Fil-Vietnam, li fil-maġġoranza tiegħu hu pajjiż Buddista, hemm madwar 7 miljun Kattoliċi f’popolazzjoni ta’ 98 miljun. Tliet sorijiet li għandhom oriġini Buddista rrakkuntaw dwar l-ispirazzjoni li ħadu minn sorijiet Kattoliċi fil-pajjiż, l-aktar mid-dedikazzjoni tagħhom għall-foqra.
Is-soru Joanna Tra Thi Quanh, ta’ 41 sena qalet li kienet impressjonata mill-mod kif żewġ sorijiet tal-ordni ‘Ulied Marija Immakulata’kienu ta’ għajnuna għall-familja tagħhom. Ikkonvertiet għar-reliġjon Kattolika flimkien ma’ membri oħra tal-familjari tagħha. Joanna Tra Thi Quanh iżżur bdiewa fil-bżonn, twasslilhom ħwejjeġ, ikel, tgħinhom fl-iskola u tgħinhom meta jimirdu, jitilfu l-prodotti tal-għelieqi u meta jintlaqtu minn diżastri naturali.
Is-soru Lucia Nguyen Thi Nong, ta’ 64 sena, hi mill-Ordni tal-‘Madonna tal-Viżitazzjoni’. Missierha kien inqatel mill-gwerilli komunisti fl-1967. Kellhom jaħarbu u sabu kenn u ngħataw ikel u edukazzjoni mis-sorijiet tal-istess Ordni. Lucia Nguyen Thi Nong tieħu ħsieb il-katekiżmu għal xi 200 Kattoliċi. Tieħu ħsieb ukoll 40 tfal iżgħar minn 6 snin minn familji tal-lokal u 10 nisa li spiċċaw tqal u abbandunati mis-sieħeb tagħhom.
Is-soru Ephrem Nguyen Thi Luu, ta’ 76 sena, hi tal-Ordni ta’ ‘San Pawl ta’ Chartres’. Billi kellha talent mużikali, bagħtuha fi skola mmexxija mill-brothers ta’ De La Salle u mbagħad fi skola tal-Ordni ta’ ‘San Pawl ta’ Chartres’. Ta’ 16-il sena saret Kattolika u ngħaqdet mas-sorijiet ta’ din l-Ordni, li joffru ikel, ħwejjeġ u provisti bażiċi lill-pazjenti fl-isptarijiet, lil anzjani mingħajr familja u lil tfal li jgħixu fuq dgħajjes fix-xmajjar. Is-sorijiet jagħmlu korsijiet għal 200 tfal bla skola li jbiegħu il-gazzetti, li jnaddfu ż-żraben lin-nies fit-toroq u li jiġbru oġġetti użati biex jaqilgħu l-għajxien.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea