Ġwanni Pawlu II fil-Għana

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FL-AFRIKA. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Accra (Ghana), 8 ta’ Mejju 1980

Għeżież ħuti fi Kristu.

1. Ftit inqas minn għaxar snin ilu, kienet iċċelebrata hawm f’Accra l-ewwel laqgħa Panafrikana u Magalaxxja għal-lajċi. Bħala Isqof ta’ Krakovja kif ukoll bħala konsulent tal-kunsill tal-lajċi, kelli l-okkażjonii dakinhar – ukoll jekk ma attendejtx personalment – li nsegwi l-punti saljenti ta’ dik il-ġrajja storika b’attenzjoni partikolari, interess u ammirazzjoni. Fil-fatt, il-lajċi, irġiel u nisa, li kienu ġew minn 36 pajjiż Afrikan kienu qegħdin jgħidu b’vuċi waħda: “Preżenti!”

Kienu qegħdin jgħidu lid-dinja: “Aħna preżenti fil-komunjooni tal-fidili; aħna preżenti fil-missjoni tal-Knisja ta’ Kristu fl-Afrika!”

2.Għaxar snin wara, Alla tani l-opportunità li niġi ġo Accra biex noqgħod hawn magħkom, illum. Li niċċelebra l-Ewkaristija flimkien magħkom, li nkellimkom u permezz tagħkom li nindirizza messaġġ lil-lajċi kattoliċi kollha tal-Afrika. Illum huwa s-suċċessur ta’ Pietru, huwa l-Papa Ġwanni Pawlu II li jgħid: “Preżenti!”. Iva: jiena preżenti f’nofs il-Lajċi tal-Afrika; niġi bħala missierkom, u bħala ragħaj tal-Knisja universali. Jiena preżenti bħala ħukom fil-fidi!

Bħala ħukom fi Kristu, irrid ngħidilkom kemm jien viċin tagħkom fl-imħabba infinita tal-Mulej imsallab u rxuxtat, kemm inħobb lil-lajċi tal-Afrika!

Bħala ragħaj tagħkom, nixtieq nikkonfermakom fl-isforzi tagħkom biex tibqgħu fidili għall-Vanġelu, u fil-missjoni tagħkom li twasslu lill-oħrajn il-bxara t-tajba tas-salvazzjoni tagħna. Nixtieq inħeġġeġ lilkom, lajċi, biex iġġeddu permezz tal-Ewkaristija l-qawwa tal-impenn nisrani tagħkom, biex terġgħu tgħixu l-ferħ li intom membri tal-ġisem ta’ Kristu, biex tiddedikaw ruħkom mill-ġdid għal darb’oħra, bħala nsara tal-Afrika, għall-promozzjoni tal-iżvilupp awtentiku u integrali ta’ dan il-kontinent kbir. Flimkien magħkom, nixtieq niżżi ħajr lill-Missier ċelesti waqt li niftakar l-impenn tagħkom fil-fidi, l-operożità tagħkom fil-karità u fit-tama kostanti tagħkom fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu” (1Ts 1,3).

3. Ħuti fi Kristu, nixtieq nindirizza kliemi u l-barka tiegħi lil-lajċi kattoliċi f’kull pajjiż tal-Afrika. Nixtieq inmur ‘il hemm mill-fruntieri lingwistiċi, ġejografiċi u etniċi, u, bla distinzjoni, nafda lil kull wieħed u waħda lil Kristu l-Mulej. Għal dan, nitlob li kull wieħed u waħda minnkom li qegħdin tisimgħu dan il-messaġġ tiegħi ta’ solidarjetà fraterna u ta’ istruzzjoni pastorali, li tittrażmettuh lill-oħrajn. Nitlobkom li ġġegħlu jivvjaġġa l-messaġġ tiegħi minn raħal għal raħal, minn familja għal familja. Għidu lil ħutkom fil-fidi li l-Papa jħobbkom ilkoll u li jħaddankom fil-paċi ta’ Kristu.

4. Dan il-kontinent vast Afrikan kien iddotat mill-Ħallieq b’ħafna u ħafna riżorsi naturali. Fid-dinja kontemporanja tagħna rajna kemm l-iżvilupp u l-impieg ta’ dawn ir-riżorsi numerużi ikkontribwew bil-kbir għall-progress materjali u soċjali tal-pajjiżi ndividwali tagħkom.

Waqt li niżżu ħajr lil Alla għall-frott ta’ dawn il-progressi, ma rridux ninsew, ma nissugrawx ninsew li l-ikbar riżorsa u t-teżor l-iktar prezzjuż affdat lilkom u lil kwalunkwà ieħor huwa id-don tal-fidi, il-privileġġ tremend li nagħrfu lil Ġesù Kristu bħala l-Mulej.

Intom lajċi fil-Knisja, li tippossiedu l-fidi, l-ikbar fost ir-riżorsi kollha, intom għandkom opportunità unika u responsabiltà kruċjali. Permezz tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom fin-nofs tal-attivitajiet ta’ kuljum fid-dinja, intom turu l-poter li l-fidi tippossiedi biex tittrasforma d-dinja u biex iġġedded lill-familja umana. Ukoll jekk inhu moħbi u injorat bħall-ħmira, jew bħall-melħ tal-art li dwaru jitkellem il-Vanġelu, l-irwol tagħkom bħala lajċi huwa ndispensabbli għall-Knisja fit-twettiq tal-missjoni tagħha, riċevuta mingħand Kristu. Dan għallmuhulna b’ċarezza s-Santi Padri tal-Konċilju Vatikan II,  meta qalu: “Il-Knisja ma tistax tqis lilha nfisha reajalment kostitwita, ma tgħixx b’mod sħiħ, mhix sinjal perfett tal-preżenza ta’ Kristu fost il-bnedmin, kemm-il darba  l-ġerarkija ma jkollhiex ma ġembha u ma jikkollaborax magħha l-lajkat awtentiku. Infatti ma jistax il-Vanġelu jippenetra sewwa  gewwa  biżżejjed fil-mentalità tad-drawwa, fl-attività ta’ poplu, jekk tkun nieqsa l-preżenza dinamika tal-lajċi” (Ad Gentes, 21).

5. L-irwol tal-lajċi fil-missjoni tal-Knisja jiġbed f’żewġ direzzjonijiet: f’għaqda mar-rgħajja tagħkom u assistiti mill-gwida tagħhom, intom tibnu l-komunjoni tal-fidili; barra minn dan, bħala ċittadini responsabbli intom tinfdu s-soċjetà li fiha tgħixu bil-ħmira tal-Vanġelu, billi taġixxu b’fedeltà dawn iż-żewġ irwoli bħala ċittadini kemm tal-belt terrena kif ukoll tas-saltna tas-smewwiet, allura jitwettaq il-kliem ta’ Kristu: “Intom il-melħ tal-art… intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5,13- 14).

6. Illum ħutna qegħdin jirċievu l-ħajja l-ġdida permezz tal-ilma u l-Ispirtu Santu (cf. Ġw 3,3ss). Permezz tal-magħmudija huma jiġu nkorporati fil-Knisja, u jerġgħu jitwieldu bħala wlied Alla.

Huma jirċievu l-ogħla dinjità li kwalunkwè persuna jistà jkollha. Kif qal San Pietru, huma jsiru “razza magħżula, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla akkwista għalih sabiex jipproklama l-opri tal-għaġeb tiegħu” (1Pt 2,9). Permezz tas-sagrament tal-Griżma, huma jsiru magħqudin b’mod iktar intimu mal-Knisja, iddotati b’qawwa speċjali minn l-Ispirtu Santu (cf. Lumen Gentium, 11). Permezz ta’ dawn iż-żewġ sagramenti kbar, Kristu jsejjaħ lill-poplu tiegħu, Kristu jsejjaħ lil kull lajk biex jaċċetta l-parti tiegħu ta’ responsabiltà fl-edifikazzjoni tal-komunjoni tal-fidili.

Bħala lajċi intom imsejħa biex tieħdu parti attiva fil-ħajja sagramentali u liturġika tal-Knisja, u b’mod speċjali fis-sagrifiċċju ewkaristiku. Fl-istess ħin intom imsejħa biex tiċċirkolaw b’mod attiv il-Vanġelu permezz tal-opri tal-karità u l-impenn attiv tagħkom fl-isforzi kateketiċi u missjunarji, skont id-doni li kull wieħed u waħda minnkom irċivew (cf. 1Kor 12,4ss). F’kull komunità nisranija, ħa tkun hi l-“Knisja domestika” ikkostitwita mill-familja jew il-parroċċa li tikkollabora mas-saċerdot, jew id-dijoċesi magħquda madwar l-Isqof, il-lajċi li jħabirku, bħas-segwaċi ta’ Kristu fl-ewwel seklu, biex jibqgħu fidili għat-tagħlim tal-Appostli, fidili għas-servizz fratern, fidili għat-talb u għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija (cf. At 2,42).

7. Il-vokazzjoi nisranija tagħkom ma tifridkomx minn ħutkom. Ma tinpedikomx li timpenjaw ruħkom fl-affarijiet ċiviċi, linqas ma tippermettilkom li tgħaddu mingħajr ir-responsabiltajiet tagħkom ta’ ċittadini. Linqas ma temarġinakom mis-soċjetà u linqas ma teħliskom mill-provi ta’ kuljum tal-ħajja. Anzi, l-impenn tagħkom kontinwu fl-attivitaliet u fil-professjonijiet sekolari jagħmel parti awtentika tal-vokazzjoni tagħkom. Ladarba intom imsejħa biex tirrendu l-Knisja preżenti u fertili fiċ-ċirkostanzi ordinarji tal-ħajja: fil-ħajja konjugali u familjari, fil-kondizzjonijiet ta’ kuljum biex taqilgħu l-ħobż, fir-responsabiltajiet politiċi u ċiviċi, u fl-interessi kulturali, xjentifiċi u edukattivi. L-ebda attività umana ma hija aljena għall-Vanġelu. Alla jrid li l-ħolqien kollu jkun ordnat lejn is-saltna tiegħu, u għalhekk il-Mulej afda dan id-dmir b’mod partikolari lil-lajċi.

8. Il-lajċi tal-Knisja fl-Afrika għandhom irwol kruċjali x’jiżvolġu fis-soluzzjoni tal-problemi u fl-isfidi pressanti li dan il-kontinent vast irid jiffaċċja. Bħala lajċi nsara, il-Knisja tistenna minnkom li tiffurmaw il-futur tal-pajjiżi ndividwali tagħkom, li tikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom f’xi oqsma partikolari. Il-Knisja titlobkom li twasslu l-influwenza tal-Vanġelu u l-preżenza ta’ Kristu f’kull attività umana, u li tfittxu li tibnu soċjetà li fiha d-dinjità ta’ kull persuna tkun irrispettata, u l-ugwaljanza, il-ġustizzja u l-libertà jiġu difiżi u nkuraġġiti.

9. Illum irid ukoll nenfasizza l-esiġenza ta’ istrużżjoni permanenti u katekizzazzjoni tal-lajkat. Infatti, formazzjoni spiritwali u duttrinali serja biss fl-identità nisranija tagħkom, kif ukoll tħejjija ċivika u umana adegwata għall-attivitajiet sekolari, jirrendu possibbli dan il-kontribut tal-lajkat għall-futur tal-Afrika li huwa hekk b’mod qawwi mixtieq. F’dan il-kuntest, naħsbu għall-eżortazzjoni ta’ San Pawl: “Nitolbukom u bil-ħerqa nħeġġukom f’isem il-Mulej Ġesù: tgħallimtu minn għandna kif togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; fittxu li taġixxu dejjem hekk biex tiddistingwu ruħkom dejjem iktar” (1Ts 4,1). Biex tilħqu dan il-għan hija meħtieġa konoxxenza iktar profonda tal-misteru ta’ Kristu. Huwa meħtieġ li l-lajkat jippenetra f’dan il-misteru ta’ Kristu u jirċievi formazzjoni speċifika fil-kelma ta’ Alla li twassal għas-salvazzjoni. L-Ispirtu Santu qiegħed isejjaħ lill-Knisja biex tkompli miexja għal għonq din it-triq b’persistenza u perseveranza amorevoli. Irrid, mela, ninkoraġġixxi dawk l-inizjattivi denji fil-livelli kollha, li kienu diġa bdew isiru f’dan il-qasam. Jalla dawn l-isforzi jkomplu, u jalla jipprovdu l-lajċi dejjem iktar biex iwettqu l-missjoni tagħhom, sabiex permezz tal-qdusija tal-ħajja huma jkunu jistgħu jissodisfaw it-tant bżonnijiet li qegħdin jistennew quddiemhom, u sabiex il-Knisja kollha fl-Afrika tkun tistà tikkomunika lil Kristu b’effiċjenza dejjem tikber  .

10. Ħuti, it-tieni qari tal-quddiesa tallum ifakkar li Ġesù Kristu “huwa l-ġebla ħajja…” (1Pt 2,4). Ġesù Kristu huwa dak li fuqu jinbena l-futur tad-dinja u li minnu il-futur ta’ kull raġel u ta’ kull mara jiddependi. Hemm bżonn li nħarsu lejh f’kull okkażjoni. F’kull okkażjoni hemm bżonn li nibnu fuqu. Għalhekk intennilkom dak li għedt lid-dinja din is-sena nhar l-Għid: “La twarrbux lil Kristu, intom li qegħdin tibnu d-dinja umana.

La twarrbuhx intom li, fi kwalunkwè mod u fi kwalunkwè settur, qegħdin tibnu d-dinja tallum u ta’ għada, id-dinja tal-kultura u taċ-ċiviltà, id-dinja tal-ekonomija u tal-politika, id-dinja tal-medja u tal-informazzjoni, Intom li qegħdin tibnu d-dinja tal-paċi… La tirrifjutawx lil Kristu: huwa hu l-ġebla tax-xewka!”.

11. Bil-kliem tal-Appostlu Pietru, nistedinkom biex “titħaddnu miegħu hekk ukoll intom…tistgħu tiġu wżati bħala ġebel ħaj għall-bini tal-bini spiritwali” (1Pt 2,4-5), waqt li tibnu l-Knisja fl-Afrika u waqt li twasslu biex tavanza s-saltna ta’ Alla fuq l-art. Huwa b’dan l-ispirtu li nitolbu lil Missierna ċelesti: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int kif fis-sema hekk ukoll fl-art”.

Amen.


Għeżież ħuti tat-Togo u tal-Benin.

Grazzi talli ġejtu hekk numerużi, talli mxejtu hekk fit-tul biex tiltaqgħu mal-vigarju ta’ Kristu. Nistieden ukoll lilkom biex tibqgħu qawwija fil-fidi u magħqudin ħafna flimkien bejnietkom. Il-Mulej huwa fidil. Huwa ma jitlaqkom qatt, jekk intom ittuh il-fidi. U ersqu bil-ferħ għas-sagramenti tal-penitenza u tal-ewkaristija, waqt li taħsbu li huwa l-Mulej li jaħfrilkom, li jitmagħkom, li jagħtikom il-grazzja. Dan huwa s-sinjal viżibbli tal-preżenza tiegħu nviżibbli. Bħal ma kien jgħid il-Mulej irxuxtat: “Il-Paċi magħkom” “La tibżgħux”. Jalla l-Mulej iberikkom.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d