L-Erbgħa 6 ta’ Jannar 2020

Print Friendly, PDF & Email

LERBGĦA WARA LEPIFANIJA

Salmodija tal-Erbgħa tat-II ġimgħa

a. Sejħa għat-Tifħir ‘l Alla …

b. Uffiċċju tal-Qari …

c. Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum …

d. Talb ta’ Nofs il-Jum …

e. Għasar …

f. Talb ta’ Għeluq il-Jum …


IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

V/.  Mulej, iftaħli xufftejja.

R/.  U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Salm 94 (95)

Ant.  Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,

ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

Ant.  Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F’idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b’idejh saret.

Ant.  Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

Ant.  Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.

M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,

bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ant.  Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.’

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”

Ant.  Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

          U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant.  Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.

UFFIĊĊJU TAL-QARI

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

INNU

Ġew il-maġi jfittxu t-tfajjel;

kif sabuh, quddiemu nxtehtu,

biex joffrulu d-doni tagħhom

ta’ l-inċens, id-deheb u l-mirra. 

Int ilqagħhom bħala xhieda

ta’ setegħtek u saltnatek,

Tfajjel, li l-Missier għażillek

tliet karattri sa minn dejjem.

Ħu l-inċens, għax inti Alla:

għax Sultan, ħu d-deheb ta’ Saba:

iżda ilqa’ wkoll il-mirra;

Bniedem int, għad tara d-difna.

Betlem, kbira fost kemm f’Ġuda

hemm bliet kbar, int waħdek stħaqqlek

tilqa’ fik lill-mexxej tagħna,

‘l Alla w bniedem li salvana. 

Il-Ħallieq b’testment ordnalu

jibda saltna mhix bħall-bqija,

saltna mħabbra mill-profeti,

kif sinjali wrew fl-imgħoddi: 

Saltna li tkun tiġbor fiha

kull ma jimla l-ħolqien kollu,

is-smewwiet u l-art u l-ibħra,

l-univers minn tarf għall-ieħor.

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li lill-ġnus ridt turi ruħek;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1:  Aħna nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna.

Salm 38 (39)

I

Jien għedt: “Irrid nara kif nimxi, *

biex ma nagħmilx dnubiet bi lsieni;

inqiegħed fuq fommi sarima, *

sakemm idum il-ħażen quddiemi.”

Għalaqt ħalqi u bqajt sieket, †

żammejt il-kwiet, u xejn ma swieli; *

l-uġigħ tiegħi aktar ħraxli.

Tħeġġet qalbi ġewwa fija; *

għall-ħsieb biss, nar tkebbes fija.

Inħall imbagħad ilsieni, u jien għedt: *

“Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi,

u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi, *

ħa nkun naf kemm xejn ma niswa.

Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi, †

żmien ħajti qisu xejn quddiemek. *

Tassew, daqsxejn ta’ nifs kull bniedem.

Bħal dell jgħaddi l-bniedem, †

għalxejn joqgħod jitħabat, *

jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru.

  Glorja.

Ant. 1:   Aħna nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna.

Ant. 2:   Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għad-dmugħ tiegħi.

II

U issa, Mulej, jien x’nistenna? *

Fik biss hija t-tama tiegħi.

Eħlisni minn ħtijieti kollha, *

titlaqnix għaż-żebliħ ta’ l-iblah.

Niskot jien, ma niftaħx ħalqi, *

għax dan hu għemil tiegħek.

Warrab minni d-daqqiet tiegħek; *

mifni jien bis-swat ta’ idejk. 

B’kastig tal-ħażen int tgħakkes il-bniedem, †

bħal kamla tgħarraqlu ġmielu. *

Tassew, daqsxejn ta’ nifs kull bniedem.

Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, †

agħti widen għall-għajta tiegħi, *

tibqax trux għad-dmugħ tiegħi.

Għax jien m’hux ħlief mistieden għandek, *

barrani, bħal missirijieti kollha.

Warrab ħarstek minn fuqi, biex nieħu n-nifs, *

qabel ma nitlaq u nintemm għalkollox.”

  Glorja.

Ant. 2:   Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għad-dmugħ tiegħi.

Ant. 3:   Nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem.

Salm 51 (52)

Xi trid tiftaħar, bniedem b’saħħtek, *

bi ħżunitek kontra t-twajjeb?

Dejjem ħsiebek kif tagħmel id-deni, *

lsienek bħal xafra taqta’, ja qarrieq!

Tħobb il-ħażen aktar mit-tajjeb,

u l-gideb aktar mis-sewwa.

Tħobb kull xorta ta’ kliem ta’ ħsara, *

ilsien qarrieq!

Imma Alla jxejjnek għal dejjem, †

jaħtfek u jaqilgħek ‘il barra minn għamartek, *

jeqirdek minn art il-ħajjin.

Il-ġusti mbagħad iħarsu miblugħa, *

u jidħku bih u jgħidu:

 “Araw il-bniedem

li m’għamilx ‘l Alla fortizza tiegħu, *

     imma ttama fl-għana kbir tiegħu,

qiegħed f’ġidu l-qawwa tiegħu!”

Imma jien, bħal siġra taż-żebbuġ

li tħaddar fid-dar ta’ Alla, *

      nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem ta’ dejjem.

Infaħħrek għal dejjem għax dan int għamiltu; *

inxandar ismek quddiem ħbiebek, għax hu tajjeb. 

  Glorja.

Ant. 3: Nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem.   

V/.  Il-Mulej jgħallimna t-triqat tiegħu.

R/.  U nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.

LEZZJONI 1

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija                                                      Iż. 63:7-19

Il-ħniena ta’ Alla mal-poplu mitluq

Irrid infakkar il-grazzji tal-Mulej,

insemma’ għanja ta’ tifħir lill-Mulej,

għal dak kollu li għamel magħna,

u għax kbira kienet il-ħniena tiegħu ma’ Iżrael;

mexa magħna skond l-imħabba tiegħu,

skond it-tjieba kbira tiegħu.

Hu qal: “Iva, huma l-poplu tiegħi,

huma wliedi li ma jimxux b’wiċċ b’ieħor.”

U hu sar għalihom is-Salvatur

fid-dwejjaq kollha tagħhom.

Ma kienx xi messaġġier jew xi anġlu,

imma hu stess

salvahom

għall-imħabba u l-ħniena tiegħu.

Hu ħelishom,

refagħhom u  għolliehom dejjem fl-imgħoddi.

Iżda huma ħaduha kontra tiegħu

u nikktu l-ispirtu qaddis tiegħu,

u sar għadu għalihom

u tqabad kontra tagħhom.

U ftakru fil-jiem ta’ l-imgħoddi:

f’Mosè l-qaddej tiegħu.

Fejn hu dak li ħeles mill-baħar

ir-ragħaj tal-poplu tiegħu?

Fejn hu dak li qiegħed f’nofshom,

l-ispirtu qaddis tiegħu?

Li ma’ l-id il-leminija ta’ Mosè

kien imexxi d-driegħ imsebbaħ tiegħu?

Li feraq il-baħar quddiemhom

biex jagħmel għalih isem li jibqa’ għal dejjem?

Li mexxiehom qalb il-mewġ

bħal żiemel fid-deżert li ma jogħtorx?

Bħal annimal li nieżel fil-wied,

immexxi mill-ispirtu tal-Mulej,

hekk int mexxejt il-poplu tiegħek

biex tagħmel għalik isem glorjuż.

Ħares mis-sema u ara,

ħares mill-għamara mqaddsa u glorjuża tiegħek.

Fejn hi l-ħeġġa u l-qawwa tiegħek?

Fejn hi l-ħerqa u l-ħniena ta’ qalbek?

Tonqosx mill-ħniena tiegħek għalina,

għax int, Mulej, missierna;

Missierna Abraham ma jafniex,

Iżrael ma jagħrafniex.

Int, Mulej, missierna,

ismek il-Feddej tagħna sa minn dejjem.

Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn triqatek,

u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek?

Erġa’ lura, minħabba l-qaddejja tiegħek,

it-tribujiet li huma wirtek.

Għaliex rifsu l-ħżiena fis-santwarju tiegħek,

u l-għedewwa tagħna middew riġlejhom

fit-Tempju tiegħek?

Sirna bħal ġnus li int qatt ma ħkimt fuqhom,

li ismek ma jissejjaħx fuqhom. 

Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet

u tinżel minn hemm!

RESPONSORJU                                                               Iż 63:19; 59:11

R/.  Mulej sirna bħal ġnus li int qatt ma ħkimt fuqhom, li ismek ma jissejjaħx fuqhom. * Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!

V/.  Nistennew il-ħaqq u ma hemmx ħaqq għalina; nistennew l-għajnuna u hi ‘l bogħod minna. * Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!

LEZZJONI II

Qari mid-Diskorsi ta’ San Proklu, isqof ta’ Kostantinopli

It-tqaddis ta’ l-ilma

Kristu deher fostna meta d-dinja kienet imqallba, qiegħed kollox f’postu,        u mela kullimkien bil-ġmiel u l-hena. Hu ħa fuqu d-dnub u keċċa l-għadu tagħna; qaddes l-għajn ta’ l-ilma u dawwal l-erwieħ tal-bnedmin. Ma’ l-għeġubijiet ta’ l-imgħoddi żied oħrajn akbar.

Illum l-art u l-baħar qasmu bejniethom il-grazzja tas-Salvatur, u d-dinja kollha mtliet bil-ferħ. Il-festa ta’ llum turina għeġubijiet aqwa minn dawk li rajna fil-festa l-oħra ta’ qabilha.

Għax fil-festa tal-Milied l-art ferħet bil-Mulej mimdud fil-maxtura; imma f’din il-festa ta’ l-Epifanija l-baħar qabeż bil-ferħ u thenna, feraħ għax fix-xmara Ġordan ħa l-barka li qaddsitu.

Fil-Milied rajna tarbija għadha ċkejkna xhieda taċ-ċokon tagħna; imma l-festa ta’ llum turina r-raġel perfett, qisu dell ta’ dak il-perfett li ġej mill-perfett. Fil-Milied is-Sultan libes il-porpra tal-ġisem; illum l-għajn iddur dawramejt max-xmara u bħal tostorha b’libsa.

Isaw, mela, ħarsu lejn l-għeġubijiet ġodda li ma bħalhom: araw ix-xemx tal-ġustizzja tinħasel fil-Ġordan, in-nar jitgħatta bl-ilma. Alla jitqaddes permezz tal-bniedem.

Illum il-ħlejjaq kollha jinfexxu f’innu ta’ ferħ u jgħidu: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej. Imbierek dak li jiġi f’kull żmien, għax din ma kinitx l-ewwel darba li ġie.

U min hu dan? Tkellem int aktar ċar. David, raġel qaddis: Dan hu l-Mulej Alla, hu, id-dawl tagħna. Mhux il-profeta David biss jgħidu dan, imma l-appostlu Pawlu wkoll iżid ix-xhieda tiegħu u jgħid: Dehret il-grazzja ta’ Alla, li tagħti s-salvazzjoni lill-bnedmin kollha. Mhux  lil xi wħud; iżda lill-bnedmin kollha, għax ilkoll, sew Lhud sew Griegi, jistgħu jiksbu s-salvazzjoni bil-magħmudija, li toffri l-ġid tagħha lil kulħadd xorta waħda.

Araw, mela, dilluvju ġdid u ta’ l-għaġeb, ikbar u aqwa minn dak ta’ żmien Noè. Dak id-dilluvju qered il-ġens tal-bnedmin, imma dan hu l-ilma tal-magħmudija li qajjem il-mejtin għall-ħajja bil-qawwa ta’ dak li tgħammed. Il-ħamiema tad-dilluvju, bil-fergħa taż-żebbuġ f’munqarha, kienet sinjal tal-fwieħa ħelwa ta’ Kristu l-Mulej; imma l-Ispirtu s-Santu, li llum niżel f’sura ta’ ħamiema, jurina l-ħniena ta’ Alla.

RESPONSORJU                                                                        

R/.  Illum deher fostna d-dawl minn dawl, u Ġwanni għammdu fix-xmara Ġordan: * Aħna nemmnu li hu twieled minn Marija Verġni.

V/.  Is-smewwiet infetħu, u l-Missier semma’ leħnu biex jagħtih xhieda. * Aħna nemmnu li hu twieled minn Marija Verġni.  

TALBA

          O Alla, li tagħti d-dawl lill-ġnus kollha, rodd lill-popli tiegħek l-hena tas-sliem ta’ dejjem u xerred fi qlubna dak id-dawl sabiħ li bih imlejt lil missirijietna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Inbierku l-Mulej.

R/.  Inroddu ħajr lil Alla.

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Intom li qed tfittxu ‘l Kristu,

għollu ‘l fuq il-ħarsa tagħkom:

hemm taraw biċ-ċar sinjali

ta’ sebħ kbir li qatt ma jonqos. 

Hemm hi l-kewkba, li d-dawl tagħha

jegħleb sa lix-xemx fil-qawwa;

hi qed tħabbar li fid-dinja

niżel Alla bħala bniedem. 

Minn fejn tibda x-xemx il-ġirja,

tliet għorrief tal-Persja jfissru

x’inhi l-kewkba: fiha jilmħu

xhieda tas-sultan li wasal. 

Min hu dan – jistaqsu w jgħidu –

dan li jordna sa lill-kwiekeb,

li quddiemu s-sema jibża’,

dwal u xemx qaddejja tiegħu?

Dan tassew xi ħadd bla bidu,

mingħajr tmiem, ta’ l-għaġeb, għoli,

li bla tarf il-kobor tiegħu,

li kien qabel l-art u s-sema.  

Ġnus, dan huwa s-sultan tagħkom

u s-sultan tal-poplu Lhudi,

li għal dejjem kien imwiegħed

lil Abraham missierna w nislu.  

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li lill-ġnus ridt turi ruħek; 

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1:  Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?  

Salm 76 (77)

B’leħen qawwi ‘l Alla nsejjaħ, *

insejjaħ ‘l Alla biex jismagħni.

Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex; †

ma negħjiex billejl nerfa’ idi u nitlob; *

ma tridx taf b’faraġ qalbi.

Niftakar f’Alla u nitniehed; *

jien u naħseb, tinfena qalbi.

Inżomm miftuħa xfar għajnejja; *

jiena mħawwad u ma nistax nitkellem.

Naħseb fiż-żmien l-imgħoddi, *

niftakar fis-snin ta’ qabel;

billejl nitħaddet f’qalbi, *

naħseb u nixtarr ġewwa fija.

Tgħid għal dejjem se jwarrabna Sidna? *

M’hux se jibqa’ jurina mħabbtu?

Waqfet għal dejjem it-tjieba tiegħu? *

M’hux se jibqa’ jżomm kelmtu minn nisel għal ieħor?

Nesa Alla juri ħniena magħna? *

Jew ħeba ħnientu fl-għadab tiegħu?

Ikolli ngħid: “Dan hu l-għali tiegħi: *

li Alla l-Għoli biddel għemil lemintu.”

Mbagħad niftakar f’għemilek, Mulej; *

naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.

Naħseb f’kull ma int għamilt; *

nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.

Qaddisa triqtek, o Alla! *

Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

Int Alla li tagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb, *

li turi qawwietek fost il-popli.

Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek, *

l-ulied ta’ Ġakobb u ta’ Ġużeppi.

Rawk l-ilmijiet, o Alla, †

rawk l-ilmijiet u twerwru; *

u sa qiegħ il-baħar triegħed.

Mis-sħab niżlet ix-xita, u s-smewwiet triegħdu; *

leħħ ma’ kullimkien il-beraq tiegħek.

Il-ħsejjes tar-ragħad tiegħek waħda f’waħda, †

il-beraq dawwal id-dinja; *

triegħdet u theżhżet l-art.

Triqtek fuq il-baħar, †

fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek; *

u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.

Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek, *

b’id Mosè u Aron.

  Glorja.

Ant. 1:   Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?   

Ant. 2:   Qalbi tifraħ fil-Mulej, li jbaxxi u jgħolli.  

Kantiku           1 Sam 2:1-10

   Qalbi tifraħ fil-Mulej, *

         bis-saħħa tiegħu jintrefa’ ġieħi;

   jien niddieħak bl-għedewwa tiegħi, *

         għax fraħt bis-salvazzjoni tiegħek.

   Ħadd m’hu qaddis bħall-Mulej, †

         ma hemm ħadd ieħor ħliefek; *

         ma hemmx blata bħal Alla tagħna.

   Toqogħdux titkabbru iżjed bi kliemkom; *

         kliem kburi ma joħroġx iżjed minn fommkom.

    Għax il-Mulej hu Alla li kollox jagħraf, * 

         hu jqis l-għemejjel tal-bniedem.

    Il-qaws tal-qawwijin tkisser, * 

         u tħażżmu bil-ħila d-dgħajfin.

    Min kellu bix-xaba’ mar jaħdem għal ħobżu; *

         Imma l-imġewwaħ ma baqax jitħabat.

    Il-mara bla tfal wildet sebgħa, *

         u l-omm ta’ bosta wlied tilfet saħħitha.

    Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja, *

         Iniżżel f’art l-imwiet u jtella’ minnha.

 Il-Mulej ifaqqar u jagħni, *

        Ibaxxi u jgħolli wkoll.

 Iqajjem mit-trab lill-imsejken, *

        U jerfa’ lill-fqir mill-miżbla,

biex mal-kbarat iqegħedhom, *

        u jagħtihom post ta’ ġieħ.

Għax tal-Mulej huma l-kolonni ta’ l-art; *

        Fuqhom hu qiegħed id-dinja.

Huwa jħares il-mixi ta’ ħbiebu, †

        imma l-ħżiena fid-dlam jinqerdu; *

        għax m’hux b’ħiltu li l-bniedem jitqawwa.

Il-Mulej iwerwru lil min jeħodha miegħu, *

        u fuqu mis-sema jriegħed.

Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-art kollha, †

        Jagħti s-setgħa lis-sultan tiegħu, *

        jgħolli u jqawwi lill-midluk tiegħu

     Glorja.

Ant. 2:  Qalbi tifraħ fil-Mulej, li jbaxxi u jgħolli.    

Ant. 3:  Tifraħ l-art quddiem il-Mulej, is-Sultan!

Salm 96 (97)

Il-Mulej isaltan! †

Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, *

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru; *

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.

In-nar jimxi quddiemu, *

u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.

Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; *

tara dan l-art u titriegħed.

Bħax-xama’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej, *

quddiem is-Sid ta’ l-art kollha. 

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu; *

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli, †

li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom; *

u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.

Tisma’ dan u tifraħ Sijon, †

jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta’ Ġuda, *

minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.

Għax int, Mulej, inti l-Għoli, †

‘il fuq mill-art kollha, *

ogħla ħafna mill-allat.

Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen, †

iħares il-ħajja ta’ ħbiebu, *

jeħlishom minn idejn il-ħżiena.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust, *

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej, *

u faħħru l-isem qaddis tiegħu.

Glorja.

Ant. 3:   Tifraħ l-art quddiem il-Mulej, is-Sultan!

LEZZJONI QASIRA                                                                          Iż 49:8-9

Jien għamiltek patt mal-poplu, biex nerġa’ nqajjem l-art u nqassam il-wirt li kien tħarbat; biex ngħid lill-imjassrin: Oħorġu; u lil dawk li huma fid-dlam: Ejjew għad-dawl.

RESPONSORJU QASIR

R/.   Quddiemu  jinxteħtu * Is-slaten kollha ta’ l-art. Quddiemu.

V/.   Il-ġnus kollha lilu jaqdu. * Is-slaten kollha ta’ l-art. Glorja. Quddiemu.

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

    Rajna fil-lvant il-kewkba tal-Mulej, u ġejna nadurawh u nagħtuh ir-rigali tagħna.

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

    Rajna fil-lvant il-kewkba tal-Mulej, u ġejna nadurawh u nagħtuh ir-rigali tagħna.     

PREĊI 

Il-Verb ta’ dejjem, imnissel mill-Missier, fil-milja taż-żminijiet twildilna tifel u ngħatalna iben. Nuruh il-ferħ tagħna u ngħidulu:

Tkun imbierek, Mulej.

Iben ta’ Alla l-ħaj, li kont qabel ma saret id-dinja, inti nżilt fuq l-art biex issalva l-bnedmin:

– agħmel li nkunu xhieda tajba ta’ l-Evanġelju tiegħek.

Xemx tal-ġustizzja, int ħriġt tiddi minn ħdan il-Missier u dawwalt id-dinja kollha:

– wassal id-dawl tiegħek lil kull min qiegħed fid-dell tal-mewt.

Int sirt tarbija għalina, u meddewk f’maxtura:

– ġedded fina s-sempliċità tat-tfal ċkejknin.

Int sirt għalina l-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja ta’ dejjem:

– agħmel li s-sagrament ta’ l-altar tiegħek jimla ‘l qalbna bil-ferħ.

Missierna

Talba

O Alla, li tagħti d-dawl lill-ġnus kollha, rodd lill-popli tiegħek l-hena tas-sliem ta’ dejjem u xerred fi qlubna dak id-dawl sabiħ li bih imlejt lil missirijietna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

INNU

B’qima kbira w tjieba sħiħa,

miġburin f’dis-siegħa mbierka,

nerfgħu talba mħeġġa ‘l Alla,

ħa nfaħħruh fil-qawwa tiegħu.

Biex jagħtina d-don li nkunu

tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu,

li bħalissa ntbagħat u tqassam

fuq l-appostli skond il-wegħda.

Bit-tqassim tad-doni tiegħu,

żejjen kollox bis-sbuħija

il-Missier, li ħejja s-saltna

tas-smewwiet għall-hena tagħna.

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

Ant.  Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.

F’Nofsinhar

INNU

Nofs il-jum hu ħin wisq xieraq

biex, fil-ħeġġa ta’ mħabbitna,

quddiem Alla nressqu talbna,

b’radd il-ħajr u kull foħrija.

Għaliex din kienet is-siegħa

li, bis-sagrifiċċju veru

tal-Ħaruf bla tebgħa, ksibna

mis-salib is-salvazzjoni.

Lill-Mulej għalhekk nitolbu

biex jimliena b’dawl il-grazzja

tas-salib, li d-dija tiegħu

tfiet id-dawl tax-xemx b’qawwietha. 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

Lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

Ant.  Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

INNU

F’din it-tielet talba mqaddsa

ta’ mal-jum, infaħħru ‘l Alla,

b’radd ta’ ħajr għal kull għajnuna

li fi mħabbtu llum bagħtilna.

Nadurawh, għax hu ta’ l-għaġeb

fil-misteru għoli tiegħu;

u, fid-dawl tal-maġisteru

ta’ San Pietru, lejh inħaffu.

F’rabta sħiħa ma’ l-appostli,

nitolbuhom jgħassu fuqna,

biex il-passi dgħajfa tagħna

jitqawwew bi Kristu Sidna. 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

Ant.  Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.

Salm 118 (119):57-64

VIII (Ħet)

Jien għedt, Mulej: “Dan hu sehmi, *

li nħares il-kelma tiegħek.”

Quddiemek nitlob b’qalbi kollha; *

ħenn għalija skond il-wegħda tiegħek.

Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, *

u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

Ngħaġġel u ma nitnikkirx, *

biex inħares il-kmandamenti tiegħek.

Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni, *

imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

F’nofs il-lejl inqum infaħħrek *

minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.

Nissieħeb ma’ kull min għandu l-biża’ tiegħek, *

ma’ dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.

Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek; *

għallimni l-kmandamenti tiegħek. 

  Glorja.

Salm 54 (55):2-15. 17-24

I

Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, *

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

Ismagħni u weġibni, *

m’għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi!

Nirtogħod bil-biża’ għall-ħoss ta’ l-għedewwa, *

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsarat, *

fl-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

Qalbi tinfena ġewwa fija, *

biża’ tal-mewt waqa’ fuqi.

Biża’ u tregħid jiġu fuqi, *

u twerwir jaħkimni.

U ngħid: “M’hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, *

biex intir u mmur nistrieħ!

Kont ‘il bogħod immur niġġerra, *

u fid-deżert insib fejn noqgħod. 

Kont malajr insib fejn nistkenn *

mir-riħ qawwi u r-riefnu.”

Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, *

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, *

fiha m’hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

Il-ħerba tinsab ġo nofsha, *

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

  Glorja.

II

M’huwiex xi għadu dak li jċanfarni; *

li kien hekk,  kont nissaporti.

M’hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; *

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

Imma int, wieħed bħali, *

sieħbi u ħabib tal-qalb,

li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, *

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta’ Alla.

Imma jien lil Alla nsejjaħ, *

u l-Mulej isalvani.

Fil-għaxija, fil-għodu u f’nofsinhar †

nokrob u nitniehed; *

u hu jisma’ l-leħen tiegħi.

Jeħlisli ‘l ħajti fis-sliem †

mill-ġlieda li qajjmu kontrija, *

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

Alla jismagħni u jrażżanhom, *

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu, *

ma għandhomx il-biża’ ta’ Alla.

 Idu refa’ kontra ħbiebu, *

kiser il-ftehim tiegħu.

Aktar mill-butir hu ħelu fommu, *

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu, *

imma hu bħal sejf mislut.

Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, †

u hu jgħinek u jwieżnek; *

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

U int, o Alla, itfagħhom *

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq, †

ma jgħixux nofs ħajjithom! *

Imma jien fik nittama.

  Glorja.

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

Ant.  Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.

LEZZJONI QASIRA                                                                      1 Tim 1:15

Din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin.

  V/.  Deher fid-dinja.

  R/.  U għammar fost il-bnedmin.

F’Nofsinhar

Ant.  Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.

LEZZJONI QASIRA                                                                      Apok 21:23-24

Il-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar biex idawwluha, għax biex idawwalha għandha s-sebħ ta’ Alla, u l-musbieħ tagħha hu l-Ħaruf. Il-ġnus jimxu fid-dawl tagħha, u s-slaten ta’ l-art iġibulha t-teżori tagħhom.

  V/.  Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus.

  R/.  U s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

Ant.  Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.

LEZZJONI QASIRA                                                                          1 Ġw 1:5

Din hi l-aħbar li smajna mingħand Kristu, u li qegħdin inxandrulkom: li Alla hu dawl u li ma hemm fih ebda dlam.

  V/.  Bierku, popli, lil Alla tagħna.

  R/.  Semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.

Talba

O Alla, li tagħti d-dawl lill-ġnus kollha, rodd lill-popli tiegħek l-hena tas-sliem ta’ dejjem u xerred fi qlubna dak id-dawl sabiħ li bih imlejt lil missirijietna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Inbierku l-Mulej

R/.  Inroddu ħajr lil Alla.

L-GĦASAR

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

X’tak, Erodi, għadu ħajjen?

Għax ġie Kristu qiegħed tibża’?

M’għandux bżonn saltniet tad-dinja

min ġie jagħti dik tas-sema!

Ġrew il-maġi wara l-kewkba,

fid-dawl tagħha d-Dawl ifittxu,

biex joffrulu d-doni tagħhom

u jagħrfuh bħal Alla veru.   

Il-Ħaruf tas-sema niżel

fl-ilma tal-Ġordan u qaddsu;

hu, li ma ttebbax bil-ħtija

b’ħasil ġdid naddafna minnha.

Xhieda ġdida ta’ setegħtu!

Ħammru l-ġarar kbar ta’ l-ilma,

li l-qaddejja, b’ordni tiegħu,

rawh mibdul fi nbid quddiemhom. 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li lill-ġnus ridt turi ruħek;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1:   Nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tas-Salvatur tagħna.

Salm 61 (62)

F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi: *

mingħandu tiġini s-salvazzjoni.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, *

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

Kemm se ddumu teħduha kontra wieħed waħdu, †

biex taqilbuh ilkoll flimkien, *

bħal ċint qed jiġġarraf, bħal ħajt qed jaqa’?

Ħsiebhom biss biex iwaqqgħuh mill-għoli tiegħu; †

iħobbu  l-gideb; *

b’fommhom ibierku, imma f’qalbhom jisħtu.

F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi, *

għax mingħandu tiġini t-tama.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, *

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

F’Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi; *

hu l-blata qawwija tiegħi,  u l-kenn tiegħi f’Alla.

Ittama fih f’kull żmien, o poplu; †

iftħu qalbkom quddiemu. *

Alla hu kenn għalina!

Duħħan biss huma l-bnedmin, *

gidba huma wlied il-bniedem.

Fil-miżien ‘il fuq jogħlew, *

eħfef mid-duħħan ilkoll flimkien.

Isserrħux raskom bis-serq, *

tittamawx fi ħwejjeġ maħtufa;

mqar jekk joktor l-għana, *

torbtux qalbkom miegħu. 

Ħaġa waħda qal Alla; *

jien dawn it-tnejn tgħallimt:

li “l-qawwa hi ta’ Alla”, †

u li “tiegħek, Sidi, hi t-tjieba”. *

Għax int tagħti ‘l kulħadd skond għemilu.

  Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

          u lill-Ispirtu s-Santu.

  Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

          u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Ant. 1:  Nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tas-Salvatur tagħna.

Ant. 2:  Idawwar Alla għal fuqna d-dija ta’ wiċċu, u jberikna.

Salm 66 (67)

Iħenn għalina Alla, u jberikna; *

idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, *

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, †

għax trieġi l-popli bis-sewwa, *

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

L-art tat il-frott tagħha; *

iberikna Alla, Alla tagħna!

Iberikna Alla, u tibża’ minnu *

l-art kollha minn tarf għall-ieħor!

  Glorja lill-Missier……

Ant. 2:  Idawwar Alla għal fuqna d-dija ta’ wiċċu, u jberikna.  

Ant. 3:  Kollox bih kien maħluq, u kollox bih qiegħed iżomm.

Kantiku        ara Kol 1:12-20

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

  li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

  Glorja lill-Missier…….

Ant. 3:  Kollox bih kien maħluq, u kollox bih qiegħed iżomm.

LEZZJONI QASIRA                                                                  Kol 1:13-15

Alla ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet. Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha.

RESPONSORJU QASIR

R/.  Bih jitbierku * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Bih.

V/.  Ifaħħru l-kobor tiegħu l-popli kollha. * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Glorja. Bih.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Erodi staqsa lill-maġi: X’kien is-sinjal li wriekom li twieled is-Sultan? Rajna kewkba tiddi, li d-dawl tagħha jimla d-dinja.

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

– bħalma wiegħed lil missirijietna – *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Erodi staqsa lill-maġi: X’kien is-sinjal li wriekom li twieled is-Sultan? Rajna kewkba tiddi, li d-dawl tagħha jimla d-dinja.   

PREĊI

Ngħollu bit-tifħir lill-Verb ta’ Alla, għax hu ġie biex jarmi f’qiegħ il-baħar ħtijietna kollha. Qalbna qawwija b’din it-tama, nitolbuh u ngħidulu:

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

Qassis ta’ dejjem, int dħalt fid-dinja u għallimtna nagħtu lil Alla l-qima perfetta:

– permezz tal-Knisja tiegħek agħmel li kulħadd jieħu sehem f’din il-liturġija.

Tabib tar-ruħ u l-ġisem, int ġejt iżżurna fil-mard tagħna:

– fejjaq u saħħaħ il-morda kollha.

Int, fit-twelid tiegħek, sirt għajn ta’ ferħ għal kulħadd:

– għin lill-imsejkna u l-midinbin, ħa jsibu fik l-hena tagħhom.

Sultan qawwi, int kissirt il-ktajjen tal-jasar tad-dnub:

– eħles lil min hu mxekkel u aħseb f’dawk li qegħdin il-ħabs.

Bil-miġja tiegħek fostna int sirt il-bieb miftuħ tas-sema:

– daħħal fil-ġenna lil ħutna l-mejtin.

Missierna

Talba

O Alla, li tagħti d-dawl lill-ġnus kollha, rodd lill-popli tiegħek l-hena tas-sliem ta’ dejjem u xerred fi qlubna dak id-dawl sabiħ li bih imlejt lil missirijietna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, 

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, 

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. 

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, 

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha, 

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

INNU

Kristu, dija w jum imsebbaħ,

bik tal-lejl titkeċċa d-dalma:

int tassew tad-dawl id-dija,

int xandȃr tad-dawl għall-hienja. 

Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,

f’dan il-lejl li ġej ħarisna;

ikun fik il-mistrieħ tagħna,

‘tina ftit sigħat ta’ heda.  

Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,

qalbna tibqa’ tishar miegħek;

midd, Mulej, il-leminija

bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.

Ejja, Salvatur setgħani,

qatta’ x-xbiek ta’ l-għadu tagħna,

wennes lill-qaddejja tiegħek,

li biex fdejthom xerridt demmek.

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

SALMODIJA

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Salm 30 (31): 1-6

Talba ta’ mnikket, li jittama

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f’ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,

għax inti l-qawwa tiegħi.

F’idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

  Glorja.

Barra Z.GĦ.:

Ant.1:  Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2:  Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Salm 129 (130)

Minn qiegħ l-art insejjaħ

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

† isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek.

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f’kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

Barra Z.GĦ.:

Ant.2:  Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

LEZZJONI QASIRA                                                                        Ef 4:26-27

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.  

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

KANTIKU EVANĠELIKU                                                      Lq. 2,29-32

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

Glorja.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

Talba

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb. 

R. Ammen.

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda 

mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

jew

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

jew

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

%d bloggers like this: