Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 29 ta’ Settembru


It-Tlieta, 29 ta’ Settembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-festa tal-Arkanġli fil-Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan l-Evanġelju jintagħażel fil-festa tal-Arkanġli, San Mikiel, San Gabrijel u San Rafel, propju minħabba l-aħħar kelmiet ta’ Ġesù meta, biex jispjega li d-dixxipli għad ikunu xhieda tal-glorja tiegħu, isemmi wkoll l-anġli: “Fis- sewwa, fis-sewwa ngħidilkom għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla niżlin u telgħin fuq Bin il-bniedem” (Ġw 1:51).

L-anġli huma dawk li huma dejjem quddiem il-preżenza ta’ Alla. Huma ħolqien ta’ Alla, kreaturi ta’ Alla, huma spirti puri. Meta anġlu jiddeċiedi, id-deċiżjoni tiegħu hija definittiva għaliex id-deċiżjoni tiegħu tittieħed b’għarfien sħiħ u b’rieda sħiħa. Dak li jsalva lilna li m’aħniex anġli u forsi ta’ dan nixtiequ nirringrazzjaw lill-Mulej, hija li d-deċiżjonjiet tagħna qatt mhuma perfetti, qatt mhuma definittivi. B’mod speċjali meta niżolqu fin-niexef, il-Mulej dejjem isib minn fejn jaqbadna minn xagħarna u jsalvana għaliex dejjem hemm xi ħaġa li ma ħallitniex liberi jew nagħżluh jew niċħduh. Imma l-anġli, li huma spirti puri, meta jagħżlu lil Alla jagħżluh b’mod definittiv għax huma spirti liberi.

Imma hemm it-traġedja wkoll ta’ anġli li ċaħdu lil Alla. Huma spirti ħżiena; mhumiex iżjed qawwijin mill-ispirti twajba jew minn Alla. Fl-immaġinarju tagħna, ħafna drabi donnu npoġġu lil Alla u lix-Xitan fl-istess keffa u ma nagħmlux sew. L-anġlu huwa ħolqien ta’ Alla u anke l-anġlu li għażel ħażin, jibqa’ kreatura ta’ Alla, suġġett għall-ġudizzju ta’ Alla. Ix-xogħol tiegħu huwa li jinganna lill-umanità, biex nissieħbu miegħu u niċħdu lil Alla. Ix-Xitan jaħdem biex ikollu iżjed soċji miegħu, biex ikollu iżjed nies, bnedmin ingannati li jiċħdu lil Alla bħalma ċaħdu hu. Alla imma l-ħniena tiegħu jifrixha f’kull żmien u f’kull ġenerazzjoni.

Għalhekk, dejjem obdi l-kuxjenza tiegħek għax fuq Alla m’hemm ħadd.

Dawn it-tliet arkanġli huma mibgħuta minn Alla biex jissieltu favur il-Poplu ta’ Alla u jibqa’ fidil lejn il-Mulej. Isem Mikiel ifakkarna li fuq Alla m’hemm ħadd. Kultant ningannaw ruħna u nintilfu wara xi ħadd li għandu l-flus jew il-poter. Kemm hu tajjeb li niftakru dak li jfakkarna Mikiel: min hu bħal Alla? Fuq Alla m’hemm ħadd. Għalhekk, dejjem obdi l-kuxjenza tiegħek għax fuq Alla m’hemm ħadd.

Gabrijel hu dak li jwassal l-aħbarijiet sbieħ imma fl-istess ħin jitolbu mill-qaddejja tal-Mulej, sfida. Il-Madonna semgħet lil Gabrijel jgħidilha li kellha tkun omm Alla. Qaltlu: “Imma kif ikun dan?” (Lq 1:34). U Gabrijel jgħidilha: “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1:37). Għalhekk, jismu l-qawwa ta’ Alla, Gabrijel ifakkarna li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun.

Irridu nitolbu li l-edukazzjoni tibqa’ edukazzjoni għad-diversità.

Rafel, li jfisser il-mediċina ta’ Alla jew Alla jfejjaq, ifakkarna li Alla jfejjaq il-ġisem u jfejjaq ir-ruħ; li meta aħna għandna bżonn id-dawl tiegħu biex infiequ mill-ingann jew infiequ mill-assalti ta’ Satana, tajjeb nitolbu l-ħniena tal-Mulej u l-fejqan tiegħu.

Illum nitolbu għall-edukaturi tagħna imma nitolbu wkoll għal dawk li qed jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. L-edukazzjoni hija l-għajn ta’ kull ġid, l-edukazzjoni tajba. Irridu nitolbu li l-edukazzjoni tibqa’ edukazzjoni għad-diversità. Bħalissa qed tiġi diskussa liġi li għandha l-periklu li tneħħi din id-diversità fl-edukazzjoni; il-libertà li wieħed jaħseb dak li għandu jaħseb u li ma jkunx ippersegwitat u akkużat li qed jiddeskrimina għax għandu ideat differenti minn ħaddieħor.

Ejjew nitolbu għal min għandu s-setgħa jagħmel il-liġijiet u jtejjibhom biex jirrispetta l-kuxjenza tal-individwu, il-libertà tal-iskejjel tagħna u l-libertà ta’ kull individwu. Aħna m’aħniex favur id-diskriminazzjoni tal-ebda persuna, aħna favur il-libertà u f’din is-sena ta’ sfida kbira mhuwiex il-mument fejn nagħmlu liġijiet li jifirdu u jikkumplikaw il-ħajja tan-nies. Hemm bżonn naħdmu flimkien għas-saħħa u l-edukazzjoni ta’ wliedna. B’mod speċjali f’dan il-mument u żmien ta’ pandemija nitolbu l-protezzjoni tal-arkanġli fuq pajjiżna u fuq id-dinja.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt