L-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tat-Transtu ta’ San Franġisk ta’ Assisi


Is-Sibt, 3 ta’ Ottubru 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof emeritu ta’ Għawdex fil-Quddiesa tat-Transtu ta’ San Franġisk ta’ Assisi fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria.

SEWWA WKOLL TKUN GĦARWIEN

Meta San Franġisk kien wasal biex imut, lil sħabu l-patrijiet talabhom ineħħulu ċ-ċoqqa ta’ fuqu u jpoġġuh għeri fuq l-art. Biex nifhmu din l-għażla stramba tal-Fqajjar ta’ Assisi tajjeb niftakru li għal Franġisku ħajtu kienet proċess li matulu pprova jtajjar kull għamla ta’ għata minn fuqu, kemm f’sens materjali u kemm f’sens spiritwali. Fil-fatt, kien hemm diversi passaġġi fl-istorja tiegħu fejn deher bla ħwejjeġ! Insemmi biss tnejn minn dawn.

Kien għad għandu 24 sena, qabel ma kkonverta, meta niżel Ruma biex jagħmel xi negozju u meta wasal fil-pjazza ta’ quddiem San Pietru u lemaħ għadd ta’ foqra, tant ħass għalihom li neża’ għarwien biex jagħmel esperjenza tal-miżerja. B’dik l-azzjoni Franġisku mhux biss neża’ ħwejġu imma wkoll is-suppervja li kellu: neża’ mill-“jien” tiegħu. Hu li ma kien jonqsu xejn u kien imlibbes bi ħwejjeġ sbieħ u fini kif ukoll b’ħafna unuri, għadda dik il-ġurnata fil-miżerja. Dak kien il-bidu tal-proċess li wasslu biex jagħraf lilu nnifsu! Ħafna drabi aħna “nilbsu” biex naħbu l-miżerja tagħna mhux biss għall-oħrajn imma wkoll għalina nfusna. U għalhekk ikun diffiċli għalina nagħrfu lilna nfusna. Meta qed ngħid “nilbsu” nifhem mhux biss il-ħwejjeġ taċ-ċarruta imma wkoll dawk li nfasslu u nxiddu fil-fantasija tagħna biex nidhru aħjar. Aħna l-bnedmin għandna xeħta kif ngħattu l-limiti tagħna!

Imbagħad it-tieni ġrajja seħħet fl-1206 fil-preżenza tal-Isqof ta’ Assisi, Gwido II. Missier San Franġisk, Pietru minn Bernardone, ried li ibnu jroddlu l-beni li kien ħadlu mid-dar biex jagħtihom lill-Knisja. Hawnhekk Franġisku mhux biss raddlu l-flus imma neża’ ħwejġu biex tahom lil missieru. Tumas minn Celano jikkummenta li dakinhar Franġisku saħansitra neża’ mir-rabta tiegħu ma’ missieru b’tali mod li mbagħad seta’ jerfa’ ħarstu lejn is-Sema u jagħraf lil Alla bħala Missieru.

Xi jrid jgħidilna San Franġisk b’dawn l-azzjonijiet xi ftit azzardati? Għal dan il-qaddis, li jinża’ minn kollox u jkun għarwien huwa misteru ta’ mħabba.

Tumas minn Celano jgħid li meta San Franġisk kien ineħħi ħwejġu huwa ma kienx ikun biss qed jeħles minn dak li huwa tad-dinja, imma wkoll u fuq kollox minn dak kollu li f’ħajtu kien f’kuntrast mal-Vanġelu. Franġisku ried jinfatam minn kull ħaġa li kienet tifirdu minn Ġesù. Din biss diġà fiha tagħlima kbira għalina. Spiss jiġri li aħna nġorru fuqna libsa tqila daqs iċ-ċomb – libsa li nagħżluha aħna stess jew forsi jlibbishielna ħaddieħor. Bit-toqol tagħha din ix-xorta ta’ libsa ttaqqlilna l-passi tagħna – ma tħalliniex inkunu tassew ħielsa f’dak kollu li naħsbu u nagħmlu. Hija libsa li tqegħedna f’kuntrast mal-Vanġelu ta’ Ġesù. Kemm kellu raġun Missierna Pawlu meta qalilna: “Għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa… u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla” (Efes 4:17-24)! Huwa għalhekk li hemm min isejjaħ din l-attitudni ta’ Franġisku li jtajjar minn fuqu ħwejġu bħala proċess ta’ konverżjoni kontinwa – attitudni li baqgħet miegħu sal-punt tal-mewt.

San Bonaventura jagħtina tifsira oħra ta’ dawn il-ġesti: jgħid li San Franġisk ried ikun għeri biex ikun jixbah dejjem aktar lil Ġesù, partikularment lil Ġesù fuq is-salib. Kienet drawwa tar-Rumani li lill-kriminali jonxruhom għarwenin fuq is-salib. Tgħid meta fil-Vanġelu San Ġwann jgħid li “wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qasmuhom f’erbgħa, sehem lil kull wieħed, u ħadu wkoll it-tunika” (19:23), l-evanġelista ried jgħidilna li lill-Imgħallem tagħna sallbuh għeri? Dan l-aħħar rajt Kurċifiss li jinsab f’Firenze, maħdum minn Michelangelo, fejn Ġesù huwa kompletament għeri. M’aħniex imdorrija narawh hekk; imma Kurċifiss għeri jfakkarna li Ġesù mhux biss neża’ minn ħwejġu imma wkoll mill-umanità u d-divinità tiegħu. Kif jikteb San Pawl, “għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bniedem u deher minn barra bħala bniedem” (Fil 2:5). Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li jgħid San Bonaventura, Franġisku baqa’ sal-aħħar nifs tiegħu jissielet biex jikber fix-xebh tiegħu ma’ Ġesù.

Dawn huma l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom fl-okkażjoni tat-Transtu ta’ San Franġisk. Fuq l-eżempju ta’ San Franġisk ma għandna nehdew qatt infittxu nikbru fix-xebh tagħna ma’ Ġesù. Li kien bħal San Pawl inkunu nistgħu ngħidu: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20)! Għaliex dak li bir-raġun Dante jgħid għal Franġisku (“imago Christi”, Paradiso, Canto XI) ma għandux jgħodd għal kull Nisrani? Min jara lilna ma jistax ma jiftakarx f’Ġesù.

Barra minn hekk, tajjeb inżommu quddiem għajnejna li għalina wkoll għad jasal il-waqt tat-transtu tagħna, meta niġu biex nagħmlu l-passaġġ għal għand il-Missier. Tgħid dakinhar ser ikollna l-kuraġġ li ngħidu lil dawk ta’ madwarna biex ineħħulna l-għata ta’ fuqna biex nidhru quddiem Alla aħna kif aħna mingħajr ebda tgeżwira! San Franġisk jgħid li l-bniedem jiswa skont kemm jiswa quddiem Alla: il-bniedem hu dak li hu fil-preżenza ta’ Alla. Quddiem Alla aħna bla ħwejjeġ. Għalxejn nippruvaw nitgħattew bħalma għamlu Adam u Eva, għax Alla jarana kif aħna mingħajr aċċessorji. Hekk ried ikun San Franġisk xħin ġie biex jiltaqa’ ma’ Alla wiċċ imb wiċċ; ħa jkollna aħna wkoll din il-libertà meta nkunu ma’ xulxin, aktar u aktar meta naslu biex nidhru quddiem Alla!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.