Il-kmandament il-kbir


Il-Ħadd, 25 ta’ Ottubru 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi  fil-Quddiesa tat-30 Ħadd tas-Sena. Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan.

Il-kmandament il-kbir

Il-mistoqsija dwar liema hu l-kmandament il-kbir, fi żmien Ġesù, kienet mistoqsija tajba biex toħloq diskussjoni sħiħa, u għalhekk fl-Evanġelju tal-lum il-Fariżej riedu jdaħħlu lil Ġesù f’din id-diskussjoni.

Ir-raġuni kienet li għall-popli ta’ żmien Ġesù kien hemm ħafna liġijiet u regolamenti. Jekk tħares lejn l-ewwel ħames kotba tat-Testment il-Qadim, kien hemm 613 liġijiet u regolamenti differenti. Minn dawn, aktar minn nofshom kieu jgħidu x’m’għandekx tagħmel – kien hemm 365, daqs il-ġranet tas-sena, jgħidu dak li m’għandekx tagħmel, per eżempju li m’għandekx taħqar lill-fqir, lill-armla, lill-barrani – u l-bqija x’għandek tagħmel. Kellhom dawn il-liġijiet kollha.

Meta lil Ġesù staqsewh liema hu l-kbir, kienu qed jgħidulu biex jagħżel. U Ġesù fil-fatt jieħu żewġ kmandamenti – wieħed mill-ktieb tad-Dewteronomju u l-ieħor mill-ktieb tal-Levitiku – u jgħaqqadhom flimkien. Jgħid: dan hu l-ewwel kmandament, “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu”; dan huwa t-tieni: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Ġesù jgħaqqad dawn it-tnejn flimkien. Qed jgħid Ġesù li jekk inti verament tħobb lil Alla, tħobb ukoll lil għajrek. Dan kien il-kontribut speċjali ta’ Ġesù meta għaqqadhom flimkien u wera li ma hemmx firda bejniethom.

X’inhu l-messaġġ ta’ Ġesù għalina llum?

L-ewwelnett Ġesù jenfasizza li dik li għandha tmexxina fil-ħajja tagħna hi l-imħabba. Din hi r-ruħ ta’ dak li għandna nagħmlu. Qabel ma hemm “agħmel hekk” u “tagħmilx hekk”, hi l-imħabba li għandha tkun fil-qalb. Fil-fatt, Papa Benedittu XVI, fl-Enċiklika tiegħu Alla hu mħabba, jispjega dan tajjeb ħafna. Jgħid li fil-ħajja Nisranija, fil-qalba tagħha, ma hemmx l-ewwel “agħmel hekk” u “tagħmilx hekk”, imma l-ewwel hi r-relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla li mbagħad tintwera fil-prattika billi aħna ngħidu: din nagħmilha għax hi tajba, din ma nagħmilhiex għax hi ħażina. Kollox frott tal-imħabba. Il-kmandamenti kollha għandhom ikunu espressjoni ta’ din l-imħabba.

Ħu, per eżempju, l-obbligu tal-quddiesa tal-Ħadd fiċ-ċirkustanzi normali, għax nafu li fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom li mhumiex normali, tal-pandemija, ma hemmx dan l-obbligu. Aħna nafu li għadna mmorru l-quddiesa l-Ħadd, imma għandna nagħmlu dan mhux sempliċiment għax obbligu u nieqfu hemm. Għandha tkun espressjoni tal-imħabba tagħna lejn Alla għax nafu li hawn niltaqgħu ma’ Alla li jħobbna, li jixtiqilna l-ġid, li jixtieq li jimlielna lil ħajjitna bl-imħabba tiegħu, u għalhekk ikollna tassew l-isbaħ fil-ħajja tagħna. Ara x’differenza meta tħares lejha b’dan il-mod, kif jixtieq tassew il-Mulej!

Li jgħallimna Ġesù mbagħad hu li aħna ma għandna qatt nifirdu l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn. Għaliex? Għax jekk tħobb lil Alla, minn hemm għandha tiġi li tħobb lill-bniedem li hu xbieha ta’ Alla. F’post ieħor, fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù jgħid: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. Hemm djalogu interessanti fil-ħajja ta’ Santa Katerina ta’ Siena meta titkellem ma’ Ġesù, u hu jgħidilha: int ma tistax tħobbni daqskemm inħobbok jien, għaliex jien ħabbejtek qabel, jien ħabbejtek l-ewwel, jien ħabbejtek qabel ma tajtni xi ħaġa int. U jgħidilha: imma int tista’ tħobb lill-oħrajn kif ħabbejtek jien, billi lill-oħrajn tħobbhom int l-ewwel, bħalma għamilt jien miegħek. Toqgħodx tistenna, ħobbhom int l-ewwel.
Ara kemm hi sabiħa meta aħna ma nifirdux l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Ikun hawn min jifridhom. Per eżempju, jekk ikun hemm min jgħid “jiena nħobbu lil Alla” u jitlob, imma mbagħad meta jmur id-dar, jittratta ħażin lill-mara u lit-tfal. Qed ngħid mhux għax jinqala’ xi argument, imma jittratta ħażin kontinwament bi stil ta’ ħajja; jew inkella jittratta ħażin fix-xogħol lill-ħaddiema. Ġesù qed jgħid: mhijiex vera mħabba lejn Alla jekk ma twasslekx biex lill-oħrajn tistmahom u tirrispettahom. Mill-banda l-oħra, ikun hawn min jgħid: jien ngħin lill-oħrajn, lil min hu fil-bżonn, imma m’għandix għalfejn nitlob. X’jiġri meta tirraġuna hekk? Tkun qed tinqata’ mill-għajn tal-imħabba, mir-relazzjoni ma’ Alla, u tkun qed tifred l-imħabba lejh mill-imħabba lejn l-oħrajn.

Għalhekk importanti li naraw kif dawn ikunu fil-ħajja tagħna tassew magħqudin: l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Jekk veru nħobbu lil Alla, minn din l-imħabba toħroġ l-istima, ir-rispett lejn l-oħrajn u lejn id-dinjità tagħhom. Dak li smajna fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Eżodu jgħodd ħafna. Mhux biss li aħna nħobbu lil ta’ madwarna, l-ewwel; dak importanti għax qegħdin diġà ma’ ġenbna fil-ħajja ta’ kuljum. Imma l-kelma ta’ Alla tgħidilna: “La taħqarx lill-barrani u la tgħakksux”. Jekk jien ngħid li nħobb lil Alla u fi kliemi ma nistmax lil min hu barrani jew ninsultah, Ġesù qed jgħidli li tiegħi mhijiex imħabba vera lejn Alla, għax ma nistax ngħid li nħobb lil Alla u nikkalpesta jew ninsulta lill-bniedem xbieha tiegħu. Qed ngħid dan għax, speċjalment online, kultant taqra kummenti li tibda tistħi minflok min qed jiktibhom! Kummenti fuq nies li għandhom iħammru wiċċ min jiktibhom! Kif tista’ tikteb hekk fuq bniedem li hu xbieha ta’ Alla?

Għalhekk importanti li aħna dejjem niftakru f’din il-kelma ta’ Ġesù li ngħaqqdu flimkien l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn. Nindunaw kemm hi sabiħa ħajjitna meta nibnuha tassew fuq din l-imħabba.

Nitolbu lill-Mulej biex jagħtina din il-grazzja: li aħna qatt ma nifirdu l-imħabba lejh u lejn l-oħrajn, anzi tkun din l-imħabba lejh li twassalna biex nuru dejjem stima, rispett u mħabba lejn l-oħrajn, li huma xbieha tiegħu, kif għallimna u kif uriena hu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.