Kemm hawn ħwejjeġ x’tinnota hux f’din il-ħajja! Xi kultant ngħid li mnalla ġejna għal ftit żmien f’din id-dinja! Għax, jekk iseħħilna ninnutaw dak kollu li hemm x’wieħed jinnota kieku ilu li moħħna ittektek, saħan u iġġennen għax marrulu l-washers miskin! Nibda’ minn tiegħi l-ewwel wieħed!
Imma, anki jekk hemm din il-limitazzjoni, li mhux bilfors tafux hi umiljazzjoni, imma tista’ tkun glorifikazzjoni, din hi biċċa għerf li jagħtina l-Ispirtu s-Santu! Għax hemm affarijiet li ma tistax ma tinnutahomx! U, allaħares ma tinnutahomx! Għax inkella għal ġolħajt.com! Iva x’innutajt għażiż Sur Patri? Innutajt dawn il-ħwejjeġ sieħbi!
L-ewwel, li hemm baħar x’jaqsam bejn dak li ngħid u dak li nagħmel! Kemm hi faċli ħi li jkolli camera quddiemi (u hawn min jiġġennen tafux li joqgħod quddiem il-camera! Ħa jidher!), u nuri x’naf! U nintefa’ ċiċċi beqqi u nissuġġerixxi x’għandu jsir! Biex imbagħad, meta niġi għas-si u n-no, aqta’ kif nimmuta! Insir mumja! U le! Eħħ! L-imħabba tiġi mill-għemejjel u mhux mill-paroli! Hekk jgħallimni l-kbir San Ġakbu fl-Ittra tiegħu meta jwissini: X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha. Imma xi ħadd jista’ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil.” Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi (Ġak 2:14-18). Ippriedkali b’għemilek inkella la niflaħ lilek u lanqas dak li tgħidli!
It-tieni, li min iħobbok tassew jidħol fin-nar għalik! Kemm hawn min jippoża li hu ħabib u ħabiba! Veru? Imbagħad, meta tiġi l-prova, jagħmlu bħall-bebbux li, meta tkun se taqbadhom, aqta’ kif jaħarbu jiġru f’qoxrithom! Ibda’ minn qrunhom! Għax dak l-ewwel li jmur jinħeba! Għax dak għandu l-għaliex jinħeba! Għax veru tal-mistħija! Għax dak it-traditur! Għożżhom lil dawk li kelma jgħiduhielek. Għax ma jifilħux jarawk toħroġ minn saram u tidħol f’ieħor! Nerġa’ ngħidlek: ħobbhom lil dawk li jitbaqbqu għalik basta jarawk miexi u miexja ‘il quddiem! Għax waqt il-bżonn lilhom se ssib! Huma se joqgħodu miegħek! Dawk li jridu jsalvaw lil wiċċhom u l-pożizzjoni tagħhom u x’jimpurtahom minnek, għax mimlija krema tal-ipokresija, m’għandekx xi tridhom! Għax dawk għalihom jaħsbu u mhux għalik! Aqtahom mill-lista ta’ dawk li tħoss li għandek tafdahom. Itlob għalihom ħa jiġu f’tagħhom biex, almenu, qabel jagħlqu għajnejhom, ikollhom il-kuxjenza jagħrfu ftit kemm weġġgħu nies intortament bit-tradiment vili tagħhom.
It-tielet, il-qawwa ta’ kelma tajba! Kemm hu faċli nikkritika bla ħniena ta’ xejn. U li nfellel il-qlub u niżloga l-ġogi tal-oħrajn bil-kliem mimli qerda li joħroġ minn fommi. Issa mbilli niġbdek f’ġenb u ngħaddilek suġġeriment minn qalbi? B’daqshekk x’ħa nitlef? U mbilli ngħidlek: Isma’ ħi, mhux minhawn! Għax ħa tiddamdam! Għaddi naqra minn hawn. Xejn xejn tiffranka battikata li m’għandikx x’tambieha! Naħseb li b’daqshekk qed tinduna li tassew irridlek il-ġid u minix xi leopard lest li nqattgħek ħaj u ħajja! Qed ngħidlek bil-kelma t-tajba l-għaliex tabilħaqq nemmen li bil-kelma t-tajba toħroġ il-far mit-toqba. Issa jekk trid tagħmel mod ieħor affarik! Dak f’idejk! Għalkemm xorta nibqa’ ħbieb miegħek!
Ir-raba’, li l-bniedem jsir Russian roulette daqs tazza ilma! Għax malajr idur! Filli ħabibek u filli issibu l-iprem għadu tiegħek. Filli lest li jaqbeż fin-nar għalik u filli jbiegħek u jbiegħ il-ħbiberija tiegħu miegħek għal tazza ilma! Għalhekk illum, ta’ 48 sena, u dejjem għall-grazzja tal-Mulej, nista’ iva nara l-għerf tal-Kelma tal-Mulej meta tgħidli, iswed fuq l-abjad: Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem, u titbiegħed qalbu mill-Mulej (Ġer 17:5). Il-Bibbja tgħidilna mingħajr tlaqliq ta’ xejn: il-bniedem ma jsalvakomx (S 146:3). Għax malajr jinħakem mill-opinjoni pubblika! Min kif jaħseb fuqu bniedem ieħor, li jfittex l-interessi tiegħu bħalu jew aktar minnu! Le! Il-bniedem jiżbalja l-għaliex jaħseb għal ġildu u qajla għall-ġild ħaddieħor! Mela hawn hu l-għaqal li nafdaw lill-Mulej. U, ma’ Ġesù, ħajjitna tifqa’ bl-għajjat tat-talba ta’ Ġesù fuq is-Salib: Missier, f’idejk jien nerħi ruħi (Lq 23:46). Għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi (S 57:2). Għax, fil-bniedem mhux kenn hemm imma hemm! Għax, u fuq kollox[,] qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha? (Ġer 17:9). Illum tgħollik u għada tbaxxik! Ilum tifraħ bik u għada lanqas trid issemmik! Attenti mela! Ħa nħobbu lill-Mulej l-ewwel! Imbagħad, u minħabba fiH, u fiH biss, inħobbu lill-bniedem! U hekk inkunu fil-paċi tiegħU! U ninħelsu mir-Russian roulette li tieħu n-nifs. Li llum tagħtni bukkett fjuri u l-għada sqietni sal-aħħar qattra l-kalċi tad-duluri!
Il-ħames, li meta titlob lill-Ispirtu s-Santu biex iserraħlek moħħok, tinduna li mhux biss semgħek imma kemm veru jħobbok! Għalhekk, meta taqbad lilek innifsek ħa tibda’ tinkwieta, ħu nifs ‘il ġewwa, u għidlu: SPIRTU S-SANTU IĊĊARĠJANI ĦALLI XEJN MA JINKWETANI! U ħallik mill-inkwiet! Li malajr iwasslek f’art l-imwiet! Taf x’qed ngħid? Kemm l-Ispirtu s-Santu hu tabilħaqq l-aqwa pillola tal-fejqan li nistgħu nibilgħu!
Dan hu li stajt ninnota ħbieb! Bil-grazzja tal-Mulej! Li b’riħtu għadni għaddej! Ħames ħwejjeġ hemm! Bħall-ewwel ħames kotba tal-Bibbja! Il-ħames ċagħkiet li bihom David rebaħ lill-ġgant Gulija. In-numru ħamsa! In-numru tal-grazzja u l-ħniena tal-Mulej! Għalik u għalija!… Qatt innutajt?
Patri Mario Attard OFM Cap