Fit-tieni artiklu dwar il-Knisja Kattolika fir-Rivoluzzjoni Franċiża, semmejna l-Konkordat li sar bejn l-Imperatur Napuljun u l-Papa Piju VII. F’dan l-artiklu naraw kif, minkejja l-Konkordat, Napuljun ried jibqa’ jbaxxi l-awtorità tal-Papa.
Il-Konkordat fil-prattika
Għalkemm il-Konkordat kellu l-marka tal-prinċipji ta’ Napuljun, li l-istat hu ogħla mill-Knisja, baqa’ fattur importanti fl-istorja tal-Knisja u għandu valur f’dak li ġab fir-relazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat. Dan naturalment skont kif wieħed iħares lejn l-istorja.
Il-Konkordat sar mudell għal trattati oħra li ‘l quddiem kellhom isawru jew jimmodifikaw ir-relazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat f’diversi pajjiżi. Anke jekk il-ħsieb prinċipali tal-Konkordat kien li bla dewmien jikkonċentra l-awtorità f’idejn l-Isqfijiet u l-gvern sekulari, fl-aħħar mill-aħħar l-awtorità reġgħet lura f’idejn il-Papa, li ngħata wkoll is-setgħa li jneħħi Isqfijiet, xi ħaġa li ma kinitx tollerata qabel ir-Rivoluzzjoni. Sinjal sinjifikattiv kien li fl-1816 ħames prelati li kienu eżiljati għax opponew il-Konkordat marru lura mill-pożizzjoni tagħhom fuq talba tal-gvern il-ġdid u wiegħdu li jobdu kull deċiżjoni li l-Papa jkun ħa għall-ġid tar-reliġjon fi Franza.
Fl-1804, hekk kif Napuljun ġie proklamat Imperatur tal-Franċiżi, huwa stieden lill-Papa Piju VII biex imur Franza ħalli jikkonsagrah bħala Imperatur. Kemm il-Papa kif ukoll l-Imperatur kienu anzjużi dwar l-effett li se tħalli ċ-ċerimonja. Min-naħa tiegħu, il-Papa kien konxju li seta’ jagħmel għedewwa l-mexxejja Ewropej, ukoll fost dawk li kienu Kattoliċi sostenituri tiegħu. Xtaq li jkollu żmien biex jassigura ruħu mill-aħħar modifiki tal-‘Artikli Organiċi’ (i) li kien iddegreta Napuljun u li kienu fuq prinċipji sekularisti. Il-Papa, madankollu, kien kostrett li jitlaq malajr għal Pariġi biss b’xi wegħdi lill-mexxejja Ewropej.
Nuqqas ta’ rispett minn Napuljun Fiż-żjara tal-Papa f’Pariġi spikka n-nuqqas ta’ kortesija li Napuljun wera lejn il-Papa b’mod intenzjonat. Dan it-trattament beda b’laqgħa każwali li ppermettiet lill-Imperatur biex jevita li joffri merħba pubblika u li tagħti importanza lill-Papa. Fiċ-ċerimonja vera u proprja tal-inkurunazzjoni Napuljun ħalla lill-Papa jistenna sagħtejn sħaħ qabel ma hu stess qiegħed il-kuruna imperjali fuq rasu.
Il-Papa kien mistieden sempliċiment biex jiġi affermat id-dritt għat-tron minn Napuljun. Napuljun ried juri kemm hu aqwa minn monarki oħra fl-Ewropa. Imma ġara li fil-vjaġġ tiegħu l-Papa kellu dimostrazzjoni ta’ sostenn minn parti tal-popolazzjoni Franċiża.
Fl-1806 Napuljun ppretenda li l-Papa jeħodha kontra l-għedewwa ta’ Franza, ikeċċihom mit-territorji tiegħu u ma jħallix li l-bastimenti tagħhom jidħlu fil-portijiet tal-Istati Vatikani. Il-Papa Piju VII m’aċċettax din it-talba b’mod uffiċjali għax kieku għamel hekk kien ifisser li qed jirrinunzja għall-indipendenza u n-newtralità politika.
Sentejn wara, Napuljun ordna l-okkupazzjoni ta’ Ruma u ddegreta li l-istat Pontifiċju jsir parti mill-Imperu Franċiż. Fuq dan, Napuljun ġie skomunikat mill-Papa. Din l-iskomunika saħħet ir-reżistenza Kattolika kontra l-Imperatur li kienet qed tiżviluppa fl-istess Franza u f’naħat oħra tal-Ewropa. Ir-reżistenza kienet ukoll b’mod simbolika, bħal meta Kattoliċi devoti li kienu jappartjenu għan-nobbiltà Franċiża ffurmaw l-‘Għaqda ta’ Kavalieri tal-Fidi’ biex jiddefendu l-Knisja.
Il-manuvri ta’ Napuljun
Napuljun żamm lill-Papa Piju VII 5 snin iżolat fi Franza biex mingħalih jirbaħ ir-reżistenza tiegħu. Il-Papa reaġixxa billi rrifjuta li jagħżel Isqfijiet nominati minn Napuljun hekk li n-numru ta’ sede vakanti tal-Isqfijiet żdied fil-kontinent kollu. Wara ħafna tentattivi biex tingħeleb din il-problema, tliet Isqfijiet talbu jiġi permess lill-Arċisqfijiet metropolita ta’ kull provinċja biex jinsedjaw huma l-Isqfijiet nominati mill-Imperatur. Għaxar Kardinali, żewġ Arċisqfijiet u sitt Isqfijiet talbu lill-Papa biex jagħmel kull sagrifiċċju possibbli għall-ġid tal-Knisja.
Piju VII aċċetta għal ftit żmien imma malajr fehem li kif kien imbiegħed mill-kunsillieri tiegħu, meħud minn Ruma u arrestat hekk li ma jista’ jagħmel xejn, se jkun qed jirrinunzja għal parti fundamentali tal-awtorità tiegħu. Għalhekk reġġa lura dak li kien nċeda. Il-Papa ġie meħud Fontainebleau, fejn Napuljun ittama li jġagħlu jagħmel dak li ried meta jkun ġie lura mill-ispedizzjoni militari kontra r-Russja. Napuljun qagħad attent li ma jkun hemm l-ebda dimostrazzjoni popolari billi bil-għaġla trasferixxa lill-Papa, f’nofs ta’ lejl u b’ilbies ieħor. Fi ftit jiem, Piju VII marad serjament u rċieva s-sagramenti tal-moribondi.
____
(i) ‘Artikli Organiċi’ – Prinċipji ta’ filosofija li Napuljun ippubblika flimkien mal-Konkordat, fejn l-awtorità ċivili tkun daqs dik tal-Papa. Dan f’ambjent ta’ kontroll tal-Istat fuq ir-Reliġjon..
Joe Galea