IT-TLIETA WARA L-EPIFANIJA
a. Sejħa għat-Tifħir ‘l Alla …
Salmodija tat-Tlieta tat-II ġimgħa
IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA
V/. Mulej, iftaħli xufftejja.
R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Salm 94 (95)
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għax Alla kbir hu l-Mulej,
sultan kbir fuq l-allat kollha.
F’idejh huma qigħan l-art,
tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.’
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
UFFIĊĊJU TAL-QARI
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.
INNU
Ġew il-maġi jfittxu t-tfajjel;
kif sabuh, quddiemu nxtehtu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
ta’ l-inċens, id-deheb u l-mirra.
Int ilqagħhom bħala xhieda
ta’ setegħtek u saltnatek,
Tfajjel, li l-Missier għażillek
tliet karattri sa minn dejjem.
Ħu l-inċens, għax inti Alla:
għax Sultan, ħu d-deheb ta’ Saba:
iżda ilqa’ wkoll il-mirra;
Bniedem int, għad tara d-difna.
Betlem, kbira fost kemm f’Ġuda
hemm bliet kbar, int waħdek stħaqqlek
tilqa’ fik lill-mexxej tagħna,
‘l Alla w bniedem li salvana.
Il-Ħallieq b’testment ordnalu
jibda saltna mhix bħall-bqija,
saltna mħabbra mill-profeti,
kif sinjali wrew fl-imgħoddi:
Saltna li tkun tiġbor fiha
kull ma jimla l-ħolqien kollu,
is-smewwiet u l-art u l-ibħra,
l-univers minn tarf għall-ieħor.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma’ l-Ispirtu
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, u jagħmel hu.
Salm 36 (37)
I
La tagħdabx minħabba l-ħżiena, *
la tgħirx għal dawk li jagħmlu d-deni;
għax bħall-ħaxix malajr jidbielu, *
u bħan-nibbieta malajr jinxfu.
Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb; *
għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ;
qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, *
u jagħtik dak li tixtieq qalbek.
Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, *
afda fih, u jagħmel hu.
Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek, *
u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar.
Serraħ rasek fil-Mulej u ttama fih; *
tinkeddx minħabba f’min jirnexxi
u f’min jimxi bil-ħżunija.
Ħallik mill-korla u la tirrabjax; *
tinkedd xejn, għax deni jiswielek.
Għax il-ħżiena jitqaċċtu ‘l barra; *
min jittama fil-Mulej jikseb l-art.
Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; *
għad tħares fejn kien u ma ssibux.
Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, *
u bi sliem kotran jitgħaxxqu.
Glorja.
Ant. 1: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, u jagħmel hu.
Ant. 2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti.
II
Jonsob il-ħażin għall-bniedem ġust, *
u jgħażgħeż snienu kontra tiegħu.
Imma l-Mulej bil-ħażin jidħak, *
għax jara li wasal żmienu.
Jisiltu s-sejf il-ħżiena, *
u jmiddu l-ark tagħhom,
biex joqtlu l-imsejken u l-fqajjar, *
u joqtlu ‘l min jimxi sewwa.
Imma sejfhom jinfdilhom qalbhom, *
u l-ark tagħhom jitkisser.
Aħjar il-ftit li għandu l-ġust *
mill-ġid kotran tal-ħżiena.
Għax dirgħajn il-ħażin jitkissru, *
imma l-Mulej iżomm il-ġusti.
Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin, *
u wirthom jibqa’ għal dejjem.
Ma jitfixklux f’siegħa ħażina, *
u jixbgħu fi żmien il-ġuħ.
Imma l-ħżiena għad jintilfu; †
l-għedewwa tal-Mulej jintemmu bħal ġmiel ir-raba’, *
u jgħibu kif jgħib id-duħħan.
Jissellef il-ħażin u ma jroddx; *
imma l-ġust iħenn u jagħti.
Dawk li l-Mulej ibierek jiksbu l-art; *
imma dawk li hu jisħet jitqaċċtu ‘l barra.
Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem, *
iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu.
Jekk jaqa’, ma jmurx għal tulu fl-art, *
għax il-Mulej iżommlu idu.
Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, †
u qatt ma rajt il-ġust minsi, *
jew uliedu jittallbu ħobżhom.
Dejjem iħenn u jislef bil-qalb, *
u wliedu jgħixu bil-barka.
Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *
biex tibqa’ tgħammar għal dejjem.
Għax il-Mulej iħobb is-sewwa, *
u ma jitlaqx it-twajbin;
hu jħarishom għal dejjem, *
imma wlied il-ħżiena jeqridhom.
Il-ġusti jirtu l-art, *
u jgħammru fiha għal dejjem.
Glorja.
Ant. 2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti.
Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu.
III
Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf, *
u lsienu jgħid is-sewwa.
Il-liġi ta’ Alla tiegħu għal qalbu, *
ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.
Il-ħażin jgħasses għall-ġust, *
u jfittex li jneħħilu ħajtu.
Imma l-Mulej ma jitilqux f’idejh, *
ma jħallihx jaqa’ taħt il-ħaqq tiegħu.
Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, †
hu jerfgħek biex tikseb l-art; *
mbagħad tara l-ħżiena meqruda.
Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar, *
jinfirex qisu ċedru tal-Libanu.
Erġajt għaddejt, u ma rajtux; *
fittixtu, u ma sibtux.
Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem sewwa; *
għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.
Imma l-midinbin flimkien jinqerdu; *
ulied il-ħżiena jitqaċċtu ‘l barra.
Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej; *
hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.
Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena, *
isalvahom għax fih jistkennu.
Glorja.
Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu.
V/. Sebbaħ Ġerusalemm, il-Mulej.
R/. Li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.
LEZZJONI 1
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija Iż. 62:1-12
Il-fidwa fil-qrib
Minħabba f’Sijon ma nehdiex,
minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx.
Bħal dija għad tfeġġ il-ġustizzja tagħha,
bħal torċa għad taqbad is-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
B’isem ġdid għad isejjħulek,
isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej,
u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.
Ma jgħidulekx aktar: ‘Il-Mitluqa’,
lanqas lil artek ma jsejjħulha ‘L-Imħarbta’.
Lilek għad isejjħulek ‘Għaxqti fiha’,
u lil artek għad jgħidulha ‘Għarusa’;
għax l-għaxqa tal-Mulej fik, u artek għad titgħarras.
Bħalma għarus jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek il-bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.
Fuq swarek, Ġerusalemm, qegħidt l-għassiesa:
lejl u nhar qatt ma jisktu.
Intom li tfaħħru l-Mulej,
ma hemmx mistrieħ għalikom,
u lilu tħalluhx jistrieħ
sa ma jerġa’ jwaqqaf ‘il Ġerusalemm
u jagħmilha l-foħrija ta’ l-art.
Ħalef il-Mulej b’lemintu
u bid-driegħ qawwi tiegħu:
“Il-qamħ tiegħek ma nagħtihx aktar
bħala ikel lill-għedewwa tiegħek,
u l-barranin ma jixorbux l-inbid tiegħek,
li int tħabatt għalih,
imma l-qamħ jikluh dawk li jaħsduh
u jfaħħru lill-Mulej,
u dawk li jiġbru l-għeneb jixorbu l-inbid
fil-btieħi tat-Tempju tiegħi.”
Għaddu, għaddu mill-bibien,
wittu t-triq għall-poplu!
Rawwmu, rawwmu t-triq,
naddfuha mill-ġebel !
Għollu sinjal għall-popli!
Araw, il-Mulej isemma’ leħnu sa truf l-art:
“Għidu lil bint Sijon:
Arah, ġej is-salvatur tiegħek!
Arah bil-prezz f’idu u l-ħlas quddiemu.”
U jibdew isejjħulhom: ‘Poplu qaddis,
il-Mifdijin tal-Mulej’,
U lilek isejjħulek ‘L-Imfittxija’,
‘Il-Belt qatt mitluqa’.
RESPONSORJU Iż 62:2-3
R/. Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus, u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha; * B’isem ġdid għad isejjħulek, isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.
V/. Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej, u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek. * B’isem ġdid għad isejjħulek, isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.
LEZZJONI II
Qari minn-Diskors, li jingħad li hu tas-saċerdot San Ippolitu, fuq l-Epifanija Mqaddsa tal-Mulej
L-ilma u l-Ispirtu
Ġesù ġie għand Ġwanni u tgħammed minnu. Ħaġa ta’ l-għaġeb! Ix-xmara bla qies, li swieqi tagħha jferrħu l-belt ta’ Alla, riedet tinħasel bi ftit ilma! Dik l-għajn bla tarf li xejn ma jesagħha, li tagħti l-ħajja lill-bnedmin kollha, tgħattiet b’daqsxejn ta’ ilma li jispiċċa fix-xejn!
Dak li jinsab kullimkien, li qatt ma jwarrab minn imkien, dak li moħħ l-anġli ma jifhmux u l-għajn tal-bniedem ma tarahx, resaq biex jitgħammed għax hekk għoġbu. U s-smewwiet infetħu, u nstema’ leħen jgħid: Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi.
Il-maħbub inissel l-imħabba, u d-dawl spiritwali jġib id-dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh. Dan, li kien magħruf bħala bin Ġużeppi, hu l-Iben il-waħdieni tal-Missier fin-natura ta’ Alla.
Dan hu Ibni l-għażiż: bil-ġuħ, u jitma’ l-eluf; imħabbat, u jserraħ lill-imħabbtin; ma għandux fejn iserraħ rasu, u kollox jinsab f’idejh; ibati, u jtaffi t-tbatija ta’ l-oħrajn; jaqla’ bil-ħarta fuq wiċċu, u jagħti l-ħelsien lid-dinja; ġenbu miġruħ, u jfejjaq ġenb Adam.
Nitlobkom tisimgħuni bid-dehwa kollha, għax irridkom tersqu lejn l-għajn tal-ħajja, tħarsu lejn l-għajn li minnha jnixxi l-fejqan tagħna.
Il-Missier ta’ dejjem bagħat fid-dinja l-Verb Ibnu ta’ dejjem, li ġie fostna, tana ħasil bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu, nissilna mill-ġdid biex ikollna ruħ u ġisem li ma jitħassarx, nefaħ fina n-nifs tal-ħajja, u libbisna l-armatura tal-ħajja ta’ dejjem.
Mela ladarba l-bnedmin kisbu l-immortalità, issa se jkunu wkoll allat. U ladarba bit-tnissil ġdid u l-ħasil bl-ilma u bl-Ispirtu s-Santu jsiru allat, żgur ukoll li wara l-qawmien mill-imwiet ikunu werrieta flimkien ma’ Kristu.
Mela rrid inxandar u ngħid: Ejjew, familji kollha tal-popli, ejjew għall-magħmudija biex ikollkom il-ħajja ta’ dejjem. Dan hu l-ilma li, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu fih, isaqqi l-ġenna, jagħni l-art, ikabbar ix-xtieli, u jnissel ħlejjaq ħajjin; fi ftit kliem, dan hu ilma li bih il-bniedem jitnissel b’ħajja ġdida, l-ilma li bih tgħammed Kristu u li fuqu niżel l-Ispirtu s-Santu f’sura ta’ ħamiema.
Il-bniedem li jemmen u jieħu dan il-ħasil biex jitnissel mill-ġdid iwarrab mix-xitan u jingħaqad ma’ Kristu, jiċħad lill-għadu u jistqarr li Kristu hu Alla, jeħles mill-jasar u jsir iben adottiv, mill-ilma tal-magħmudija joħroġ jiddi daqs ix-xemx u jxerred madwaru d-dawl tal-ġustizzja, u, l-aqwa ħaġa, isir iben ta’ Alla u werriet ma’ Kristu, li lilu, flimkien ma’ l-Ispirtu qaddis u tajjeb tiegħu li jagħti l-ħajja, jintradd kull sebħ u qawwa, issa u dejjem, u għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
RESPONSORJU Ġw 1:32. 34. 33
R/. Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu; * Dan rajtu b’għajnejja u xhedt: Dan hu l-Iben ta’ Alla.
V/. Dak li bagħatni ngħammed bl-ilma qalli: Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu. * Dan rajtu b’għajnejja u xhedt : Dan hu l-Iben ta’ Alla.
TALBA
O Alla, Ibnek il-waħdieni deher fostna fin-natura tagħna l-bnedmin, u aħna, bl-għajnejn tal-ġisem, għarafnieh bħala bniedem bħalna: agħmel li jkun jistħoqqilna niġġeddu wkoll fir-ruħ tagħna bih, Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Inbierku l-Mulej.
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Intom li qed tfittxu ‘l Kristu,
għollu ‘l fuq il-ħarsa tagħkom:
hemm taraw biċ-ċar sinjali
ta’ sebħ kbir li qatt ma jonqos.
Hemm hi l-kewkba, li d-dawl tagħha
jegħleb sa lix-xemx fil-qawwa;
hi qed tħabbar li fid-dinja
niżel Alla bħala bniedem.
Minn fejn tibda x-xemx il-ġirja,
tliet għorrief tal-Persja jfissru
x’inhi l-kewkba: fiha jilmħu
xhieda tas-sultan li wasal.
Min hu dan – jistaqsu w jgħidu –
dan li jordna sa lill-kwiekeb,
li quddiemu s-sema jibża’,
dwal u xemx qaddejja tiegħu?
Dan tassew xi ħadd bla bidu,
mingħajr tmiem, ta’ l-għaġeb, għoli,
li bla tarf il-kobor tiegħu,
li kien qabel l-art u s-sema.
Ġnus, dan huwa s-sultan tagħkom
u s-sultan tal-poplu Lhudi,
li għal dejjem kien imwiegħed
lil Abraham missierna w nislu.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Mulej, ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek.
Salm 42 (43)
Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej, †
u min-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi; *
min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.
Inti l-kenn tiegħi, o Alla; għaliex warrabtni? *
Għax għandi ngħix imdejjaq
taħt it-tagħkis ta’ l-għadu?
Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek; †
huma jmexxuni; *
iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek
u sa l-għerejjex tiegħek.
U nidħol ħdejn l-artal ta’ Alla, *
ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U nroddlok ħajr biċ-ċetra, *
Mulej, Alla tiegħi.
Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *
u titħawwad ġewwa fija?
Ittama f’Alla, għax jien nibqa’ nfaħħru; *
hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!
Glorja.
Ant. 1: Mulej, ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek.
Ant. 2: Salvana, Mulej, il-jiem kollha ta’ ħajjitna.
Kantiku Iż 38:10-14. 17-20
“Jien għedt: Sejjer, f’nofs il-medda ta’ ħajti; *
Nitqiegħed f’bibien l-imwiet għall-bqija ta’ snini!”
Jien għedt: “M’iniex se nara l-Mulej *
f’art il-ħajjin;
ma nara b’għajnejja ‘l ħadd iżjed *
minn fost dawk li jgħammru fid-dinja !”
Tneħħietli l-għamara tiegħi †
u ġiet mwarrba minni, *
bħal għarix ta’ ragħaj.
Kebbibtli ħajti, †
kif jagħmel nissieġ biex jaqta’ minn-newl. *
Lejl u nhar inti fnejtni.
Bqajt ngħajjat sa sbiħ il-jum : †
bħal iljun il-Mulej kissirli għadmi. *
Lejl u nhar inti fnejtni.
Bħal ħuttafa npespes, bħal ħamiema nokrob ; *
għajnejja mbikkija jħarsu ‘l fuq.
Int salvajtli ħajti mill-ħofra tal-qerda ; *
int xħett wara spallejk ħtijieti kollha.
Ma jfaħħrukx l-imwiet, *
anqas il-mewt ma ssebbħek.
Fil-fedeltà tiegħek ma jittamawx aktar *
dawk li jinżlu fil-qabar.
Min hu ħaj iroddlok ħajr bħali llum ; *
il-missier jgħarraf lil uliedu l-fedeltà tiegħek.
Salvana, Mulej, u aħna ndoqqu ċ-ċetri *
il-jiem kollha ta’ ħajjitna f’dar il-Mulej.
Glorja.
Ant. 2: Salvana, Mulej, il-jiem kollha ta’ ħajjitna.
Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.
Salm 64 (65)
Tifħir lilek jistħoqq, o Alla, f’Sijon; *
lilek inroddu l-wegħda, int, li tisma’ talbna.
Quddiemek jersaq kull bniedem, *
minħabba fi ħtijietu.
Kbar wisq għalina dnubietna; *
iżda inti taħfirhomlna.
Hieni l-bniedem li inti tagħżel *
u tqiegħdu jgħammar fit-tempju tiegħek.
Bil-ġid ta’ darek nixbgħu *
fit-tempju mqaddes tiegħek.
Ta’ l-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja tiegħek, *
o Alla tas-salvazzjoni tagħna.
Int tama ta’ min jgħix fi truf l-art *
u fi gżejjer fl-ibħra mbiegħda.
Int twaqqaf fis-sod il-muntanji b’qawwietek, *
Inti mħażżem bis-saħħa.
Inti ssikket l-għajat ta’ l-ibħra, †
u l-ħsejjes ta’ l-imwieġ tagħhom, *
u t-tixwix tal-popli.
U jibżgħu dawk li jgħammru fi truf l-art *
quddiem l-għeġubijiet tiegħek.
Iż-żerniq u għib il-jum *
inti timliehom bil-ferħ.
Inti żżur l-art u ssaqqiha, *
u tagħniha bil-ġid tiegħek.
Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma; *
il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.
Hekk int tħejjiha: †
issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,
bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.
Fawwart is-sena bi tjubitek, *
triqatek bil-ġid joqtru;
joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert, *
u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.
Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel, †
il-widien jinksew bil-qamħ; *
jgħajjtu lkoll u jgħannu bil-ferħ!
Glorja.
Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.
LEZZJONI QASIRA Iż 4:2-3
Dakinhar ir-rimja tal-Mulej tkun ġieħ u glorja, u l-frott ta’ l-art ikun kburija u żȋna tal-fdal ta’ Iżrael. U jiġri li min jibqa’ f’Sijon u min jitħalla f’Ġerusalemm qaddis jissejjaħ, kull min jitniżżel fil-ktieb tal-ħajja f’Ġerusalemm.
RESPONSORJU QASIR
R/. Quddiemu jinxteħtu * Is-slaten kollha ta’ l-art. Quddiemu.
V/. Il-ġnus kollha lilu jaqdu. * Is-slaten kollha ta’ l-art. Glorja. Quddiemu.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Id-deheb, l-inċens u l-mirra huma t-tliet rigali li l-maġi offrew lill-Mulej, lill-Iben ta’ Alla, lis-Sultan il-kbir, hallelujah.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Id-deheb, l-inċens u l-mirra huma t-tliet rigali li l-maġi offrew lill-Mulej, lill-Iben ta’ Alla, lis-Sultan il-kbir, hallelujah.
PREĊI
Infaħħru l-ħniena ta’ Kristu, li ġie biex jeħles lill-ħlejjaq mill-jasar tat-taħsir ħalli jiksbu l-ħelsien tas-sebħ ta’ wlied Alla. Mistreħin fuq din it-tjieba ta’ Alla, nitolbuh u ngħidulu:
F’ġieħ it-twelid tiegħek, Mulej, eħlisna mid-deni.
Mulej, Alla ta’ dejjem, int bdejt ħajja ġdida bħala bniedem:
– ġeddidna dejjem bil-misteru ta’ twelidek.
Int ma tlift xejn minn dak li hu tiegħek bħala Alla, u b’għaġeb kbir għaqqadt miegħek dak li hu tal-bniedem:
– agħmel li f’ħajjitna nħabirku biex niksbu sehem sħiħ fin-natura tiegħek ta’ Alla.
Int ġejt fostna u sirt id-dawl tal-ġnus u l-imgħallem tal-qdusija:
– agħmel li tkun musbieħ għal riġlejna l-kelma tiegħek.
Verb ta’ Alla, int ħadt il-ġisem fil-ġuf ta’ Marija Verġni u ġejt f’din id-dinja:
– għammar dejjem fi qlubna bis-saħħa tal-fidi.
Missierna
Talba
O Alla, Ibnek il-waħdieni deher fostna fin-natura tagħna l-bnedmin, u aħna, bl-għajnejn tal-ġisem, għarafnieh bħala bniedem bħalna: agħmel li jkun jistħoqqilna niġġeddu wkoll fir-ruħ tagħna bih, Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.
IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
INNU
B’qima kbira w tjieba sħiħa,
miġburin f’dis-siegħa mbierka,
nerfgħu talba mħeġġa ‘l Alla,
ħa nfaħħruh fil-qawwa tiegħu.
Biex jagħtina d-don li nkunu
tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu,
li bħalissa ntbagħat u tqassam
fuq l-appostli skond il-wegħda.
Bit-tqassim tad-doni tiegħu,
żejjen kollox bis-sbuħija
il-Missier, li ħejja s-saltna
tas-smewwiet għall-hena tagħna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
F’Nofsinhar
INNU
Nofs il-jum hu ħin wisq xieraq
biex, fil-ħeġġa ta’ mħabbitna,
quddiem Alla nressqu talbna,
b’radd il-ħajr u kull foħrija.
Għaliex din kienet is-siegħa
li, bis-sagrifiċċju veru
tal-Ħaruf bla tebgħa, ksibna
mis-salib is-salvazzjoni.
Lill-Mulej għalhekk nitolbu
biex jimliena b’dawl il-grazzja
tas-salib, li d-dija tiegħu
tfiet id-dawl tax-xemx b’qawwietha.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
Lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
INNU
F’din it-tielet talba mqaddsa
ta’ mal-jum, infaħħru ‘l Alla,
b’radd ta’ ħajr għal kull għajnuna
li fi mħabbtu llum bagħtilna.
Nadurawh, għax hu ta’ l-għaġeb
fil-misteru għoli tiegħu;
u, fid-dawl tal-maġisteru
ta’ San Pietru, lejh inħaffu.
F’rabta sħiħa ma’ l-appostli,
nitolbuhom jgħassu fuqna,
biex il-passi dgħajfa tagħna
jitqawwew bi Kristu Sidna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
Salm 118 (119):49-56
VII (Żajin)
Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek, *
li biha inti ttamajtni.
Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi: *
li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja.
Jiddieħku bija l-kburin għall-aħħar; *
imma jiena ma nitbegħidx mil-liġi tiegħek.
Niftakar fid-digrieti tiegħek ta’ dari; *
fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.
Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena *
li jitilqu l-liġi tiegħek.
L-għanja tiegħi l-kmandamenti tiegħek, *
f’dan il-post fejn jien barrani.
Billejl f’ismek niftakar, Mulej, *
u nħares il-liġi tiegħek.
Din hi l-barka li messet lili: *
li jiena nħares il-preċetti tiegħek.
Glorja.
Salm 52 (53)
Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!” *
Tħassru l-bnedmin,
għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom; *
m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.
Alla mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *
biex jara jekk hemmx min hu għaqli,
min ifittex lil Alla.
Lkoll intilfu, †
lkoll flimkien tħażżnu; *
ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.
Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *
dawk li qatt ma jsejjħu lil Alla?
li jaħtfu l-poplu tiegħi *
kif wieħed jaħtaf il-ħobż?
Biża’ kbir waqa’ fuqhom, *
bla ma kellhom għalfejn;
għax Alla kissrilhom għadamhom lil dawk li dawwruk; *
tħawwdu, għax Alla telaqhom.
Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta’ Iżrael? *
Meta jerġa’ jqajjem Alla l-poplu tiegħu,
jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.
Glorja.
Salm 53 (54):1-6. 8-9
B’ismek, o Alla, salvani; *
agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
Isma’, o Alla, it-talba tiegħi; *
agħti widen għal kliem fommi.
Għax nies barranin qamu kontrija, †
nies kefrin jonsbuli ħajti; *
ma jżommux ‘l Alla quddiem għajnejhom.
Ara, Alla l-għajnuna tiegħi: *
il-Mulej hu dak li jżommni.
Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju; *
inrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb.
Għax minn kull hemm ħelisni l-Mulej; *
jitpaxxew għajnejja bl-għedewwa mirbuħa.
Glorja.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
LEZZJONI QASIRA Iż 45:13
Jiena qajjimtu biex iġib ir-rebħa, wittejtlu triqatu kollha; hu jibnili l-belt, u jifdi l-ilsiera tiegħi bla ma jħallas jew jagħti rigali għalihom, jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti.
V/. Deher fid-dinja.
R/. U għammar fost il-bnedmin.
F’Nofsinhar
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
LEZZJONI QASIRA Iż 48:20
Oħorġu minn Babel, aħarbu mill-Kaldin! Ħabbru u xandru dan b’għajat ta’ ferħ, wasslu l-aħbar sa truf l-art; għidu: Il-Mulej feda lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu.
V/. Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus.
R/. U s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
LEZZJONI QASIRA Iż 2:3b-5
Bdew ifittxuni dawk li ma staqsewx għalija, riedu jsibuni dawk li ma ġrewx warajja; u jien għedt: Hawn jien! Hawn jien! lill-poplu li ma sejjaħx ismi.
V/. Bierku, popli, lil Alla tagħna.
R/. Semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.
Talba
O Alla, Ibnek il-waħdieni deher fostna fin-natura tagħna l-bnedmin, u aħna, bl-għajnejn tal-ġisem, għarafnieh bħala bniedem bħalna: agħmel li jkun jistħoqqilna niġġeddu wkoll fir-ruħ tagħna bi Kristu Sidna. Ammen.
Inbierku l-Mulej
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
L-GĦASAR
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
X’tak, Erodi, għadu ħajjen?
Għax ġie Kristu qiegħed tibża’?
M’għandux bżonn saltniet tad-dinja
min ġie jagħti dik tas-sema!
Ġrew il-maġi wara l-kewkba,
fid-dawl tagħha d-Dawl ifittxu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
u jagħrfuh bħal Alla veru.
Il-Ħaruf tas-sema niżel
fl-ilma tal-Ġordan u qaddsu;
hu, li ma ttebbax bil-ħtija
b’ħasil ġdid naddafna minnha.
Xhieda ġdida ta’ setegħtu!
Ħammru l-ġarar kbar ta’ l-ilma,
li l-qaddejja, b’ordni tiegħu,
rawh mibdul fi nbid quddiemhom.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
Salm 48 (49)
I
Isimgħu dan, popli kollha; *
agħtu widen, intom ilkoll li tgħixu fid-dinja;
kemm iż-żgħar u l-kbar tal-poplu, *
kemm il-għonja u kemm il-fqar.
Fommi jitkellem l-għerf, *
u nxandar il-fehmiet ta’ qalbi.
Nagħti widen għal kliem l-għerf; *
se nfisser fuq iċ-ċetra l-kliem tqil tiegħi.
Għax għandi nibża’ mill-jiem ħżiena, *
meta jdur għalija l-ħażen ta’ dawk li jonsbuni?
F’ġidhom it-tama tagħhom; *
jiftaħru bil-kotra ta’ l-għana tagħhom.
Ħadd ma jista’ jifdi lilu nnifsu, *
jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.
Għoli wisq il-prezz ta’ ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed, *
biex wieħed jgħix għal dejjem
u qatt ma jara il-qabar.
Jara mqar l-għorrief imutu, †
l-iblah u l-belhieni lkoll jintemmu, *
u lil ta’ wrajhom iħallu ġidhom.
Qabarhom hu darhom għal dejjem, †
għamara tagħhom minn nisel għal nisel, *
għalkemm għamlu isem f’artijiethom.
Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, *
qisu bħall-bhejjem li jintemmu.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Ant. 1: Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema.
II
Din xortih min jittama fih innifsu; *
hekk jintemm min jitgħaxxaq bil-frugħa tiegħu.
Bħal nagħaġ lejn l-imwiet mexjin, *
l-mewt tkun ir-ragħaj tagħhom;
dritt lejn il-qabar jinżlu, *
jintemmu fl-imwiet bla ġieħ ta’ xejn.
Imma lili Alla jifdili ħajti, *
mis-setgħa ta’ l-imwiet żgur jaħtafni.
Tibżax meta xi ħadd jistagħna, *
meta joktor il-ġieħ ta’ daru.
Għax xejn ma jieħu f’mewtu, *
ġieħu ma jinżilx warajh.
Mqar jekk f’ħajtu jħoss ruħu hieni, *
u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;
imur ukoll mal-ġemgħa ta’ missirijietu, *
li qatt aktar ma jaraw id-dawl.
Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, *
qisu bħall-bhejjem li jintemmu.
Glorja lill-Missier……
Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema.
Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.
Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)
Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *
l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa,
għax int ħlaqt il-ħwejjeġ kollha; *
bir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.
Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *
u tikser is-siġilli tiegħu,
għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *
bnedmin minn kull tribù u lsien,
minn kull poplu u ġens,
u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *
li għad isaltnu fuq l-art.
Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †
l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *
l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir.”
Glorja lill-Missier…….
Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.
LEZZJONI QASIRA Ef 2:3b-5
Aħna konna minna nfusna wlied il-korla, bħall-bqija tal-bnedmin. Imma Alla, għani fil-ħniena, bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira li biha ħabbna, meta konna mejta minħabba dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu.
RESPONSORJU QASIR
R/. Bih jitbierku * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Bih.
V/. Ifaħħru l-kobor tiegħu l-popli kollha. * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Glorja. Bih.
Ant. tal-kantiku ta’ Marija:
Int dhert fid-dinja, Kristu, dawl minn dawl; u l-maġi offrewlek ir-rigali tagħhom, hallelujah.
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
– bħalma wiegħed lil missirijietna – *
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja.
Ant. tal-kantiku ta’ Marija:
Int dhert fid-dinja, Kristu, dawl minn dawl; u l-maġi offrewlek ir-rigali tagħhom, hallelujah.
PREĊI
Magħqudin qalb waħda ma’ l-insara kollha fit-tifħir u t-talb, nitolbu lill- Mulej u ngħidulu:
Missier qaddis, isma’ t-talb ta’ wliedek.
Għin lil dawk li għalihom int Alla mhux magħruf, u qegħdin ifittxuk f’dellijiet u xbihat:
– qawwihom bid-dawl ta’ Kristu.
Ħares lil dawk li jadurawk bħala Alla wieħed u jistennewk imħallef fl-aħħar jum:
– agħtihom li jistqarru magħna t-tjieba tiegħek.
Ftakar f’dawk li lilhom int tajt il-ħajja u d-dawl u kollox:
– la tħallihomx jitbiegħdu minnek.
Ibgħat l-anġli tiegħek biex iħarsu lil dawk li huma fil-vjaġġ:
– eħlishom mill-mewt f’daqqa u ta’ bla ħsieb.
Ħenn għall-ħutna l-mejtin li lilhom f’din l-art għarraft il-verità tiegħek:
– wassalhom biex jitgħaxxqu bik wiċċ imbwiċċ fis-sebħ tal-kobor tiegħek fis-sema.
Missierna
Talba
O Alla, Ibnek il-waħdieni deher fostna fin-natura tagħna l-bnedmin, u aħna, bl-għajnejn tal-ġisem, għarafnieh bħala bniedem bħalna: agħmel li jkun jistħoqqilna niġġeddu wkoll fir-ruħ tagħna bih, Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.
TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM
IT-TLIETA
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.
Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ–
ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-
Quddiesa.
ATT PENITENZJALI
l.. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:
Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,
u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,
bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:
iħabbtu fuq sidirhom
ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.
Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,
lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,
u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R/. Amen.
Jew
II. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:
V. Ħenn għalina, Mulej
R. Għax dnibna kontra tiegħek.
V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.
R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.
Jew
III. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:
Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.
R. Kristu ħniena.
Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.
INNU
Kristu, dija w jum imsebbaħ,
bik tal-lejl titkeċċa d-dalma:
int tassew tad-dawl id-dija,
int xandȃr tad-dawl għall-hienja.
Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,
f’dan il-lejl li ġej ħarisna;
ikun fik il-mistrieħ tagħna,
‘tina ftit sigħat ta’ heda.
Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,
qalbna tibqa’ tishar miegħek;
midd, Mulej, il-leminija
bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.
Ejja, Salvatur setgħani,
qatta’ x-xbiek ta’ l-għadu tagħna,
wennes lill-qaddejja tiegħek,
li biex fdejthom xerridt demmek.
Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,
Sultan twajjeb, jintradd lilek,
lill-Missier u lill-Ispirtu
Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.
SALMODIJA
Barra Ż.GĦ.:
Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.
Ż.GĦ.:
Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Salm 142 (143): 1-11
Talba fid-dwejjaq
Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)
Mulej, isma’ t-talba tiegħi, †
agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;
weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.
Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *
għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.
Għax l-għadu għamel għalija, *
ma’ l-art tefagħni taħt riġlejh;
fid-dlam xeħetni ngħammar, *
bħal min imut għal dejjem.
Ruħi tinfena minn ġewwa, *
qalbi titniehed ġewwa fija.
Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †
naħseb f’kull ma int għamilt, *
għemil idejk dejjem fi ħsiebi.
Lejk immidd idejja, *
ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.
Fittex weġibni, Mulej! *
Ruħi tinsab bla saħħa.
La taħbix wiċċek minni, *
li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.
Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *
għax fik jien nittama.
Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *
għax lejk jien nerfa’ ruħi.
Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *
għax inti l-kenn tiegħi.
Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,
għax int Alla tiegħi. *
L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.
F’ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *
oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.
Glorja.
Barra Z.GĦ.:
Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.
Z.GĦ:
Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9
Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ‘il min se jibla’.Iqfulu, sħaħ fil-fidi.
RESPONSORJU QASIR
Barra żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.
F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:
Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.
Fi żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.
Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).
KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32
Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel
Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *
imur fis-sliem, skond kelmtek;
għaliex għajnejja raw *
is-salvazzjoni tiegħek,
li int ħejjejt *
għall-popli kollha:
dawl biex idawwal il-ġnus, *
u glorja tal-poplu tiegħek Israel.
Glorja.
Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).
Talba
Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.
Wara t-talba tingħad il-barka:
Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.
R. Ammen.
Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda
mill-antifoni tal-Madonna.
Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,
int bieb illi jagħti għas-sema,
int kewkba tal-baħar, Marija!
Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,
għajnuna tal-poplu l-maħtur,
li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek
fis-siegħa li lqajt it-tislima
li tak Gabrijel, u bqajt xebba,
kif qabel, hekk wara t-tnissil.
Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.
jew
Is-sliem, o Sultana
tas-sema, Sidt l-anġli;
int l-għerq u l-bieb safi
mnejn ġie dawl id-dinja.
O Verġni glorjuża,
ta’ ġmiel u sbuħija,
is-sliem għalik! Itlob
lil Kristu għalina.
jew
Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;
ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.
Lilek ingħajjtu,
għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.
Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu
f’dan il-wied ta’ dmugħ.
Ejja, mela, avukata tagħna,
dawwar lejna
dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;
u wrina, wara dan it-turufnament,
lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.
O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.
jew
Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,
Omm qaddisa ta’ Alla:
la twarrabx minn quddiemek
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,
o Verġni glorjuża u mbierka.