Il-ħabib tal-foqra u l-batuti
Alfons Maria Galea twieled il-Belt Valletta f’April tal–1861 minn Pietru Pawl u Maria Karmela mwielda Galea. Kien magħruf bħalha s-Sur Fons, kien filantropu, senatur u awtur Malti. Tajjeb li ngħidu li Alfons Maria kien ir-raba fost sitt aħwa.
Huwa ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu mid- dar tal- ġeneturi tiegħu, u mingħand l- għalliem u l- kittieb Annibale Preca, li kien skrivan ma’ missieru. Ta’ tmien snin bagħtuh jistudja għand il- Ġiżwiti ġewwa Għawdex fejn dam tmien snin, u wara kien mibgħut fil- Kulleġġ li l- Freres kellhom ġewwa Marsilja.
Ta’ dsatax il- sena meta rtira missieru ħa n- negozju tiegħu u sar negozjant tad- drappijiet fejn ħadem bejn is- sena 1881 sas sena 1896.
Meta kellu 32 sena huwa ngħaqad fiż-żwieġ ma’ Elizabeth Asphar li kienet ġejja minn familja Indjana li kellha ukoll negozju tad- drappijiet u tal- ħaġar prezzjużi. Huma kellhom ħamest it- tfal li waħda minnhom saret soru. Tlett snin wara li żżewweġ għalaq in- negozju li kellu għax ħass li dik ma’ kinitx il – linja tiegħu u beda jqassam ħafna min- ġidu lill- Istituti tal- karita. Fost dawn insibu li ta l-art fejn inbena l- Istitut tas – Salesjani ta’ Don Bosco ġewwa tas- Sliema fejn kien mar jgħix meta żżewweġ. Meta l- bini ġie nnawgurat fis- sena 1904 dan l- istitut serva bħalha ċentru ta’ rikrejazzjoni u biex jiġbor il – ġuvintur għat- tagħlim tad- duttrina. Ċentri bħal – dawn insibuhom li nbnew fiż- Żejtun, il- Mosta, Bormla u Għawdex.
Fil-1939 waqqaf ċentru għall- Bniet biex ikollhom fejn jitgħallmu. Dan kien jismu l-Istitut ta’ Santa Eliżabetta tas-Sorijiet Franġiskani f’Tas-Sliema. Barra hekk ta donazzjonijiet lill-Isptar tal-Blue Sisters u pprovda għajnuna finanzjarja lill-Kunvent tal-Bon Pastur, ġewwa Ħal Balzan. Is- Sur Fons ta sehem kbir wkoll fil-missjonijiet. Kien fis- sena 1896 li huwa nħatar Teżorier fil-Kumitat tal-Missjoni. Biex in- nies jkunu aktar konxji dwar il – faqar li hawn fid-dinja biex jagħtu l- kontribuzzjoni tagħhom, huwa beda joħroġ l-Annali tal-Propagazzjoni tal-Fidi li kien joħroġ darba fix-xahar.
Għal ħafna snin, Galea kien il-President tal-Anglo-Maltese Bank, u aktar tard sar it-Teżorier tal-Kurja tal-Isqof u tas-sorijiet Klarissi li għandhom il- Monasteru tagħhom ġewwa San Ġiljan.
Nistgħu ngħidu li f’dawn is-snin Galea ħadem b’risq il- ħaddiem u l- batut billi semma leħħnu fuq- l- istituti tal- karita.
Kien Kavallier ta’ San Girgor fil – 1913 u kamrier sigriet tal – Papa fis –sena 1920. Bejn il- 1921 u l- 1927, kien Senatur.
Alfons Maria Galea għadda għal- ħajja ta’ dejjem fl- 1941 fil- Kunvent tal- Bonpastur meta kellu 80 sena.
Galea kien kittieb prolifiku. Fost il- publikazzjonijiet tiegħu nsibu dawn li ġejjin:
La Chiesa e la Scienza – Torino 1894
Tliet Tfajliet Martri – 1925
Tagħlim ta’ Ġesu mill- Vanġelju u Tagħlim tal- Appostli 1934
Traduzzjonijiet Bibliċi mill- Vulgata
Ktieb il- Qwiel ta’ Salamun – 1926
Ekkleżjasti – 1927/1928
Il- għana ta’ David (Salmi) – 1929
Iż- żewġ kotba tal – Makkabbin – 1929
Ktieb Ġob – 1929
Ktieb Iżaija – 1930
Kiteb ukoll għadd kbir ta’ kotba bl-isem “Mogħdija taż-żmien“. Hawnhekk se nagħtu ħarsa ħafifa lejn il- ktieb tiegħu ‘Mogħdija taż-żmien’ Nr. 129 dwar il- bidwi.
U ‘Dak bidwi’, hija espressjoni biex turi li wieħed mhux imgħallem biżżejjed, fejn Alfons Maria Galea ifaħħar il- bidwi għax dan jaħdem fir- raba, u jifhem ix- xogħol kollu marbut mas- sengħa. In- nies tal- bliet ftit li xejn jqisu t- taħbit tal- bdiewa. Meta l- bidwi jbigħ il- prodotti tiegħu n- nies bil- kemm jixirfu biex jilqawħ u jdumu jiġġebdu biex jixtru l- ħaxix. Bis – saħħa tal- bidwi jirrnexxielna insajjru l- ikel fil- borma. L- għaref jgħid: “Sa kemm ix- xogħol nibqgħu ngħożżuh ħadd m’hawn għalina, malli mbagħad naħbtu l- fies u l- imgħaqel narawhom tqal u mhux aktar ta’ idejna, ma jibqa’ fina ebda ħajr”.
Il- bidwi jaf li “wara l- beraq jiġi l- meraq”. Jaf fuq iż- żwiemel u l- baqar, in- ngħaġ u l- mogħoż. Imexxi l- baqra jew iż-żiemel fuq l- andar. Jifhem ukoll il- ħxejjex u fuq il- mard tal- bhejjem. Għadu jaħdem b’xi għoddod ta’ missirijietna iz- zappuna u l-imgħażqa, u kieku kellu magni aktar moderni kien jikseb aktar suċċess. Jaħdem taħt il- qilla tax- xemx u jasal biex jagħraf il- kobor tal- ħallieq. Hu jasal biex iqis ħajjtu mixgħula bl- Imħabba t’Alla meta jilmaħ l- għasafar jittajru fuq- is- siġar. Isir qisu San Franġisk billi l- għasafar jsejhilhom ħutu.
Bosta mill- bdiewa jgħarrfu biċċa mis- salm “is- smewwiet ifaħħru l- kobor t’Alla u l- kwiekeb tas- sema jgħarfuna li dak xogħol ta’ idejh”. Għandu għerf siwi li tgħallmu mhux mill- qari tal- kotba u mill- gażżetti li nsibuhom fil- ħwienet tal- kafe iżda mill- esperjanza tal- ħajja bidwija. Mill- gażżetti ħafna drabi n – nies ma’ jibqgħux jaħsbu b’moħħom, ma jirnexxilhomx jitgħallmu xejn ħlief dak li kiteb l- editur. Tal- ħwienet jibdew fis- sebgħa sa’ xħin jerfgħu mix- xogħol u jifhmu biss dawk li jaqraw il- gażżetti dwar is- safar u l- ġrajjiet kurrenti. Il- bidwi jitgħallem mix- xogħol u jifhem fuq dak kollu li jaqa taħt għajnejh fl- għelieqi.
Nagħlqu din il- kitba b’dawn il- versi marbuta mar- raba.
Fost kemm huma it- tnax il- wieħed,
Mejju l-isbaħ fost ix- xhur.
Sabiħ l –ajru, sbejħa l- bħura,
Sbejħa l- art, kull fejn iddur.
Minn Patri Hermann Duncan O.Carm