu għad-dawl ta’ dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.
TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM
IT-TNEJN
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.
Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ–
ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-
Quddiesa.
ATT PENITENZJALI
l.. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:
Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,
u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,
bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:
iħabbtu fuq sidirhom
ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.
Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,
lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,
u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R/. Amen.
Jew
II. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:
V. Ħenn għalina, Mulej
R. Għax dnibna kontra tiegħek.
V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.
R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.
Jew
III. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:
Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.
R. Kristu ħniena.
Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.
INNU
Kristu, dija w jum imsebbaħ,
bik tal-lejl titkeċċa d-dalma:
int tassew tad-dawl id-dija,
int xandȃr tad-dawl għall-hienja.
Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,
f’dan il-lejl li ġej ħarisna;
ikun fik il-mistrieħ tagħna,
‘tina ftit sigħat ta’ heda.
Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,
qalbna tibqa’ tishar miegħek;
midd, Mulej, il-leminija
bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.
Ejja, Salvatur setgħani,
qatta’ x-xbiek ta’ l-għadu tagħna,
wennes lill-qaddejja tiegħek,
li biex fdejthom xerridt demmek.
Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,
Sultan twajjeb, jintradd lilek,
lill-Missier u lill-Ispirtu
Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.
SALMODIJA
Barra Ż.GĦ.:
Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.
Ż.GĦ.:
Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Salm 85 (86)
Talba ta’ fqir fil-hemm
Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)
Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *
għaliex jiena msejken u fqajjar.
Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *
salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.
Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *
għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.
Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *
għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi.
Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *
kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.
Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *
isma’ l-leħen ta’ l-ilfiq tiegħi.
F’jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *
għax inti żgur tweġibni.
Ħadd m’hu bħalek fost l-allat, Mulej, *
u xejn bħall-għemil tiegħek.
Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *
u jsebbħu ismek, Sidi.
Għax kbir int, u għemejjel ta’ l-għaġeb tagħmel; *
int waħdek Alla!
Urini, Mulej, triqatek, †
biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *
agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża’ ta’ ismek.
B’qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *
u nsebbaħ ismek għal dejjem.
Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *
int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.
O Alla, nies kburin qamu għalija, †
ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *
huma nies li ma jagħtux kasek.
Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *
iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.
Ħares lejja u ħenn għalija, †
agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *
salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.
Urini sinjal ta’ tjubitek, †
ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *
għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.
Glorja.
Barra Z.GĦ.:
Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.
Z.GĦ:
Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10
Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu,li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.
RESPONSORJU QASIR
Barra żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.
F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:
Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.
Fi żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.
Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).
KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32
Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel
Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *
imur fis-sliem, skond kelmtek;
għaliex għajnejja raw *
is-salvazzjoni tiegħek,
li int Ħejjejt *
għall-popli kollha:
dawl biex idawwal il-ġnus, *
u glorja tal-poplu tiegħek Israel.
Glorja.
Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).
Talba
Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.
Wara t-talba tingħad il-barka:
Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.
R. Ammen.
Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda
mill-antifoni tal-Madonna.
Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,
int bieb illi jagħti għas-sema,
int kewkba tal-baħar, Marija!
Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,
għajnuna tal-poplu l-maħtur,
li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek
fis-siegħa li lqajt it-tislima
li tak Gabrijel, u bqajt xebba,
kif qabel, hekk wara t-tnissil.
Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.
jew
Is-sliem, o Sultana
tas-sema, Sidt l-anġli;
int l-għerq u l-bieb safi
mnejn ġie dawl id-dinja.
O Verġni glorjuża,
ta’ ġmiel u sbuħija,
is-sliem għalik! Itlob
lil Kristu għalina.
jew
Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;
ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.
Lilek ingħajjtu,
għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.
Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu
f’dan il-wied ta’ dmugħ.
Ejja, mela, avukata tagħna,
dawwar lejna
dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;
u wrina, wara dan it-turufnament,
lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.
O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.
jew
Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,
Omm qaddisa ta’ Alla:
la twarrabx minn quddiemek
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,
o Verġni glorjuża u mbierka.