Meta mesaħ mal-libsa tiegħi


Kulħadd jaf li Patri Mario jbierek bl-ilma mbierek. Ejjew iċ-Ċentru tal-Onkoloġija u hemm issibuni, inbierek bl-ilma mbierek!

Patri! Kemm tużahom is-sagramentali! irrimarkali. Veru! Għandek mitt elf raġun! Nużahom fuq li nużahom! L-għaliex il-grazzja li tiġi mis-sagramentali hi mill-aktar qawwija! X’barkiet kbar hemm marbuta ma’ l-ilma mbierek, id-domna, il-Kuruna tar-Rużarju, l-iskapular, id-domna skapular, il-melħ imbierek, iż-żejt imbierek, il-Kurċifiss, ix-xemgħa u l-bqija! Aktar ma nużahom is-sagramentali aktar nintebaħ kemm iħobbna l-Mulej!

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna hekk fuqhom: Jissejħu sagramentali dawk is-sinjali mqaddsa li twaqqfu mill-Knisja bil-għan li jħejju l-bnedmin ħa jirċievu l-frott tas-sagramenti u jqaddsu ċ-ċirkostanzi kollha tal-ħajja. Fost is-sagramentali, il-barkiet għandhom post importanti: huma fl-istess waqt tifħir lil Alla għall-opri u d-doni tiegħu, u talb tal-Knisja biex il-bnedmin ikunu jistgħu jagħmlu użu tajjeb mid-doni ta’ Alla skond l-ispirtu ta’ l-Evanġelju. Minbarra l-Liturġija, il-ħajja nisranija titmantna b’ħafna suriet ta’ tjieba popolari li għandhom l-għeruq tagħhom f’kulturi differenti. Il-Knisja, waqt li tistħarriġhom u ddawwalhom bid-dawl tal-fidi, hi favur dawk is-suriet ta’ reliġjożità popolari li juru istint evanġeliku u għerf il-bnedmin u jagħnu l-ħajja nisranija (nri 1677-1679).

Għalhekk inħobb nuża’ l-ilma mbierek ħa jqaddes ‘il post, lin-nies u l-istejjer li niltaqa’ magħhom fl-isptar. Kull darba li nbierek is-swali, il-kurituri u l-waiting rooms ta’ dan il-post tat-tbatija kemm nitlob li t-tifħir tal-Mulej flimkien mal-ferħ u l-fejqan ta’ l-Evanġelju tiegħu jfejjqu lilna l-pazjenti u l-istaff f’dan iċ-Ċentru!

Darba, tifel ħelu u fuq ruħu, irrifjuta li nbierku. Il-ġenituri tiegħu insistewli: Bierku Patri! Għax għandu bżonn il-barka! U jien, bil-barka tal-ġenituri tiegħu, kont inbierku bl-ilma. Mela, darba minnhom, wara li beriktu, ġie fuqi u mesaħ idejh mal-libsa l-bajda tiegħi tal-quddiesa. Ilkoll dħakna għal dan l-għemil tassew ħelu ta’ tifel innoċenti.

Personalment, dan il-ġest tassew ħelu daħħalni f’dinja ta’ riflessjoni. Kos hux! Dan it-tifel, bl-innoċenza tiegħu, daħħalni fil-passaġġ tal-vanġelu tal-mara li messet il-mantar ta’ Ġesù (ara Mt 9:20-22). Missietlu l-mantar u fieqet! Għalhekk, f’qalbi, għedt: Mank jaħasra għandi l-fidi ta’ dan it-tifel Mulej! Mank Mulej immiss il-mantar qaddis tiegħek!

Dan il-fatt fakkarni fi kliem Papa Franġisku ta’ l-Erbgħa 31 ta’ Awwissu 2016: Ġesù, għal darb’oħra, bl-imġiba tiegħu mimlija ħniena, qed juri lill-Knisja l-mixja li għandha tagħmel biex toħroġ tiltaqa’ ma’ kull persuna, biex kulħadd jista’ jiġi mfejjaq fil-ġisem u fir-ruħ u jerġa’ jikseb id-dinjità ta’ iben u bint ta’ Alla.

Oħroġ minnek innifsek Patri! Terraq kemm tiflaħ, f’kull rokna tal-isptar! Terraq! Sakemm jintmesħu mal-libsa tiegħU li ġġorr fuqek ħalli jfejjaqhom!

Patri Mario Attard OFM Cap