Omelija tal-Papa Benedittu XVI fl-Inawgurazzjoni Pontifikali tiegħu


Quddiesa ta’ l-Inawgurazzjoni tal-Pontifikat tal-Papa Benedittu XVI

Omelija tal-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI. Pjazza San Pietru. Il-Ħadd 24 ta’ April 2005

Eminenzi, Ħuti Isqfijiet u Presbiteri, Awtoritajiet Distinti u Membri tal-Korpi Diplomatiċi,

Għeżież Ħuti Rġiel u Nisa,

F’dawn il-jiem ta’ intensità kbira, kantajna l-litanija tal-qaddisin fi tliet okkażjonijiet differenti: fil-funeral tal-Missier Qaddis tagħna Ġwanni Pawlu II; waqt li l-kardinali kienu diħlin għall-Konklavi; u llum mill-ġdid, meta kantajniha bl-invokazzjoni Tu illum adiuva – għin lis-Suċċessur il-ġdid ta’ San Pietru.  F’kulwaħda minn dawk l-okkażjonijiet, b’mod partikulari, jiena sibt konsolazzjoni kbira f’li nisma’ l-kant ta’ din it-talba.  Kemm ilkoll ħassejna ruħna waħidna wara l-mewt ta’ Ġwanni Pawlu II – il-Papa li għal iktar minn sitta u għoxrin sena kien ir-ragħaj u l-gwida tagħna tul il-vjaġġ ta’ ħajjitna!  Hu qasam l-għatba tal-ħajja li ġejja, u daħal fil-misteru ta’ Alla.  Imma dan il-pass ma meddux waħdu.  Dawk li jemmnu m’huma qatt waħidhom – la fil-ħajja u lanqas fil-mewt.  F’dak il-mument stajna nsejħu l-qaddisin ta’ kull żmien – ħbiebu, ħutu fil-fidi – żguri li huma kienu sa jinġabru f’purċissjoni ħajja biex isieħbuh fid-dinja li jmiss, fil-glorja ta’ Alla.  Konna nafu li l-wasla tiegħu hemm kienet mistennija.  Issa nafu li jinsab fost ta’ ġewwa u qiegħed tabilħaqq f’daru.  Kellna wkoll konsolazzjoni kbira aħna u diħlin fil-Konklavi, biex illaħħqu lil dak li l-Mulej kien għażel.  Kif konna sa nkunu kapaċi naslu għal ismu?  Kif setgħu mija u ħmistax-l isqof, minn kull kultura u pajjiż, jiskopru dak li lilu l-Mulej ried jagħti l-missjoni li jorbot u jħoll?  Għal darb’oħra konna nafu li ma konniex waħidna, konna nafu li konna msiħbin, immexxija u ggwidati mill-ħbieb ta’ Alla.  U issa, f’dan il-waqt, ta’ qaddej dgħajjef tal-Mulej li jien, jeħtieġ nassumi din il-ħidma kbira, li tassew taqbeż kull ħila umana.  Kif nista’ nagħmlu dan?  Kif sa nkun kapaċi nagħmlu?  Ilkoll kemm intom, għeżież ħbieb tiegħi, għadkom kemm sejjaħtu l-ġemgħa kollha tal-qaddisin, irrappreżentata minn uħud mill-ikbar ismijiet fl-istorja ta’ l-għeġubijiet ta’ Alla mal-bnedmin.  B’dan il-mod, jien ukoll nista’ ntenni b’konvinzjoni mġedda: m’inix waħdi.  M’għandix għalfejn inġorr waħdi dak li, fil-verità, qatt ma stajt inġorr waħdi.  Il-qaddisin kollha ta’ Alla qegħdin hemm iħarsuni, jgħinuni u jerfgħuni.  U t-talb tagħkom, għeżież ħbieb tiegħi, il-komprensjoni tagħkom, l-imħabba tagħkom, il-fidi tagħkom u t-tama tagħkom jakkumpanjawni.  Tabilħaqq, ix-xirka tal-qaddisin ma tikkonsistix biss fl-irġiel u n-nisa kbar li telqu qabilna u nafu isimhom.  Ilkoll kemm aħna nagħmlu sehem mix-xirka tal-qaddisin, aħna li ħadna l-magħmudija fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, aħna li niksbu l-ħajja mid-don tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, li bihom hu jibdilna u jagħmilna bħalu.  Iva, il-Knisja hi ħajja – din hi l-esperjenza meraviljuża ta’ dawn il-jiem.  Tul dawk il-jiem ta’ swied il-qalb tal-marda u l-mewt tal-Papa, deher b’mod tassew sabiħ għalina kemm il-Knisja hi ħajja.  U l-Knisja hi żagħżugħa.  Hi ġġorr fiha l-futur tad-dinja u, allura, turi lil kull wieħed u waħda minna t-triq għall-futur.  Il-Knisja hi ħajja u qed narawha: qed ngħixu l-ferħ li l-Mulej Irxoxt wiegħed lid-dixxipli tiegħu.  Il-Knisja hi ħajja – hi ħajja għax Kristu hu ħaj, għax hu tassew qam mill-mewt.  Fit-tbatija li rajna fuq il-wiċċ tal-Papa f’dawk il-jiem ta’ l-Għid, ikkontemplajna l-misteru tal-Passjoni ta’ Kristu u messejna l-ġrieħi tiegħu.  Imma f’dawn il-jiem stajna wkoll, f’sens profond, immissu l-Irxoxt.  Wara żmien qasir ta’ dalma, stajna nesperjenzaw il-ferħ li hu wiegħed bħala l-frott tal-qawmien tiegħu.

Il-Knisja hi ħajja – b’dawn il-kelmiet insellem b’ferħ u gratitudni kbira lilkom ilkoll miġbura hawn, ħuti kardinali u isqfijiet, għeżież saċerdoti, djakni, ħaddiema fil-Knisja, katekisti.  Insellem lilkom, reliġjużi rġiel u nisa, xhieda tal-preżenza trasfiguranti ta’ Alla.  Insellem lilkom, fidili lajċi, li tagħkom hi l-ħidma kbira li tibnu s-Saltna ta’ Alla li tixtered fid-dinja, f’kull qasam tal-ħajja.  B’qima kbira nsellem ukoll lil dawk kollha li twieldu mill-ġdid fis-sagrament tal-Magħmudija imma għadhom m’humiex f’għaqda sħiħa magħna; u lilkom, aħwa tiegħi tal-ġens Lhudi, li magħkom aħna magħquda b’wirt spiritwali kbir li naqsmu flimkien, wieħed li jsib l-għeruq tiegħu fil-wegħdiet irrevokabbli ta’ Alla.  Fl-aħħarnett, bħal mewġa li tikseb il-qawwa tagħha, il-ħsibijiet tiegħi jimirħu fost l-irġiel u n-nisa kollha tal-lum, kemm fost dawk li jemmnu u kemm fost dawk li ma jemmnux.

Għeżież ħbieb tiegħi!  F’dan il-waqt m’hemmx bżonn li nippreżenta programm ta’ tmexxija.  Kelli ċ-ċans li nagħti indikazzjoni ta’ dik li nara bħala l-missjoni tiegħi fil-messaġġ tiegħi nhar l-Erbgħa 20 ta’ April, u għad ikolli opportunitajiet oħra biex nagħmel dan.  Il-programm veru tiegħi ta’ tmexxija m’hux li nagħmel ir-rieda tiegħi, m’hux li nfittex l-ideat tiegħi, imma li nisma’, flimkien mal-Knisja kollha, il-kelma u r-rieda tal-Mulej, li nħalli lili nnifsi nitmexxa minnu, ħalli jkun hu li jmexxi l-Knisja f’din is-siegħa ta’ l-istorja tagħna.  Minflok ma rressaq il-programm tiegħi, irrid sempliċiment nikkummenta fuq żewġ simboli liturġiċi li jirrappreżentaw l-inawgurazzjoni tal-Ministeru Petrin; iktar minn hekk, it-tnejn li huma jirriflettu b’mod ċar dak li smajna jiġi pproklamat fil-qari tal-lum.

L-ewwel simbolu hu l-Pallju, miħjut minn suf pur, li sa jitqiegħed fuq spallejja.  Dan is-sinjal qadim, li l-isqfijiet ta’ Ruma dejjem libsu sa mis-seklu erbgħa, jista’ jitqies bħala xbieha tal-madmad ta’ Kristu, li l-isqof ta’ din il-belt, il-Qaddej tal-Qaddejja ta’ Alla, jieħu fuq spallejh.  Il-madmad ta’ Alla hu r-rieda ta’ Alla, li aħna nilqgħu.  U din ir-rieda ma ttaqqalniex, ma tkissirniex u ma teħdilniex il-libertà tagħna.  Li jkun jaf xi jrid Alla, li jkun jaf fejn hi t-triq tal-ħajja – dan kien il-ferħ ta’ Israel, dan kien il-privileġġ kbir tiegħu.  Hu wkoll il-ferħ tagħna: ir-rieda ta’ Alla ma taljenaniex, imma tippurifikana – anki jekk dan jista’ jkun ta’ wġigħ għalina – u hekk tlaqqagħna magħna nfusna.  B’dan il-mod aħna naqdu mhux biss lilu, imma l-fidwa tad-dinja kollha, ta’ l-istorja kollha.  Is-simboliżmu tal-Pallju hu anki aktar konkret minn hekk: is-suf tal-ħaruf irid jirrappreżenta wkoll in-nagħġa mitlufa, marida jew dgħajfa li r-ragħaj jerfa’ fuq spallejh u jeħodha ħdejn l-ilmijiet tal-ħajja.  Għal Missirijiet il-Knisja, il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, li r-ragħaj imur ifittex fid-deżert, kienet xbieha tal-misteru ta’ Kristu u l-Knisja.  Ir-razza umana – kull wieħed u waħda minna – hi n-nagħġa mitlufa fid-deżert li m’għadhiex taf it-triq.  L-Iben ta’ Alla ma jħallix dan jiġri; ma jistax jitlaq lill-umanità f’kundizzjoni daqshekk miżerabbli.  Hu jqum fuq riġlejh u jerħi l-glorja tas-sema, biex imur ifittex in-nagħġa sakemm isibha, it-triq kollha sas-Salib.  Hu jerfagħha fuq spallejh u jġorr l-umanità tagħna; hu jerfagħna kollha – hu r-ragħaj it-tajjeb li jagħti ħajtu għan-nagħaġ.  Dak li, qabelxejn, jindika l-Pallju hu li Kristu jerfa’ lilna lkoll.  Imma fl-istess ħin hu stedina biex aħna nerfgħu lil xulxin.  Għalhekk il-Pallju jsir simbolu tal-missjoni tar-ragħaj, li jitkellmu dwarha t-Tieni Qari u l-Vanġelu.  Kull ragħaj għandu jkun ispirat miż-żelu qaddis ta’ Kristu: ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem tant nies li qed jgħixu fid-deżert.  U hemm diversi tipi ta’ deżert.  Hemm id-deżert tal-faqar, id-deżert tal-ġuħ u l-għatx, id-deżert ta’ min hu mwarrab, tas-solitudni, ta’ l-imħabba mfarrka.  Hemm id-deżert tad-dalma ta’ Alla, il-vojt fil-qlub ta’ dawk li bilkemm għadhom konxji tad-dinjità tagħhom jew ta’ l-għan tal-ħajja umana.  Id-deżerti esterni fid-dinja qed jiżdiedu, għax id-deżerti interni saru tant kbar.  Għalhekk it-teżori tad-dinja m’għadhomx iservu biex jibnu l-ġnien ta’ Alla fejn kulħadd jista’ jgħix, imma bdew jintużaw biex jaqdu l-qawwiet ta’ l-isfruttar u l-qerda.  Il-Knisja u r-ragħajja kollha tagħha, bħal Kristu, jeħtieġ jaħdmu biex joħorġu n-nies mid-deżert, lejn il-post tal-ħajja, lejn il-ħbiberija ma’ l-Iben ta’ Alla, lejn Dak li jagħti l-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.  Is-simbolu tal-ħaruf għandu wkoll tifsira iktar profonda.  Fil-Lvant Qarib tal-qedem, kienet drawwa li s-slaten jidhru bħala ragħajja quddiem in-nies tagħhom.  Din kienet xbieha tal-qawwa tagħhom, xbieha ċinika: għalihom in-nies tagħhom kienu bħal nagħaġ, li r-ragħaj seta’ jużahom kif ried hu.  Meta r-ragħaj ta’ l-umanità kollha, Alla l-ħaj, sar ħaruf hu nnifsu, hu qagħad fuq in-naħa tal-ħrief, ma’ dawk li huma mżebilħa u maqtula.  Dan hu l-mod kif hu jirrivela lilu nnifsu bħala ragħaj tassew: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb… għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti”, hekk Ġesù jitkellem dwaru nnifsu (Ġw 10:14f).  M’hix is-setgħa imma l-imħabba li tifdina!  Dan hu s-sinjal ta’ Alla: hu nnifsu huwa mħabba.  Kemm drabi nixtiequ li Alla juri lilu nnifsu iktar qawwi, li jintervjeni deċiżivament, jeqred il-ħażen u joħloq dinja aħjar.  L-ideoloġiji kollha tal-poter jiġġustifikaw lilhom infushom eżattament b’dan il-mod, hekk huma jiġġustifikaw il-qerda ta’ kulma jfixkel it-triq tal-progress u l-liberazzjoni ta’ l-umanità.  Aħna nbatu minħabba s-sabar ta’ Alla.  U safrattant, għandna bżonn is-sabar tiegħu.  Alla, li sar ħaruf, jgħidilna li d-dinja tikseb il-fidwa permezz ta’ l-Imsallab u mhux permezz ta’ dawk li sallbuh.  Id-dinja tinfeda bis-sabar ta’ Alla.  Tinqered bin-nuqqas ta’ sabar tal-bniedem.

Jeħtieġ li waħda mill-karatteristiċi bażiċi ta’ ragħaj tkun li jħobb lil dawk fdati f’idejh, anki bħalma jħobb lil Kristu li hu jaqdi.  “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”, jgħid Kristu lil Pietru, u issa, f’dan il-waqt, dan il-kliem qed itennih lili wkoll.  Tirgħa jfisser tħobb, u tħobb ifisser ukoll tkun lest li tbati.  Tħobb ifisser tagħti lin-nagħaġ dak li hu tabilħaqq tajjeb, in-nutriment tal-verità ta’ Alla, tal-kelma ta’ Alla, in-nutriment tal-preżenza tiegħu, li hu jagħtina fis-Sagrament Imqaddes.  Għeżież ħbieb tiegħi – f’dan il-waqt nista’ ngħidilkom biss: itolbu għalija, biex nitgħallem inħobb lill-Mulej iżjed u iżjed.  Itolbu għalija, biex nitgħallem inħobb il-merħla tiegħu iżjed u iżjed – fi kliem ieħor, lilkom, il-Knisja mqaddsa, lil kull wieħed u waħda minnkom u lilkom ilkoll flimkien.  Itolbu għalija, biex ma naħrabx minħabba l-biża’ ta’ l-ilpup.  Ejjew nitolbu għal xulxin, biex il-Mulej jerfagħna u biex nitgħallmu nerfgħu lil xulxin.

It-tieni simbolu użat fil-liturġija tal-lum biex jesprimi l-inawgurazzjoni tal-Ministeru Petrin hu l-preżentazzjoni taċ-ċurkett tas-sajjied.  Is-sejħa lil Pietru biex ikun sajjied, li smajna fil-Vanġelu, isseħħ wara l-ġrajja tal-qabda mirakuluża tal-ħut: wara lejl li fih id-dixxipli kienu kalaw ix-xbieki tagħhom mingħajr suċċess, huma jaraw lill-Mulej Irxoxt fuq xatt il-baħar.  Hu jgħidilhom biex ikalaw għal darb’oħra x-xbieki tagħhom, u x-xbieki jimtlew tant li bilkemm ikunu jistgħu jtellgħuhom; mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira: “u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx” (Ġw 21:11).  Dan ir-rakkont, li nsibuh fi tmiem il-vjaġġ ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu fuq din l-art, jikkorrispondi għar-rakkont li nsibu fil-bidu: hemm ukoll, id-dixxipli ma kienu qabdu xejn għal lejl sħiħ; hemm ukoll, Ġesù kien stieden lil Xmun biex jaqdef ’il barra fil-fond.  U Xmun, li kien għadu ma ssejjaħx Pietru, ta dik it-tweġiba sabiħa: “Mgħallem, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”.  Kien wara dan li ġie mogħti l-missjoni tiegħu: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (Lq 5:1-11).  Illum ukoll il-Knisja u s-suċċessuri ta’ l-Appostli qed jingħataw l-ordni biex jaqdfu fil-baħar fond ta’ l-istorja u jkalaw ix-xbiek tagħhom, biex jirbħu rġiel u nisa għall-Vanġelu – għal Alla, għal Kristu, għal ħajja vera.  Il-Padri għamlu kummentarju tassew sinifikanti dwar din il-ħidma singulari.  Dan hu li jgħidu: għal ħuta, li hi maħluqa għall-ilma, hu fatali li titneħħa mill-ilma, li tinħareġ mill-element vitali tagħha biex isservi ta’ ikel għall-bniedem.  Imma fil-missjoni ta’ sajjied tal-bnedmin, il-verità tinsab fil-kontra.  Qed ngħixu fl-aljenazzjoni, fl-ilmijiet mielħa tat-tbatija u l-mewt; f’baħar ta’ dlam mingħajr dawl.  Ix-xibka tal-Vanġelu tiġbidna ’l barra mill-ilmijiet tal-mewt u tqiegħdna fl-isplendur tad-dawl ta’ Alla, fil-ħajja vera.  Hi tabilħaqq vera: aħna u nimxu wara Kristu f’din il-missjoni ta’ sajjieda tal-bnedmin, jeħtieġ noħorġu ħafna rġiel u nisa ’l barra mill-baħar, mielaħ b’tant forom ta’ aljenazzjoni, għal fuq l-art tal-ħajja, fid-dawl ta’ Alla.  Dan hu minnu: l-għan ta’ ħajjitna hu li nuru lill-bnedmin min hu Alla.  Huwa biss fejn Alla hu viżibbli li l-ħajja tibda tassew.  Huwa biss meta niltaqgħu ma’ Alla l-ħaj fi Kristu li nsiru nafu x’inhi l-ħajja.  Aħna m’aħniex xi prodott każwali u insinifikanti ta’ l-evoluzzjoni.  Kull wieħed u waħda minna hu r-riżultat ta’ ħsieb ta’ Alla.  Kull wieħed u waħda minna hu mixtieq, kull wieħed u waħda minna hu maħbub, kull wieħed u waħda minna hu bżonnjuż.  M’hemm xejn isbaħ milli niġu sorpriżi mill-Vanġelu, mil-laqgħa tagħna ma’ Kristu.  M’hemm xejn isbaħ milli nkunu nafuh u milli nitkellmu ma’ oħrajn dwar il-ħbiberija tagħna miegħu.  Il-missjoni tar-ragħaj, il-missjoni tas-sajjied tal-bnedmin, spiss tista’ tidher iebsa.  Imma hi sabiħa u meraviljuża, għax hi tabilħaqq servizz lill-ferħ, lill-ferħ ta’ Alla li jixtieq tant jinfed id-dinja.

Hawn irrid inżid xi ħaġa oħra: kemm ix-xbieha tar-ragħaj u kemm dik tas-sajjied jevokaw sejħa għall-għaqda.  “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed” (Ġw 10:16); dawn huma l-kelmiet ta’ Ġesù fi tmiem id-diskors tiegħu dwar ir-Ragħaj it-tajjeb.  U r-rakkont tal-mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira jispiċċa b’aħbar ta’ ferħ: “u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx” (Ġw 21:11).  Jaħasra, maħbub Mulej, b’sogħba issa jkollna nistqarru li nqasmet!  Imma le – m’għandniex inkunu mdejqa!  Ħa nifirħu minħabba l-wegħda tiegħek, li ma tiddiżappuntax, u ħa nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nimxu fit-triq lejn l-għaqda li int wegħidt.  Ħa niftakruha fit-talba tagħna lill-Mulej, aħna u nitkarrbu quddiemu: iva, Mulej, ftakar fil-wegħda tiegħek.  Agħtina li nkunu merħla waħda u ragħaj wieħed!  Tħallix li x-xibka tiegħek tinqasam, għinna nkunu qaddejja ta’ l-għaqda!

Hawn, ħsiebi jerġa’ lura għat-22 ta’ Ottubru 1978, meta l-Papa Ġwanni Pawlu II beda l-ministeru tiegħu hawn fi Pjazza San Pietru.  Il-kelmiet tiegħu f’dik l-okkażjoni għadhom jidwu f’widnejja: “La tibżgħux!  Iftħu beraħ il-bibien tagħkom għal Kristu!”.  Il-Papa kien qed jindirizza lis-setgħanin, lil dawk li għandhom il-poter f’din id-dinja, li beżgħu li Kristu seta’ jeħdilhom xi ħaġa mis-setgħa tagħhom jekk iħalluh jidħol, jekk jippermettu li l-fidi tkun ħielsa.  Iva, ċertament kien jeħdilhom xi ħaġa: is-setgħa tal-korruzzjoni, il-manipulazzjoni tal-liġi u l-libertà li jagħmlu dak li jogħġobhom.  Imma ma kien jieħu xejn minn dak li hu tal-libertà jew id-dinjità umana, jew tal-bini ta’ soċjetà ġusta.  Il-Papa kien ukoll qed ikellem lil kulħadd, speċjalment liż-żgħażagħ.  Forsi mhux ilkoll aħna b’xi mod beżgħana?  Jekk inħallu lil Kristu jidħol għalkollox f’ħajjitna, jekk ninfetħu totalment għalih, ma nibżgħux li hu jista’ jeħdilna xi ħaġa?  Forsi ma nibżgħux inċedu xi ħaġa li tiswa għalina, xi ħaġa unika, xi ħaġa li tagħmel il-ħajja daqshekk sabiħa?  Ma nkunux imbagħad qed nirriskjaw li nispiċċaw ristretti u mċaħħda mil-libertà tagħna?  U mill-ġdid il-Papa qal: Le!  Jekk inħallu lil Kristu jidħol f’ħajjitna, ma nitilfu xejn, xejn, assolutament xejn minn dak li jagħmel il-ħajja ħielsa, sabiħa u kbira.  Le!  Hu biss f’din il-ħbiberija li l-bibien tal-ħajja jinfetħu beraħ.  Hu biss f’din il-ħbiberija li jidher tassew il-potenzjal qawwi ta’ l-eżistenza umana.  Hu biss f’din il-ħbiberija li nesperjenzaw is-sbuħija u l-ħelsien.  U allura, illum, b’qawwa kbira u b’konvinzjoni kbira, fuq il-bażi ta’ esperjenza persunali twila tal-ħajja, jien ngħidilkom, għeżież żgħażagħ: La tibżgħux minn Kristu!  Hu ma jeħdilkom xejn u hu jagħtikom kollox.  Meta nerħu lilna nfusna f’idejh, nirċievu lura mitt darba daqshekk.  Iva, iftħu, iftħu beraħ il-bibien tagħkom għal Kristu – u intom issibu l-ħajja vera.  Amen.

© Libreria Editrice Vaticana

traduzzjoni mill-ingliż • francesco pio attard