Kulħadd għandu tort! Barra … !

Ikolli xi ngħid ma’ ħafna! Mhux huma? Jiena kwiet u kwieta nkun. Safejn naf jien għall-affari tiegħi nkun għaddej u għaddejja! Imma mbagħad joħorġuli wrong side! U hemm nibdew il-problemi! U ngħaxxqu l-bużillis!

Affarih jekk jgħid li qed jgħid! Aħjar għalih! Minn qallu jagħmel aktar milli hemm fuq il-karta! Mhux hu qed iġibha l-għejja b’idejh? U hi? Aħjar għaliha! Mhux hi tgħid IVA lil kulħadd! Imbagħad tiġi teqred għax daħku biha! Ittradewha! Jekk hi beċċun? U mela jien se nkun daqshekk iblaħ u belha li noqogħdilhom tapit? Jew kif ngħidilhom jien inkella xejn! Lili x’ħasbuni dawk! Għadhom ma jafux ma’ min qed jagħmluha! U jdendlu kushom! Ara veru imsieken ta!

Imbagħad jiġi jgħid għax iħossu hekk! Ilni ngħidlu! Kiltu ilsieni! Kien imissu sema’ minni! Wara kollox jien għall-ġid għedtlu. Mhu ħa ndaħħal xejn fil-but! Imbagħad tiġi hi tilgħabha tal-qaddisa! Ara jien ma nafx ta! Agħar minn dawn li jilgħabuha tal-qaddisin m’hawnx fuq wiċċ id-dinja! Lanqas b’nemmes ma rrid narahom! Aħjar tidher ħażin u tkun tajjeb milli tidher tajjeb u tkun ħażin!…

Insomma, l-istorja tikber u titwal kemm tridha. L-oħrajn għandhom it-tort! Għax l-oħrajn ma jifhmux. Ma jafux x’ħa jaqbdu jagħmlu b’ħajjithom. Tant li jitfixklu saħansitra fiż-żarbuna tagħhom stess! Għax paroli għandhom! Biex imbagħad lanqas l-ilma li jixorbu ma jiswew. U le! Ara min irid jitkellem? U mhux għalhekk ninħaraq jien! Jekk jgħidilhom xi ħaġa t-tali jibilgħuha! U għax ngħid l-istess ħaġa jien ma jagħtux kasha! Huma għandhom it-tort! Mhux jien! Huma jaħtu! Għax kliemi xeħtuh wara daharhom u tawh fuq li tawh bis-sieq! Biex, iddur iddur, fi kliemi ġew!

Kemm weġgħat hux minn dawk li jgħidu li huma biss għandhom raġun! Ma nafx l-għaliex nagħmlu plejtu sħiħ meta niltaqgħu ma’ dawn in-nies li jdejqu lil kulħadd meta, u fir-rejaltà, kulma dawn il-povri jkunu qed jgħidulna, hi ħaġa waħda biss: ismagħni ftit! Ħalli niżvoga dak li hemm fija! Mill-esperjenza tiegħi ta’ dawn l-aħwa din sibt li għandhom tabilħaqq bżonn. U nifhimha! M’hemmx bżonn li taqbel magħhom bilfors! Anzi! Mill-esperjenza tiegħi, aktar ngħidlek li għandek tkun sod fil-konvinzjonijiet tiegħek. Għax aktar int tkun int u huma jkunu aktar huma. Madankollu, agħtihom ċans joħorġu l-weġgħat tagħhom. Għax b’hekk jistgħu jibdew il-proċess ta’ fejqan.

Xi trid biex bniedem turih ftit tar-rispett? Trid xi għalqa? Imma ħej, għal uħud, kemm hi diffiċli li dan ir-rispett juruh! Sewwa! Mela lil ta’ ġewwa naqilgħulhom ruħhom għax, minħabba s-suppervja u r-ras iebsa tagħna, qatt u qatt ma naċċattew li jistgħu joħorġu b’xi ideja sabiħa u tħalli l-frott. U mbagħad, meta jitfaċċa fuq ix-xefaq l-‘espert’ u l-‘esperta,’ il-kelma tiegħu u tagħha aqta’ kif niggranfaw magħha! Eh ħija! Għax dak l-espert! U dik l-esperta! Ħallieha jekk l-espert u l-esperta jafu idaħħluna f’nasba u f’xibka esperta ta’ esperti li huma! U li, ta’ esperti li huma, aqta’ kemm jkunu jafu jaslu idejhom bħal Pilatu għax jaħsluhom bil-pulit!

Kemm iġib weġgħat bejnietna hux l-għeluq! U kemm idennu u jiffjammaw il-ġrieħi li nġorru ħtija tal-preġudizzji li għandna kontra xulxin! Jien, ħaġa li għadni ma nistax nifhem hi li, xi nies, għalkemm studjaw fuq li studjaw, xorta waħda baqgħu basal u injoranti! U dan l-għaliex baqgħu qalbhom iebsa, ħadra u lesta li tivvendika! Xi ħadd mhux Malti dan l-aħħar irrimarkali li, f’pajjiżna, fost id-dnubiet li għandna hi l-qalb vendikattiva. Kemm hawn min hu vendikattiv! Ma jfissirx li popli oħra m’għandhomx min hu vendikattiv u aħdar tafux! Ħarsa lejn l-istorja malajr iġġibna f’tagħna f’dan is-suġġett. Imma l-qalb vendikattiva f’dan il-pajjiż donnha li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed tikber fostna!

Għalhekk jien, umilment, nistaqsi: Għaliex? Għaliex din il-ħdura bejnietna? Ejjew il-farming inħalluh għall-ħut u mhux biex nikkultivaw qlub ħodor u vendikattivi! U, għall-mistoqsija: l-għaliex hawn daqshekk qlub ħodor u vendikattivi? it-tweġiba li l-Mulej jagħtini hi din: jekk ma nitolbux dinożawri se niġu! Jekk ma nersqux lejn il-qrar, il-quddies, ir-Rużarju u nipprattikaw il-ħniena ma’ xulxin se nibqgħu nibbuljaw wieħed lill-ieħor bla ħniena ta’ xejn!

Darba, persuna esperta fil-qasam tas-saħħa, qaltli hekk: Kemm hawn bżonn li xi nies iqattgħu ftit jiem fl-isptar ħa jaraw il-verità tal-ħajja x’inhi! Uħud jaħsbu li għax ħajjithom hi ward u żahar allura qatt mhu ħa jiġrilhom xejn. U se jibqgħu għaddejjin fuq ir-rubini. Kulma jmissu jsir deheb. U għalhekk, li jgħidu huma, tajjeb u ħażin, dritt u imgħawweġ, hu l-verità. U allura hekk għandu jsir. Issa dawn in-nies, li ssibhom ma’ kullimkien, ħa jifhmu li meta nintlaqat mis-saram aqta’ kemm l-affarijiet nibda’ narahom xorta oħra! Meta nibda’ naqla’ mill-ħajja, aktar u aktar meta nibda’ induq il-mard, kemm nibda’ nintebaħ li kont żbaljat u żbaljata! Għax min jimxi dejjem fuq it-takkuna qatt ma jkun jaf it-temperatura tal-art li fuqha miexi! Jekk hiex is-sħana jew il-bard, jekk hiex xotta ikella tiżloq! Imma ħej, meta jinża u tinża’ dik it-takkuna, kemm l-affarijiet ikunu xorta oħra! Għax l-esperjenza tkun tar-rejaltà diretta u salvaġġa tal-ħajja!

Fil-ħajja kulħadd għandu tort u raġun. Fil-ħajja kulħadd jitgħallem mingħand kulħadd. Ejjew nisimgħu lil xulxin! Mhux biex nagħmlu bħal xulxin imma, almenu, dak li jkun iħossu u jħossha stmat u stmata. Bħala persuna umana. B’dinjità. Għaliha nnifisha. Għax semgħuh! U semgħuha! U mhux biex ħaddieħor forsi jibda’ jirrispettaha jew għandu u għandha tappartjeni għal xi klikka inkella għandu jew għandha tiġi midħuna minn xogħol iebes! Mentri ħaddieħor ipappi kien u ipappi baqa’!

Huwa meta nħobbu lil xulxin għax nagħtu spazzju lil xulxin ħa nikbru flimkien li d-diska li tbikkik u tbikkini ta’: Kulħadd għandu tort! Barra … jien! tibda’, bil-mod il-mod, tinbidel, għax issir: Kulħadd kif jaħsibha. Imma ejjew naraw fejn nistgħu naqblu bejnietna! U meta tirraġunali b’ħajtek u b’azzjunitek u mhux bi kliemek fiergħha, lili tkun qed tgħidli biex nurik fiduċja! U b’hekk se tirbaħni! Għax kellek il-gazz li twarrab lill-klikka u, għal darba, fakkartni li aħna tassew familja!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading