Qari tal-Quddies tas-Sibt tas-XXVII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Ressqu l-minġel; għax laħaq il-ħsad!
Ġoel 4, 12-21

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel

Dan jgħid il-Mulej:
Ħa jitqanqlu l-ġnus
u jmorru fil-Wied ta’ Ġosafat!
Għax hemm se noqgħod biex nagħmel ħaqq
mill-ġnus kollha ta’ madwar.
Ressqu l-minġel;
għax laħaq il-ħsad!
Ejjew, isħqu b’riġlejkom,
għax mimli l-magħsar;
il-btieti mfawrin,
għax kbira ħżunithom!
Rassa bla qies f’wied is-sentenza!
Għax Jum il-Mulej fil-qrib f’wied is-sentenza.
Ix-xemx u l-qamar jiddallmu,
u l-kwiekeb jitilfu dijiethom.
Il-Mulej iriegħed minn Sijon,
isamma’ leħnu minn Ġerusalemm;
u s-smewwiet u l-art jitriegħdu!
Iżda l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn,
ikun fortizza għal ulied Iżrael!
Imbagħad tagħrfu li jien il-Mulej, Alla tagħkom,
li ngħammar f’Sijon, il-muntanja mqaddsa tiegħi!
Ġerusalemm tkun post qaddis,
qatt iżjed ma jgħaddu minnha l-barranin!
U jiġri dakinhar, il-muntanji jqattru l-inbid ġdid,
l-għoljiet inixxu l-ħalib,
u l-widien kollha ta’ Ġuda jfuru bl-ilmijiet.
U minn dar il-Mulej tnixxi għajn
li ssaqqi Wied Sittim.
L-Eġittu jsir ħerba waħda,
Edom jinbidel f’deżert li jbikki,
minħabba fil-moħqrija li wrew ma’ wlied Ġuda
meta xerrdu demmhom bla ħtija f’arthom.
Imma art Ġuda tkun mgħammra għal dejjem,
u Ġerusalemm għal dejjem ta’ dejjem.
U nitħallas minn demmhom li s’issa għadni ma tħallastx minnu
u l-Mulej jgħammar f’Sijon.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 96 (97), 1-2.5-6.11-12

R/. (12a): Ifirħu, ġusti, fil-Mulej

Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,
u jifirħu l-ħafna gżejjer!
Sħab u dlam hemm madwaru;
is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

Bħax-xama’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,
quddiem is-Sid tal-art kollha.
Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;
jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu. R/.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust,
u l-hena għal qalb in-nies sewwa.
Ifirħu, ġusti, fil-Mulej,
u faħħru l-isem qaddis tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Hieni l-ġuf li ġiebek! Aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!
Lq 11, 27-28

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qed jitkellem, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”. Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu