IL-ĦAMIS WARA L-EPIFANIJA
Salmodija tal-Ħamis tat-II ġimgħa
a. Sejħa għat-Tifħir ‘l Alla …
IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA
V/. Mulej, iftaħli xufftejja.
R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Salm 94 (95)
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għax Alla kbir hu l-Mulej,
sultan kbir fuq l-allat kollha.
F’idejh huma qigħan l-art,
tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.’
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
UFFIĊĊJU TAL-QARI
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.
INNU
Ġew il-maġi jfittxu t-tfajjel;
kif sabuh, quddiemu nxtehtu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
ta’ l-inċens, id-deheb u l-mirra.
Int ilqagħhom bħala xhieda
ta’ setegħtek u saltnatek,
Tfajjel, li l-Missier għażillek
tliet karattri sa minn dejjem.
Ħu l-inċens, għax inti Alla:
għax Sultan, ħu d-deheb ta’ Saba:
iżda ilqa’ wkoll il-mirra;
Bniedem int, għad tara d-difna.
Betlem, kbira fost kemm f’Ġuda
hemm bliet kbar, int waħdek stħaqqlek
tilqa’ fik lill-mexxej tagħna,
‘l Alla w bniedem li salvana.
Il-Ħallieq b’testment ordnalu
jibda saltna mhix bħall-bqija,
saltna mħabbra mill-profeti,
kif sinjali wrew fl-imgħoddi:
Saltna li tkun tiġbor fiha
kull ma jimla l-ħolqien kollu,
is-smewwiet u l-art u l-ibħra,
l-univers minn tarf għall-ieħor.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma’ l-Ispirtu
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Int teħlisna, Mulej, u nfaħħru ismek għal dejjem.
Salm 43 (44)
I
O Alla, b’widnejna aħna smajna, *
qaluhulna missirijietna,
dak li int għamilt fi żmienhom, *
li għamilt b’idek fiż-żmien l-imgħoddi.
Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f’arthom; *
il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.
Ma kienx b’sejfhom li huma ħadu l-art, *
jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa;
kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek, *
u d-dija ta’ wiċċek, għax int ħabbejthom.
Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi, *
li tajt ir-rebħa lil Ġakobb.
Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna, *
f’ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.
Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda, *
anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.
Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna, *
u tfixkel ‘il dawk li jobogħduna.
F’Alla niftaħru l-ħin kollu; *
ismek infaħħru għal dejjem.
Glorja.
Ant. 1: Int teħlisna, Mulej, u nfaħħru ismek għal dejjem.
Ant. 2: Aħfrilna, Mulej, u tħallix lill-għadu jżeblaħ il-poplu ta’ wirtek.
II
Imma issa warrabtna u ċekkintna, *
ma għadekx toħroġ ma’ l-eżerċti tagħna.
Ġegħeltna nduru lura minn quddiem l-għadu; *
dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.
Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla, *
u fost il-ġnus xerridtna.
Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira; *
ma qlajtx wisq mill-bejgħ tiegħu.
Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna, *
għaċ-ċajt u t-tkasbir ta’ dawk ta’ madwarna.
Ġibtna fi lsien il-ġnus, *
u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.
L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu, *
il-mistħija tgħattili wiċċi,
għall-kliem ta’ żebliħ u tkasbir, *
Quddiem l-għadu li jitħallas minni.
Glorja.
Ant. 2: Aħfrilna, Mulej, u tħallix lill-għadu jżeblaħ il-poplu ta’ wirtek.
Ant. 3: Qum, Mulej, u eħlisna, f’ġieħ it-tjieba tiegħek.
III
Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx, *
għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.
Ma dorniex mill-fehma tagħna, *
anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.
Imma int sħaqtna f’art il-klieb selvaġġi, *
u b’dell il-mewt għattejtna.
Li kieku nsejna isem Alla tagħna, *
jew ftaħna idejna quddiem xi alla barrani,
ma kienx Alla b’dan jintebaħ, *
hu li jagħraf x’hemm moħbi fil-qalb?
Minħabba fik joqtluna l-jum kollu, *
jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.
Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi? *
Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.
Għaliex taħbi wiċċek minna? *
Għaliex tinsa d-dwejjaq u t-tagħkis tagħna?
Għax fit-trab ninsabu mitluqa, *
mixħuta ma’ l-art minn tulna.
Qum! Ejja biex tgħinna! *
Eħlisna, f’ġieħ it-tjieba tiegħek!
Glorja.
Ant. 3: Qum, Mulej, u eħlisna, f’ġieħ it-tjieba tiegħek.
V/. Bin Alla ġie u tana d-dawl.
R/. Biex nagħrfu lil Alla l-veru.
LEZZJONI 1
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija Iż. 63:19b; 64:1-11
Talba biex Alla jiġi jżurna
M’hux li kont iċċarrat is-smewwiet
u tinżel minn hemm,
U quddiemek il-muntanji jitheżhżu,
bħalma n-nar iqabbad il-ħatab,
bħalma n-nar jgħalli l-ilma;
biex tgħarraf ismek lill-għedewwa tiegħek,
u l-ġnus jitriegħdu quddiemek,
meta int tagħmel għeġubijiet
li ma konniex nistennew,
u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom!
U la widna qatt ma semgħet,
u la għajn ma rat Alla bħalek,
Alla li jħabrek għal min jittama fih.
Int tilqa’ bil-ferħ lil min jagħmel is-sewwa,
lil dawk li jiftakru fi triqatek.
Ara! Int kont mgħaddab għalina,
u aħna dnibna.
Domna fi dnubna, u kontra tiegħek qomna għal ħafna żmien.
Tniġġisna lkoll, u sirna bħal ċarruta maħmuġa;
bħal werqa lkoll dbilna,
u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.
Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek,
li jitħarrek biex iżomm miegħek.
Għax int ħbejt wiċċek minna,
u rħejtna f’idejn ħżunijietna.
U issa, Mulej, int missierna;
aħna t-tafal, u inti l-fuħħari;
aħna lkoll għemil idejk.
La tinkurlax iżżejjed, Mulej,
la tiftakarx fil-ħażen tagħna għal dejjem.
Ara, ħares, aħna lkoll il-poplu tiegħek:
il-bliet imqaddsa tiegħek mitluqa,
Sijon saret xagħra
u Ġerusalemm ħerba.
It-Tempju qaddis u glorjuż tiegħek
fejn missirijietna kienu jfaħħruk
maħruq bin-nar,
u kull ma kellna għażiż sar ħerba.
Quddiem dan kollu ma tiċċaqlaqx,
Mulej, se tibqa’ sieket u tgħakkisna sa l-aħħar?
RESPONSORJU ara Iż 56:1; Mik4:9; Iż 43:3
R/. Ġerusalemm, is-salvazzjoni tiegħek għoddha waslet: għalfejn dan il-biki kollu? Forsi l-kunsillier tiegħek għab biex qabduk dawn id-dwejjaq? * La tibżax, għad insalvak u neħilsek.
V/. Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael, il-feddej tiegħek. * La tibżax, għad insalvak u neħilsek.
LEZZJONI II
Qari mit-tifsir fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann, ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra
L-Ispirtu s-Santu jingħata lil kulħadd
Il-Ħallieq tad-dinja ddeċieda li jġedded kollox fi Kristu u jerġa’ jqiegħed il-ħolqien f’ordni mill-isbaħ; hu ried jerfa’ mill-ġdid lill-bniedem fl-istat naturali tal-bidu, u wiegħdu li, flimkien ma’ ġid ieħor, jagħtih ukoll l-Ispirtu s-Santu li mingħajru ma kienx jista’ jerġa’ jikseb għalkollox il-ġid mitluf u jibqa’ jżommu fis-sħiħ u fis-sliem.
Għalhekk Alla għażel iż-żmien li fih kellu jibgħat fuqna l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri ż-żmien tal-miġja ta’ Kristu, u tana kelmtu meta qal: F’dawk il-jiem, jiġifieri fi żmien is-Salvatur, jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.
Meta wasal iż-żmien ħa jxerred fuqna din il-kotra ta’ grazzji u ħelsien, huwa bagħat fostna fuq l-art lil Ibnu l-waħdieni bħala bniedem imwieled minn mara, kif tgħid l-Iskrittura Mqaddsa; mbagħad Alla l-Missier tana l-Ispirtu s-Santu, u l-ewwel wieħed li rċevieh kien Kristu stess, bħala l-ewwel eżempju tan-natura mġedda tagħna. Ġwanni l-Battista xehed għal din il-grazzja u qal: Rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema u joqgħod fuqu.
Meta ngħid li Kristu ħa l-Ispirtu s-Santu dan ifisser li hu rċevieh ta’ bniedem li kien u skond ma kien xieraq li jirċevih bħala bniedem; għax hekk ukoll wara li ġie fid-dinja ma rahiex ħaġa barra minn lokha jisma’ lil Alla Missieru jsejjaħlu u jgħidlu: Ibni int, jiena llum nissiltek, għalkemm hu minn dejjem Bin Alla l-Missier u mnissel mill-istess essenza tiegħu qabel ma sar bniedem, anzi qabel kull żmien.
Imma għad li Kristu hu Alla mnissel minn Alla qabel kull żmien, b’danakollu l-Missier qallu, Jiena llum nissiltek, biex bis-saħħa ta’ Ibnu l-waħdieni jagħmel lilna wliedu adottivi, ladarba fi Kristu bniedem huma rappreżentati l-bnedmin kollha; għalhekk jingħad li l-Ispirtu huwa tal-Missier u li dan tah lil Ibnu biex permezz tiegħu nkunu nistgħu nirċievu l-Ispirtu aħna wkoll. Kien minħabba f’hekk li Kristu ried jgħin lil ulied Abraham u sar jixbah lil ħutu f’kollox, kif tgħidilna l-Iskrittura.
Mela meta Kristu rċieva l-Ispirtu s-Santu, ma rċeviehx għalih innifsu, għax dan l-Ispirtu kien minn dejjem tiegħu, u lilna jingħatalna bi Kristu u fi Kristu, kif diga’ għedna; l-Iben ta’ Alla rċevieh għax fih innifsu ħa n-natura kollha tagħna u ried iġeddidha u jerġa’ jagħmilha sħiħa. Jiġifieri, biex nirraġunaw sewwa fuq dak li tgħidilna l-Iskrittura, għandna ngħidu li Kristu ħa l-Ispirtu s-Santu mhux għalih stess iżda rċevieh għalina fih innifsu; għax kull xorta ta’ ġid li jingħata lilna jingħatalna permezz ta’ Kristu.
RESPONSORJU Eżek 37:27-28; Lhud 8:8
R/. Jiena nkun Alla tagħhom u huma jkunu l-poplu tiegħi. * Mbagħad jagħrfu l-ġnus li jiena l-Mulej li nqaddes lil Iżrael, meta s-santwarju tiegħi jkun fosthom għal dejjem.
V/. Jiena nagħmel patt ġdid mad-dar ta’ Iżrael u mad-dar ta’ Ġuda. * Mbagħad jagħrfu l-ġnus li jiena l-Mulej li nqaddes lil Iżrael, meta s-santwarju tiegħi jkun fosthom għal dejjem.
TALBA
O Alla, permezz ta’ Ibnek, inti wrejt il-ġnus kollha d-dawl tiegħek ta’ dejjem: agħmel li aħna, il-poplu tiegħek, nagħrfu s-sebħ kollu tal-Feddej tagħna, u nagħrfuh dejjem iżjed sa ma narawh fid-dawl ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Inbierku l-Mulej.
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Intom li qed tfittxu ‘l Kristu,
għollu ‘l fuq il-ħarsa tagħkom:
hemm taraw biċ-ċar sinjali
ta’ sebħ kbir li qatt ma jonqos.
Hemm hi l-kewkba, li d-dawl tagħha
jegħleb sa lix-xemx fil-qawwa;
hi qed tħabbar li fid-dinja
niżel Alla bħala bniedem.
Minn fejn tibda x-xemx il-ġirja,
tliet għorrief tal-Persja jfissru
x’inhi l-kewkba: fiha jilmħu
xhieda tas-sultan li wasal.
Min hu dan – jistaqsu w jgħidu –
dan li jordna sa lill-kwiekeb,
li quddiemu s-sema jibża’,
dwal u xemx qaddejja tiegħu?
Dan tassew xi ħadd bla bidu,
mingħajr tmiem, ta’ l-għaġeb, għoli,
li bla tarf il-kobor tiegħu,
li kien qabel l-art u s-sema.
Ġnus, dan huwa s-sultan tagħkom
u s-sultan tal-poplu Lhudi,
li għal dejjem kien imwiegħed
lil Abraham missierna w nislu.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Qajjem il-qawwa tiegħek, Mulej, u ejja ħa ssalvana.
Salm 79 (80)
O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen, *
int li tmexxi bħal merħla ‘l Ġużeppi.
Int li qiegħed fuq il-kerubini, *
iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.
Qajjem il-qawwa tiegħek, *
u ejja ħa ssalvana.
Reġġagħna għal li konna, Alla ta’ l-eżerċti; *
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, kemm se ddum tinkorla *
minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?
Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ, *
sqejthom id-dmugħ bix-xaba’.
Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna, *
l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.
Reġġagħna għal li konna, Alla ta’ l-eżerċti; *
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
Int qlajt dielja mill-Eġittu, *
warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
Ħejjejt l-art għaliha; *
hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.
Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha, *
bħal ċedri l-kbar iż-żraġen tagħha.
Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,
sax-xmara ż-żraġen tagħha.
Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha, *
u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?
Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ, *
il-bhejjem tar-raba’ jirgħu fiha.
Erġa’ ejja, Alla ta’ l-eżerċti; †
ħares mis-sema, u ara,
u żur ‘il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek, *
ir-rimja li int kabbart għalik.
Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta’ wiċċek *
dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.
Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek, *
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek; *
roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.
Reġġagħna għal li konna, Alla ta’ l-eżerċti; *
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
Glorja.
Ant. 1: Qajjem il-qawwa tiegħek, Mulej, u ejja ħa ssalvana.
Ant. 2: Il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf minn-nies kollha ta’ l-art.
Kantiku Iż 12:1-6
Inroddlok ħajr, Mulej, għaliex għadabt għalija; *
imma l-korla tiegħek reġgħet lura, u int farraġtni.
Ara, Alla hu s-salvazzjoni tiegħi ; *
jiena nittama, u ma jkollix m’niex nibża’.
Għax il-qawwa u l-għana tiegħi hu l-Mulej, *
hu is-salvazzjoni tiegħi.
Kollkom ferħana, *
timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni.
U f’dak il-jum għad tgħidu: *
“Għannu lill-Mulej, sejjħu lil ismu,
għarrfu lill-ġnus l-għeġubijiet tiegħu, *
xandru li ismu huwa fil-għoli.
Għannu lill-Mulej, għax għamel ħwejjeġ kbar; *
ħa jkun dan magħruf minn-nies kollha ta’ l-art.
Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon, *
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael!”
Glorja.
Ant. 2: Il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf minn-nies kollha ta’ l-art.
Ant. 3: Għajjtu bil-ferħ lil Alla l-Qawwi ta’ Ġakobb.
Salm 80 (81)
Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna, *
għajjtu bil-ferħ lil Alla ta’ Ġakobb!
Għollu leħen ta’ l-għana, doqqu t-tnabar, *
doqqu ċ-ċetra ħelwa ma’ l-arpa.
Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid, *
mal-qamar mimli f’jum il-festa tagħna.
Għax dan hu kmandament għal Iżrael, *
din liġi ta’ Alla ta’ Ġakobb.
Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi, *
huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu.
Kliem li ma nafux qiegħed nisma’: †
“Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek, *
ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.
Fid-dwejjaq sejjaħtli, u jiena ħlistek; *
b’leħen moħbi, bħal f’ragħda, weġibtek;
ħdejn l-ilma ta’ Meribah ġarrabtek.
Ismagħni, poplu tiegħi, ħa nlumek: *
Iżrael, m’hux li kont tismagħni!
Ma jkollokx alla ieħor f’nofskom, *
tinxteħitx quddiem alla barrani.
Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, †
li tellajtek mill-art ta’ l-Eġittu; *
ftaħtlek ħalqek u tmajtek
.
Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni, *
Iżrael ma riedx jaf bija.
Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta’ qalbhom, *
biex imxew skond il-fehmiet tagħhom.
Jekk il-poplu tiegħi jisma’ minni, *
jekk Iżrael jimxi fi triqati,
minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom, *
idi ndawwar fuq dawk li huma kontriehom.
Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom; *
din tkun xortihom għal dejjem.
U lilhom nitmagħhom b’qamħ mill-aħjar, *
inxebbagħhom bl-għasel mill-blat.”
Glorja.
Ant. 3: Għajjtu bil-ferħ lil Alla l-Qawwi ta’ Ġakobb.
LEZZJONI QASIRA Iż 62:11-12
Għidu lil bint Sijon. Arah, ġej is-Salvatur tiegħek. Arah, bil-prezz f’idu u l-ħlas quddiemu. U jibdew isejjħulhom: Poplu qaddis, il-mifdijin tal-Mulej.
RESPONSORJU QASIR
R/. Quddiemu jinxteħtu * Is-slaten kollha ta’ l-art. Quddiemu.
V/. Il-ġnus kollha lilu jaqdu. * Is-slaten kollha ta’ l-art. Glorja. Quddiemu.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Il-ġnus kollha jiġu mill-bogħod, u jġibu r-rigali tagħhom, hallelujah.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Il-ġnus kollha jiġu mill-bogħod, u jġibu r-rigali tagħhom, hallelujah.
PREĊI
Infaħħru l-Mulej għaliex għamel magħna ħwejjeġ kbar u farraġna bit-twelid ta’ Ibnu. Mimlijin b’ferħ kbir, ngħollu leħinna u ngħidu:
Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet.
Ma’ l-anġli u l-patrijarki u l-profeti,
– aħna nfaħħruk, Mulej.
Mal-Verġni Omm Alla, Marija,
– ruħna tfaħħar il-kobor tiegħek, Mulej.
Ma’ l-appostli u l-evanġelisti,
– aħna nroddulek ħajr, Mulej.
Mal-qaddisin martri kollha ta’ Kristu,
– noffrulek ġisimna bħala vittma qaddisa, Mulej.
Mal-qaddisin kollha li tawk xhieda fil-Knisja,
– bil-qima kollha nikkonsagrawlek ħajjitna, Mulej.
Missierna
Talba
O Alla, permezz ta’ Ibnek, inti wrejt il-ġnus kollha d-dawl tiegħek ta’ dejjem: agħmel li aħna, il-poplu tiegħek, nagħrfu s-sebħ kollu tal-Feddej tagħna, u nagħrfuh dejjem iżjed sa ma narawh fid-dawl ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.
IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
INNU
B’qima kbira w tjieba sħiħa,
miġburin f’dis-siegħa mbierka,
nerfgħu talba mħeġġa ‘l Alla,
ħa nfaħħruh fil-qawwa tiegħu.
Biex jagħtina d-don li nkunu
tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu,
li bħalissa ntbagħat u tqassam
fuq l-appostli skond il-wegħda.
Bit-tqassim tad-doni tiegħu,
żejjen kollox bis-sbuħija
il-Missier, li ħejja s-saltna
tas-smewwiet għall-hena tagħna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
F’Nofsinhar
INNU
Nofs il-jum hu ħin wisq xieraq
biex, fil-ħeġġa ta’ mħabbitna,
quddiem Alla nressqu talbna,
b’radd il-ħajr u kull foħrija.
Għaliex din kienet is-siegħa
li, bis-sagrifiċċju veru
tal-Ħaruf bla tebgħa, ksibna
mis-salib is-salvazzjoni.
Lill-Mulej għalhekk nitolbu
biex jimliena b’dawl il-grazzja
tas-salib, li d-dija tiegħu
tfiet id-dawl tax-xemx b’qawwietha.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
Lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
INNU
F’din it-tielet talba mqaddsa
ta’ mal-jum, infaħħru ‘l Alla,
b’radd ta’ ħajr għal kull għajnuna
li fi mħabbtu llum bagħtilna.
Nadurawh, għax hu ta’ l-għaġeb
fil-misteru għoli tiegħu;
u, fid-dawl tal-maġisteru
ta’ San Pietru, lejh inħaffu.
F’rabta sħiħa ma’ l-appostli,
nitolbuhom jgħassu fuqna,
biex il-passi dgħajfa tagħna
jitqawwew bi Kristu Sidna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
Salm 118 (119):65-72
IX (Tet)
Ġid għamilt mal-qaddej tiegħek, *
Mulej, skond il-kelma tiegħek.
Fehma tajba u għerf għallimni, *
għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.
Qabel ma għakkistni, jien kont fl-iżball; *
imma issa nħares il-kelma tiegħek.
Twajjeb int, u l-ġid tagħmel; *
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
Jixluni l-kburin bil-gideb; *
imma jien b’qalbi kollha nħares il-preċetti tiegħek.
Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom; *
imma jien bil-liġi tiegħek nitgħaxxaq.
Swieli ta’ ġid li għakkistni, *
għax tgħallimt il-kmandamenti tiegħek.
Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok *
mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.
Glorja.
Salm 55 (56):2-7b. 9-14
Ħenn għalija, o Alla, †
għax qegħdin ikasbruni, *
il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.
Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi, *
għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi.
Fik, Alla l-Għoli, jien nittama, *
meta jkolli għaliex nibża’.
Bl-għajnuna ta’ Alla nfaħħar kelmtu; †
f’Alla nafda, m’għandix għax nibża’; *
x’jista’ jagħmilli l-bniedem?
Il-jum kollu jqassu u jgħidu fuqi, *
ħsiebhom biss kif jagħmluli l-ħsara.
Jinġemgħu flimkien u jistaħbew, *
jgħassu l-mixi tiegħi.
Int għoddejt kull ċaqliqa tiegħi; †
iġma’ fi flixkun id-dmugħ tiegħi. *
M’huwiex dan fil-ktieb tiegħek?
Mbagħad jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi,
meta jiena nsejjaħlek. *
Dan jien naf, li Alla hu miegħi.
Bl-għajnuna ta’ Alla nfaħħar kelmtu; *
bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu.
F’Alla nitma, m’għandix għax nibża’; *
x’jista’ jagħmilli l-bniedem?
O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek; *
għalhekk inroddlok sagrifiċċji ta’ tifħir.
Għax mill-mewt int ħlistli ‘l ħajti †
u ‘l riġli mill-waqgħa, *
biex nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin.
Glorja.
Salm 56 (57)
Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija, *
għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi;
għad-dell ta’ ġwenħajk nistkenn, *
sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi.
Insejjaħ lil Alla l-Għoli, *
lil Alla, li jieħu ħsiebi.
Jibgħat mis-sema u jsalvani; †
jitfa’ l-għajb fuq min jgħaffiġni; *
jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltà tiegħu.
Ninsab mimdud qalb l-iljuni, *
li jaħtfu lill-bnedmin;
snienhom lanez u vleġeġ, *
u lsienhom sejf misnun.
Ogħla ‘l fuq mis-smewwiet, o Alla! *
Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!
Xibka ħejjewli fil-mogħdija; *
għal ftit ma waqajtx fiha.
Ħofra ħaffruli quddiemi, *
iżda huma waqgħu fiha.
Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi; *
ħa ngħanni u ninseġ għanja:
“Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra! *
Ħa nqajjem sbiħ il-jum!”
Infaħħrek, Sidi, fost il-popli, *
ngħannilek fost il-ġnus;
għax m’ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, *
sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
Ogħla ‘l fuq mis-smewwiet, o Alla! *
Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!
Glorja.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
LEZZJONI QASIRA Iż 2:3-4
Minn Sijon toħroġ il-liġi, u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm. Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna popli; u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.
V/. Deher fid-dinja.
R/. U għammar fost il-bnedmin.
F’Nofsinhar
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
LEZZJONI QASIRA Iż 9:2
Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir, in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl kbir idda fuqhom.
V/. Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus.
R/. U s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
LEZZJONI QASIRA Iż 60:4-5
Ġerusalemm, uliedek ġejjin mill-bogħod u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn. Mbagħad tħares, u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid ta’ l-ibħra u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
V/. Bierku, popli, lil Alla tagħna.
R/. Semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.
Talba
O Alla, permezz ta’ Ibnek, inti wrejt lill-ġnus kollha d-dawl tiegħek ta’ dejjem: agħmel li aħna, il-poplu tiegħek, nagħrfu s-sebħ kollu tal-Feddej tagħna, u nagħrfuh dejjem iżjed sa ma narawh fid-dawl ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.
Inbierku l-Mulej
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
L-GĦASAR
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
X’tak, Erodi, għadu ħajjen?
Għax ġie Kristu qiegħed tibża’?
M’għandux bżonn saltniet tad-dinja
min ġie jagħti dik tas-sema!
Ġrew il-maġi wara l-kewkba,
fid-dawl tagħha d-Dawl ifittxu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
u jagħrfuh bħal Alla veru.
Il-Ħaruf tas-sema niżel
fl-ilma tal-Ġordan u qaddsu;
hu, li ma ttebbax bil-ħtija
b’ħasil ġdid naddafna minnha.
Xhieda ġdida ta’ setegħtu!
Ħammru l-ġarar kbar ta’ l-ilma,
li l-qaddejja, b’ordni tiegħu,
rawh mibdul fi nbid quddiemhom.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tasal.
Salm 71 (72)
I
O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, *
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, *
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.
Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu, *
tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.
Hu jħares id-dritt ta’ l-imsejknin tal-poplu, *
isalva l-fqajrin u jrażżan ‘il min jgħakkishom.
Ħa jdum kemm iddum ix-xemx; *
kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien.
Jinżel bħax-xita fuq ir-raba’ maħsud, *
bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja, *
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar, *
u mix-Xmara sa truf l-art.
Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu; *
dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.
Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali; *
is-slaten ta’ Xeba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha, *
il-ġnus kollha lilu jaqdu.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Ant. 1: Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tasal.
Ant. 2: Il-Mulej isalva l-fqajrin u jeħlishom mill-moħqrija.
II
Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, *
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; *
il-ħajja tal-fqajrin isalva.
Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; *
demmhom għażiż quddiem għajnejh.
Ħa jgħix is-sultan għal dejjem, *
jingħata lilu deheb ta’ Xeba!
Ħa jitolbu għalih dejjem, *
u jberkuh il-jum kollu!
Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, *
jogħla sal-qċaċet ta’ l-għoljiet.
Ikun il-frott tiegħu bħal-Libanu, *
iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-raba’.
Ismu jibqa’ jissemma għal dejjem; *
idum ismu sakemm iddum ix-xemx!
Bih jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art; *
il-popli kollha jsejjħulu hieni.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
li waħdu jagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb.
Imbierek għal dejjem l-isem imsebbaħ tiegħu; *
timtela l-art kollha bis-sebħ tiegħu! Amen! Amen!
Glorja lill-Missier……
Ant. 2: Il-Mulej isalva l-fqajrin u jeħlishom mill-moħqrija.
Ant. 3: Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.
Kantiku Apok 11:17-18 ; 12:10b-12a
Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista’ kollox, †
li int u li kont, *
talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.
Il-ġnus imtlew bil-korla, †
Imma ġiet il-korla tiegħek *
u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin
u jingħata l-ħlas mistħoqq, *
lill-qaddejja tiegħek il-profeti,
lill-qaddisin u ‘l dawk li jibżgħu minn ismek, *
kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.
Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa,
u s-Saltna ta’ Alla tagħna, *
u s-setgħa tal-Messija tiegħu,
għax twaddab ‘il barra dak li jixli ‘l ħutna, *
li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.
U huma ħarġu rebbieħa fuqu
bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *
u bis-saħħa tax-xhieda li taw,
u xejn ma għożżew ħajjithom, *
hekk li ħadu saħansitra l-mewt.
Għalhekk ifirħu, smewwiet, *
u intom li tgħammru fihom.
Glorja lill-Missier…….
Ant. 3: Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.
LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 1:5b. 7
Alla hu dawl, u ma hemm fih ebda dlam. Jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien u d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub.
RESPONSORJU QASIR
R/. Bih jitbierku * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Bih.
V/. Ifaħħru l-kobor tiegħu l-popli kollha. * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Glorja. Bih.
Ant. tal-kantiku ta’ Marija:
Ilkoll minn Saba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens, hallelujah.
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
– bħalma wiegħed lil missirijietna – *
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja.
Ant. tal-kantiku ta’ Marija:
Ilkoll minn Saba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens, hallelujah.
PREĊI
Flimkien ma’ ħutna kollha, magħqudin magħna fit-talb, inbierku lil Alla u ngħidulu:
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.
Missier qaddis, nitolbuk għal dawk li jagħrfuk bid-dawl tar-raġuni biss:
– agħtihom ukoll id-dawl ta’ l-Evanġelju ta’ Ibnek.
Ħares lejn dawk kollha li m’humiex fil-Knisja u qegħdin ifittxu l-ħelsien tal-bniedem minn kull ma jdejjqu fil-ħajja:
– agħtihom li jsibu fi Kristu t-triq, il-verità u l-ħajja.
Għin lil dawk li b’qalb sinċiera jgħixu skond ir-reliġjon tagħhom:
– wassalhom fid-dawl ta’ l-għaġeb ta’ Kristu Ibnek.
Saffi dejjem il-qalb tal-fidili tiegħek:
– mexxihom ‘il quddiem biex jarawk f’dawl dejjem aqwa.
Uri l-ħniena tiegħek ma’ ħutna l-mejtin:
– libbishom bis-sebħ tal-magħżulin tiegħek.
Missierna
Talba
O Alla, permezz ta’ Ibnek, inti wrejt il-ġnus kollha d-dawl tiegħek ta’ dejjem: agħmel li aħna, il-poplu tiegħek, nagħrfu s-sebħ kollu tal-Feddej tagħna, u nagħrfuh dejjem iżjed sa ma narawh fid-dawl ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.
TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM
IL-ĦAMIS
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.
Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ–
ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-
Quddiesa.
ATT PENITENZJALI
l.. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:
Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,
u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,
bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:
iħabbtu fuq sidirhom
ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.
Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,
lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,
u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R/. Amen.
Jew
II. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:
V. Ħenn għalina, Mulej
R. Għax dnibna kontra tiegħek.
V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.
R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.
Jew
III. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:
Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.
R. Kristu ħniena.
Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.
INNU
Kristu, dija w jum imsebbaħ,
bik tal-lejl titkeċċa d-dalma:
int tassew tad-dawl id-dija,
int xandȃr tad-dawl għall-hienja.
Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,
f’dan il-lejl li ġej ħarisna;
ikun fik il-mistrieħ tagħna,
‘tina ftit sigħat ta’ heda.
Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,
qalbna tibqa’ tishar miegħek;
midd, Mulej, il-leminija
bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.
Ejja, Salvatur setgħani,
qatta’ x-xbiek ta’ l-għadu tagħna,
wennes lill-qaddejja tiegħek,
li biex fdejthom xerridt demmek.
Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,
Sultan twajjeb, jintradd lilek,
lill-Missier u lill-Ispirtu
Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.
SALMODIJA
Barra Ż.GĦ.:
Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.
Ż.GĦ.:
Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Salm 15 (16)
Il-Mulej is-sehem ta’ wirti
Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)
Ħarisni, o Alla, *
għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi, *
m’għandix ġid ieħor ħliefek.”
It-twajbin huma l-kbar f’din l-art; *
fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.
L-hemm tagħhom ikattru *
dawk li jaħtru allat oħra.
Ma nsawwabx bħalhom id-demm b’sagrifiċċju, *
anqas isimhom ma nsemmi b’xufftejja.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *
inti żżomm f’idejk xortija.
Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *
messni sehem tassew għal qalbi.
Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *
mqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.
Glorja.
Barra Z.GĦ.:
Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.
Z.GĦ:
Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23
Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.
RESPONSORJU QASIR
Barra żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.
F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:
Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.
Fi żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.
Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).
KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32
Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel
Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *
imur fis-sliem, skond kelmtek;
għaliex għajnejja raw *
is-salvazzjoni tiegħek,
li int ħejjejt *
għall-popli kollha:
dawl biex idawwal il-ġnus, *
u glorja tal-poplu tiegħek Israel.
Glorja.
Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).
Talba
Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.
Wara t-talba tingħad il-barka:
Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.
R. Ammen.
Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda
mill-antifoni tal-Madonna.
Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,
int bieb illi jagħti għas-sema,
int kewkba tal-baħar, Marija!
Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,
għajnuna tal-poplu l-maħtur,
li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek
fis-siegħa li lqajt it-tislima
li tak Gabrijel, u bqajt xebba,
kif qabel, hekk wara t-tnissil.
Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.
jew
Is-sliem, o Sultana
tas-sema, Sidt l-anġli;
int l-għerq u l-bieb safi
mnejn ġie dawl id-dinja.
O Verġni glorjuża,
ta’ ġmiel u sbuħija,
is-sliem għalik! Itlob
lil Kristu għalina.
jew
Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;
ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.
Lilek ingħajjtu,
għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.
Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu
f’dan il-wied ta’ dmugħ.
Ejja, mela, avukata tagħna,
dawwar lejna
dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;
u wrina, wara dan it-turufnament,
lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.
O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.
jew
Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,
Omm qaddisa ta’ Alla:
la twarrabx minn quddiemek
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,
o Verġni glorjuża u mbierka.