Illum, Carlo Acutis ser jiġi dikjarat Beatu.

Print Friendly, PDF & Email

Illum, fil-Bażilika ta’ San Franġisk, f’Assisi ser issir il-Beatifikazzjoni taż-żagħżugħ Carlo Acutis, żagħżugħ li miet bil-marda tal-lukimja fl-età ta’ 15-il sena. Dan iż-żagħżugh hu protettur tal-internet. “L-ġenju tat-teknoloġija informatika fis-sema” hu l-isem tal-bijografija ta’ dan is-serv ta’ Alla.

Carlo Acutis kien jagħmel ħafna ġid fost sħabu l-istudenti tant li kien juża l-midja soċjali u l-internet biex iwassal messaġġi ta’ ġid. Hu kien jemmen li l-internet jista’ jkun “strument ta’ Katekeżi u ta’ Evanġelizazzjoni”.

Dan iż-żagħżugħ, minn mindu kien tfajjel kien devot kbir tal-Madonna u tal-Ewkaristija. Ħafna jiftakru frasi li kien iħobb jgħid: “L-Ewkaristija hija l-‘highway’ lejn il-Ġenna”

Illum, Carlo Acutis qed jiġbed diversi żgħażagħ lejn Alla. Patri Carlos Acácio Gonçalves Ferreira, patri Kappuċin li hu rettur tas-santwarju fejn il-ġisem ta’ Carlo Acutis hu midfun qal: “F’dawn il-ġranet ħafna nies mill-inħawi kollha tal-Italja, tal-Ewropa u anki tad-dinja, żgħażagħ u adulti, koppji separati u mhux, familji bit-tfal żgħar u kbar, diversi saċerdoti u reliġjużi ta’ kull età, ġew hawnhekk għal konfort, sostenn, konsolazzjoni, għal għajnuna u għal fejqan.” Ilkoll sabu f’dan iż-żagħżugħ, spiritwalità mhux daqshekk tqila, imma fl-istess ħin radikali u profonda. Skoprew li quddiemhom għandhom żagħżugħ, li filwaqt li għex ħajja ordinarja bħal kull żagħżugħ ieħor, l-fidi tiegħu għexha b’mod stra-ordinarju.

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’ittra li bagħat li żgħażagħ tad-dinja qal hekk: “Carlo hu tifel ta’ żmienna. Tifel ta’ żmien l-internet u mudell ta’ qdusija fiż-żmien diġitali”.

Waqt li kien qed jikkumbatti mal-marda tal-lukimja, Carlo offra t-tbatija tiegħu lil Alla għal Papa u għall-Knisja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.agensir.it/quotidiano/2020/10/9/beatificazione-carlo-acutis-p-ferreira-rettore-santuario-spogliazione-una-spiritualita-leggera-ma-radicale-e-profonda/

%d bloggers like this: